- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Inħarsu d-dinjità ta’ kull persuna (Parroċċa Sannat, 23 ta’ Lulju 2006)

Posted By admin On July 23, 2006 @ 12:10 pm In 2006 | Comments Disabled

INĦARSU D-DINJITÀ TA’ KULL PERSUNA

Festa ta’ Santa Margerita, Sannat – 23 ta’ Lulju 2006

Persuni vittimizzati

Qegħdin ngħixu f’epoka meta jinħass sens qawwi ta’ vittimizzazzjoni, jiġifieri li wieħed jew waħda tħossha jew iħossu vittma. Donnu għandna kumpless fejn, trid jew ma tridx, tgħid li inti vittma ta’ xi preġudizzju, vittma ta’ l-istorja tiegħek, vittma ta’ azzjoni ta’ xi ħadd jew ta’ xi wħud.

Is-soċjoloġi – u dan mhux qed ngħidu biss għal pajjiżna imma għas-soċjetà tal-Punent, – jgħidu illi hawn ċerta kompetizzjoni biex wieħed juri li hu vittma iktar minn ħaddieħor! Issa, għal xi wħud minn dawk illi jgħidu li qed ibatu minn din il-vittimizzazzjoni, din tkun biss fantasija u immaġinazzjoni.

Imma lanqas nistgħu ngħidu li mhux veru illi fostna għandna minn hu vittimizzat: għandna individwi li jbatu għax huma vittmi, għandna gruppi li jħossuhom u huma vittmi, u għandha dawk li jsejħulhom popli vittimizzati, speċjalment jekk aħna nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq il-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina.

U min jista’ jkun il-kawża ta’ din il-vittimizzazzjoni? Jistgħu jkunu individwi stess, jew gruppi ta’ persuni li qegħdin jivvittimizzaw lil ħaddieħor; saħansitra tista’ tkun sistema li tiġi adottata u tkun minnha nnfisha toħloq il-vittmi.

Ir-risposta tal-poplu nisrani

Quddiem din is-sitwazzjoni, x’inhi r-risposta tal-poplu nisrani? Għax sewwa nagħmlu l-festi u niċċelebraw il-qaddisin tagħna, imma ħażin għalina jekk dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ma jkunux mumenti ta’ riflessjoni ftit serja li twassalna għall-azzjoni.

U llum ħassejt li għandi naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar din ir-realtà ispirat minn Santa Margerita. Għax Santa Margerita hija verġni u martri, imma hija wkoll vittma. Aħna mhux biss nissimpatizzaw ma’ Santa Margerita għax hija vittma, imma nħarsu lejha għaliex hija tispirana kif għandna nġibu ruħna quddiem dan il-fenomenu, inkwantu li rridu nkunu preżenza li mhux biss ma tagħmilx vittmi, imma li teħodha kontra kull ħaġa li b’mod jew ieħor qegħda tirfes id-dinjità tal-persuna umana. Santa Margerita tgħallimna wkoll illi minkejja li aħna bħala vittimi xi darba jew oħra nsibu ruħna mirfusa, hemm mod kif ngħixu din ir-realtà b’dinjità, hemm mod kif aħna nkomplu nagħmlu ċerti għażliet bil-libertà kollha tagħna.

Kristu, il-qaddej li jbati għall-umanità

U minn fejn ispirtat ruħha Santa Margerita f’dan kollu? Għaliex hija għarfet issib it-teżor ta’ ħajjitha, il-ġawhra, u biegħet kollox biex din il-ġawhra ma jeħodhielha ħadd, ebda persuna, ebda sistema, ebda poter. Kif għadna kif għedna fit-talba ta’ l-introduzzjoni, din il-ġawhra hija Kristu, il-Vanġelu, il-Bxara t-Tajba. Iva, Kristu huwa l-vittma per eċċellenza. Kristu huwa dak illi offra lilu nnifsu bħala l-vittma bla tebgħa għall-espjazzjoni tad-dnubiet ta’ l-umanità. Imma fl-istess ħin Kristu huwa dik il-vittma illi ried ikun għalina l-prototip ta’ kif aħna nġibu ruħna f’sitwazzjoni simili.

U forsi ħadd ma jista’ jgħinna nifhmu lil Kristu bħala vittma daqs il-profeta Isaija, meta jitkellem dwar il-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh. L-arċisqof Oscar Romero jgħid illi tant hemm xebħ bejn il-bniedem vittma u l-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh, illi dawk li jinterpretaw l-Iskrittura mhumiex ċerti jekk f’dak li jgħid Isaija dwar il-qaddej sofferenti kienx qiegħed jirreferi għal Kristu biss, jew kienx qiegħed jirreferi għal dawk il-popli li huma vittimizzati, għal dawk l-individwi li huma sofferenti. Iva, hemm xebħ qawwi bejn il-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh, Kristu l-vittma u l-vittmi ta’ żmienna.

U x’jgħid Isaija? Hemm diversi kapitli li jitkellmu mill-Qaddej sofferenti ta’ Jahweh; jien se nipprova niġborhom f’ħames ħsibijiet qosra.

Il-Qaddej sofferenti ta’ Jaħweh

Il-qaddej sofferenti huwa dak li ġie miċħud u mwarrab; miċħud u mwarrab mhux mill-barrani imma minn niesu stess. Il-qaddej sofferenti huwa dak illi sofra vittimizzazzjoni minn niesu stess.

Dan mhux biss – u hawn tidher aktar il-gravità ta’ dan id-dnub, – kien imwarrab, imma ġie vittimizzat f’isem Alla, bħalma fl-aħħar mill-aħħar anke lil Kristu sallbuh, qatluh f’isem Alla.

Il-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh huwa dak illi ġie vittimizzat minkejja illi ma għamel ebda deni u ma qal ebda qerq.
Il-qaddej sofferenti ġie mqaċċat, vittimizzat b’sentenza inġusta: allura vittimizzazzjoni ta’ inġustizzja.
Il-qaddej sofferenti huwa dak illi ġarr fuqu d-dnubiet ta’ ħutu l-bnedmin. U dan jgħinna biex aħna nifhmu li kull xorta ta’ vittimizzazzjoni hija forma ta’ dnub, u għalhekk hija kundannabbli.

U dak illi qegħdin ngħidu għall-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh japplika perfettament għal Kristu, għax Kristu wkoll ġie miċħud minn niesu; Kristu wkoll sab ruħu vittma minkejja li fih ma kien hemm ebda qerq u ma għamel ebda deni; huwa ġie kkundannat f’isem Alla; huwa dak li refa’ d-dnubiet tad-dinja.

Imma dan li qegħdin ngħidu dwar Kristu, il-mudell li fuqu fasslet ħajjitha Santa Margerita, verġni, martri u vittma, nistgħu napplikawh ukoll għal Margerita.

Il-martri mxew fuq il-passi ta’ Kristu

Mill-ftit ta’ l-istorja li għandna dwarha aħna nafu illi kienet għadha tifla meta ġiet vittimizzata minn ta’ ġewwa meta ommha u missierha bagħtuha titrabba ma’ mara oħra. U meta mbagħad għamlet l-għażla tagħha favur Kristu, l-istorja tgħidilna illi Teodosju mtela bil-mibegħda lejha.

Nafu illi Margerita ġiet vittimizzata mill-prefett Olibriju, minħabba l-prinċipji tagħha. Veru li fil-każ ta’ Margerita huma prinċipji kristjani, u għalhekk wassluha għall-martirju; imma ma nistgħux ninsew lil dawk li huma vittimizzati minħabba l-prinċipji li huma jħaddnu.

Santa Margerita ġiet vittimizzata mill-poter ta’ żmienha, Dijoklezjanu, li mbagħad taha l-martirju. U nistgħu ngħidu li anke fi żmienna dan mhux fatt inawdit meta min huwa fil-poter jista’ jabbuża mill-poter tiegħu u jivvittimizza lill-oħrajn.

Margerita ġarrbet il-vittimizzazzjoni għax riedet timxi skond il-kuxjenza tagħha! Anke lum, huma diversi dawk li jintalbu jmorru kontra l-kuxjenza tagħhom, għax altrimenti jsibu ruħhom vittimizzati.

Imma minkejja kollox, Margerita baqgħet soda fit-twemmin tagħha, u sabet il-forza ħalli hija setgħet tagħmel għażla libera, l-għażla favur Kristu, anke jekk dan swielha prezz għoli ħafna, li huwa l-martirju. U forsi aħna mhux dejjem, meta nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet bħal dawn, nagħrfu nġeddu dawn l-għażliet liberi tagħna favur is-sewwa, favur it-tajjeb li jispirana dwaru Alla l-imbierek.

Vittmi ta’ żmienna

Għaliex qed ngħid dan kollu? Għaliex inħoss li anke fi żminijietna l-komunità nisranija ma tistax tibqa’ indifferenti quddiem persuni li fis-sena 2006 – mhux fis-seklu 4 bħal Santa Margerita! – qegħdin ibatu għax huma vittmi.

Mhuwiex il-mument illi nagħmel lista ta’ dawn il-vittmi li jeżistu fis-soċjetà tagħna, imma biżżejjed inqabbadkom ir-riflessjoni billi insemmilkom xi eżempji.

Vjolenza fuq it-tfal

Għandna t-tfal li qed jiġu vittimizzati. Ħafna drabi meta nitkellmu dwar it-tfal bħala vittmi jiġina f’moħħna l-abbuż sesswali tat-tfal, jew l-abbuż fiżiku, jew psikoloġiku tat-tfal. Iva, dawn huma affarijiet ħżiena, u hemm bżonn illi niqfulhom, ikunu ġejjin minn fejn ġejjin. U hemm bżonn illi nsemmgħu leħinna biex uliedna jiġu mħarsa u rispettati.

Imma jeżistu abbużi oħra. Infatti jekk il-ġenituri mhumiex preżenti għall-ħajja ta’ wliedhom, dak ukoll huwa mod kif nagħmluhom vittmi għax inkunu nċaħħduhom minn preżenza daqshekk importanti fil-ħajja, fit-trobbija, fil-formazzjoni tagħhom. U l-preżenza tal-ġenituri ma jista’ jissostitwiha ħadd, la n-nanna, la n-nannu, la z-zijiet, u inqas w inqas xi ħadd barrani miċ-ċirku tal-familja. Imma forsi anke dan huwa frott tas-sistema li qegħdin ngħixu fiha, u allura hija s-sistema li qed toħloq din it-tbatija.

Vjolenza domestika

Tip ta’ vittmi oħra li nixtieq nirriflettu fuqhom huma l-vittmi ta’ dik li tissejjaħ il-vjolenza domestika, dik il-vjolenza li sseħħ bejn l-erba’ ħitan tad-dar. Uħud minn ħutna, kemm nisa u kemm irġiel, huma vittmi tal-vjolenza domestika. Din il-pjaga hemm bżonn li tiġi indirizzata bis-serjetà; hemm bżonn inkunu b’għajnejna miftuħa ħalli dawn il-vittmi, fejn suppost qed igawdu l-imħabba tal-familja, ma jibqgħux jiġu mneżża’ mill-istess dinjità tagħhom, bi skandlu għaċ-ċkejknin, għall-ulied,.

Ir-refuġjati u l-klandestini

Vittmi oħra ta’ żmienna huma dawk li qed jaslu fi xtutna minn artijiet imbegħda, dawk li jissejħu klandestini. Imma fost dawn hemm refuġjati, hemm dawk illi l-awtoritajiet jirrikonoxxulhom l-istat ta’ refuġjat. Allura ma nistgħux inpoġġu lil kulħadd f’keffa waħda, għax jekk huma refuġjati allura dawk għandhom id-dritt illi jiġu milqugħa u li jiġu trattati ta’ bnedmin. Imma dwar l-emigranti irregolari l-oħra li jaslu fostna, qed tinħoloq mewġa ta’ razziżmu. Ħadd ma jista’ joqgħod fuq dawk il-bankijiet tal-knisja, ħadd ma jista’ jidħol fil-knisja jekk b’mod jew ieħor jipparteċipa fir-razziżmu. Ir-razziżmu huwa mod kif tinħoloq vittimizzazzjoni ġdida, kif aħna naħqru lill-bniedem.

Xi ħadd jista’ jistaqsi jekk pajjiżna jistax jiflaħ għal dan il-piż! Dik kwistjoni oħra. Dik nittrattawha mod ieħor. Imma mhux nitilqu mill-presuppost illi dawn huma r-rifjut u allura m’għandhomx jirfsu fuq xtutna. Xi drabi dawn in-“nies tad-dgħajsa” jkunu f’pożizzjoni tassew perikoluża, u n-nuqqas ta’ azzjoni tagħna f’waqtha tista’ tipperikola l-ħajja tan-nies.

Jiena diġà pproponejtha lill-kappillani, u sibt li kien hemm qbil dwarha, li aħna bħala Knisja f’Għawdex irridu nagħmlu xi ħaġa favur dawn ħutna illi ma jitilqux b’kapriċċ minn pajjiżhom. Speċjalment, nerġa’ ngħid, għar-refuġjati. Veru li l-problema ħafna drabi tiżvolġi ruħha fuq il-gżira oħtna ta’ Malta, imma dak ma jfissirx li aħna noqogħdu gallarija. Aħna Knisja! U jekk tassew nemmnu li kull forma ta’ vittimizzazzjoni hi ħażina, allura anke f’dan ir-rigward għandna nagħmlu xi ħaġa. U nittama li meta naslu għal xi forma ta’ konklużjoni nsibu l-koperazzjoni ta’ kulħadd.

Sistema li toħloq il-vittmi

Hemm tipi ta’ vittmi oħrajn. Għidtilkom li xi darba tista’ tkun is-sistema li toħloq il-vittmi, u ħa ntikom każ konkret, prattiku biex tifhmuni.

Xi ġimgħat ilu ġiet tkellimni persuna, professjonista, u qaltli li xi ħadd talabha tiffalsifika ċertifikat. Din il-persuna ħasset fil-kuxjenza li m’għandhiex tagħmel dan ir-reat. Imbagħad kompliet tgħidli: “imma ħallast prezz għoli, għax min bagħat dik il-persuna għandi biex jiena nagħtiha dak is-servizz diżonest, ma bagħtitx iktar nies għandi.”
Nistaqsi jekk jistax ikun li għandna sistema fejn, taħt forma jew oħra, forsi anke forma pulita, aħna qegħdin noħolqu vittmi ġodda. Hija din is-sistema li qed issostni n-nisġa ta’ ġensna ?

L-imġieba tal-komunità nisranija

Bħala Knisja x’sejrin nagħmlu quddiem din ir-realtà? Żgur li m’għandniex inżidu iktar vittmi. Għax xi drabi l-komunità nisranija toħloq il-vittmi, speċjalment minħabba l-użu ħażin ta’ l-ilsien. It-tpaċpiċ żejjed li għandna, meta aħna nparlaw, niġġudikaw, xi drabi nikkalunjaw u nċamaw lil dak u lil ieħor, aħna nkunu qegħdin noħolqu vittmi.

Per eżempju, quddiem ir-realtà ta’ persuni illi m’humiex miżżewġin b’mod regolari, x’inhi r-reazzjoni tagħna? M’iniex ngħid li nbierku dik is-sitwazzjoni, imma lanqas m’għandna ngħadduhom passjoni u nżidulhom il-piż u t-tagħbija li huma għandhom. Xi drabi quddiem sitwazzjonijiet irregolari, flok ma nkun akkoljenti u nippruvaw inressquhom lejn il-misteru ħalli jagħrfu l-verità, u hekk idawlu l-kuxjenza biex imbagħad jirrivedu l-ħajja tagħhom, aħna nemarġinawhom u naqtgħuhom mill-komunità.

Kif inġibu ruħna ma’ persuna illi forsi minħabba l-prinċipji tagħha jew il-mod kif tesprimi ruħha mhux dejjem tkun taqbel mal-pożizzjonijiet tal-komunità nisranija? Persuna bħal din għandha tiġi mwarrba jew ikkastigata? Jew għall-kuntrarju nippruvaw inkunu aktar miftuħin, attenti, nħobbu, ħalli persuna bħal dik mhux tiġi vittimizzata, imma ngħinuna tiskopri l-verità, kif għamlet Margerita?

Noħolqu soċjetà li tħares id-dinjità ta’ kull persuna

Meta l-komunità nisranija tibqa’ passiva u ma tagħmel xejn quddiem inċidenti bħal dawk li semmejna, din tkun qed iżżid il-vittmi, tkun qegħda tikkopera ma’ dawk li jivvittimizzaw lil oħrajn. Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ azzjoni tagħna jfisser li aħna qegħdin, b’mod jew ieħor, nipparteċipaw ma’ din il-kultura, ma’ din is-sistema ta’ vittimizzazzjoni.

Dawn il-vittmi u l-popli vittimizzati huma l-preżenza attwali ta’ Kristu msallab. Hi teoloġija pawlina illi l-Knisja hija l-ġisem ta’ Kristu. Dawk il-persuni li qegħdin isofru għax huma vittmi, dawk huma l-ġisem ta’ Kristu fuq is-Salib, fuq il-Golgota. Imma flok l-isem Golgota nistgħu nibdlu l-isem u nqiegħdu isem ieħor, bħal Għawdex, Malta, l-Ewropa, jew pajjiż ieħor.

Quddiem din ir-realtà aħna x’sejrin nagħmlu? U hawnhekk jiena nitlob lil Santa Margerita, li tant hi maħbuba minn din il-komunità, ħalli tkun hi li tispirana, sabiex mhux biss noqogħdu attenti biex ma nagħmlux dan id-dnub billi noħolqu vittmi ġodda, imma naraw x’għandna x’nagħmlu biex intaffu dan il-piż; naraw kif nistgħu ntaffu ftit mit-tbatija ta’ dan il-ġisem ta’ Kristu-Vittma msallab fuq is-salib; naraw kif nistgħu bil-mod il-mod nirbħu din il-mentalità u din il-kultura tal-vittimizzazzjoni.

U kif Margerita ħallset prezz għoli bil-martirju imma ħarġet rebbieħa, din għandha tkun it-tama tal-komunità nisranija. Din hija komunità illi tiċċelebra l-Ewkaristija kull nhar ta’ Ħadd u kważi kuljum. F’din l-Ewkaristija aħna nissieħbu mhux biss mas-sagrifiċċju ta’ Kristu-vittma, imma mal-misteru tal-qawmien ta’ l-Għid. Dan il-misteru tar-riżurrezzjoni għandu jimbuttana ’l quddiem biex ebda ostaklu ma jfixkilna milli aħna naħdmu ħalli jkollna soċjetà li tassew tixraq lil kull persuna, ikun xi jkun it-twemmin tagħha, tkun xi tkun ir-razza tagħha.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/07/23/inharsu-d-dinjita-ta%e2%80%99-kull-persuna-knisja-sannat-23-ta%e2%80%99-lulju-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.