- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Xhieda tal-valuri tal-Vanġelu (Parroċċa San Ġorġ, 16 ta’ Lulju 2006)

Posted By admin On July 16, 2006 @ 12:07 pm In 2006 | Comments Disabled

XHIEDA TAL-VALURI TAL-VANĠELU

Festa ta’ San Ġorġ, Rabat – 16 ta’ Lulju 2006

Soċjetà fi kriżi ta’ valuri

Teologu kontemporanju, li huwa wkoll teologu tal-Konċilju, Hans Küng – anki jekk mhux dejjem huwa ortodoss fl-opinjonijiet tiegħu, – għandu artiklu jismu “Why I am still a Christian”. L-istess artiklu jgħid ċerti affarijiet li bl-ebda mod ma nista’ nikkondividihom. Imma fl-introduzzjoni jagħmel punt interessanti. Jagħmel analiżi tas-soċjetà ta’ żmienna, u jgħid li s-soċjetà ta’ żmienna għaddejja minn kriżi ta’ valuri. Din il-kriżi tista’ tkun il-waqgħa mhux biss ta’ l-individwi imma anki tas-soċjetà u ta’ l-istat. Ikompli jgħid li donnu hemm consensus bejn il-bnedmin illi almenu għandu jkollna nukleu ta’ valuri. Hemm consensus illi l-istat ma jistax jgħaddi mingħajr l-ordni, mingħajr liġijiet. Imma biex ikollok sistema ta’ liġijiet tajbin irid ikollok sens ta’ ġustizzja; u biex ikollok sens ta’ ġustizzja, irid ikollok sens ta’ etika, ta’ morali.

Minfejn ħa nġibu l-etika u l-morali? L-imdawlin ta’ żmienna jgħidu li hemm ir-raġuni. Imma l-esperjenza wriet illi r-raġuni waħidha m’hix biżżejjed. U l-esperjenza ta’ mijiet ta’ snin – biex ma ngħidx ta’ eluf – tgħallimna illi l-bażi ta’ l-etika u tal-morali hija bażi reliġjuża. U allura l-valuri illi għandu bżonn il-bniedem u s-soċjetà biex tkun tista’ tfassal in-normi illi jiggwidawna fil-ħajja komunitarja tagħna għandhom bażi reliġjuża.

Patrimonju ta’ valuri reliġjużi

Aħna l-insara għandna patrimonju f’dan ir-rigward, għaliex matul is-sekli l-insara, imdawlin mill-Vanġelu, għarfu jilqgħu l-valuri li wasslilna Kristu, li m’humiex valuri li jmorru kontra r-raġuni, anzi jipperfezzjonaw dak li nistgħu naslu għalih bir-raġuni. Il-fidi u r-raġuni m’humiex kuntrarji għal xulxin. Għal ħafna sekli dan kien il-framework ta’ ħafna soċjetajiet, anki tas-soċjetà tagħna. Dan il-patrimonju rċivejnih mingħand Ġesù Kristu, illi ġie fostna biex jifdina bħala bnedmin sħaħ; mhux ruħ biss, imma ruħ u ġisem; Kristu, li ġie bil-Bxara t-Tajba ħalli jipproponilna l-verità. Imma biex jagħmel hekk Kristu kellu jħallas prezz. Kristu huwa l-Martri tal-martri. Kif smajna fil-Vanġelu llum, “min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu minħabba fija, isalvaha”. U Kristu ta ħajtu minħabba l-Missier, minħabba kull wieħed u waħda minna.

It-teologu Bultmann jgħid li Kristu ma kienx imsallab bi żball, għaliex ir-Rumani jew il-Lhud għamlu kalkoli ħżiena; imma l-istil tal-ħajja tiegħu, il-valuri li huwa xandar kienu jikkuntrastaw ħafna ma’ dik li San Ġwann isejħilha “id-dinja”. U allura għal Kristu kienet mewt pre-annunzjata.

Għaliex ħafna drabi, meta wieħed jipprova jgħix u jwassal u jikkonvinċi dwar dawn il-valuri tal-Vanġelu, li għandhom ikunu bażiċi għall-ħajja tagħna, ħa jsib il-ħlas ta’ profeta, ħa jsib id-destin li kellu Kristu. Niġu eliminati. Għaliex Kristu, bniedem reliġjuż, ġab kriżi fis-soċjetà ta’ żmienu, ġab kriżi għall-awtoritajiet politiċi ta’ żmienu, ġab kriżi għall-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmienu? Għaliex?

Teologu ieħor, Ignazio Ellacuria, jistaqsi: qattx waqaft taħseb kif Pilatu għamel għażla jekk jagħtix il-libertà lil Kristu jew lil Barabba? Barabba xejn ma kien bniedem kwiet. Kien bniedem li joħloq l-inkwiet, kien bniedem ribell li jġib id-diżordni. Imma kien jaqblilhom lir-Rumani u lil-Lhud illi jkun hemm diżordni fiżiku, milli jħallu lil Kristu, li ġabilhom diżordni fil-kuxjenza, diżordni fil-moħħ tagħhom, fis-sens illi ħawwadhom, u jdaħħalhom fi kriżi. Għaliex Kristu sab ruħu msallab, meta hu ġie biex iħobb lill-bniedem u jurih il-verità? Għaliex ħafna drabi l-bniedem, fl-egoiżmu tiegħu, jingħalaq quddiem il-verità, u flok ma jħaddan dawk il-valuri li huma mogħtijin lilu minn fuq, joħloq il-valuri tiegħu.

U din hija raġuni oħra għaliex għandna nfittxu l-bażi tal-valuri u tan-normi tagħna fir-reliġjon. Għaliex jekk aħna rridu nitolbu ubbidjenza inkundizzjonata quddiem ċerti liġijiet u ċerti valuri, allura jrid ikollna sors, għajn li hija awtorità inkundizzjonata. U din l-awtorità hi Alla l-Imbierek.

Il-qaddisin idaħħlu fi “kriżi” s-soċjetà ta’ żmienhom

Mhux biss Kristu ġralu li ġralu, imma anki qaddisin oħrajn, specjalment il-qaddisin martri. Illum qegħdin nagħmlu festa lil San Ġorġ martri. Għaliex San Ġorġ ħa l-martirju? Għax ġab fi kriżi s-soċjetà ta’ żmienu. Kien skomdu għas-soċjetà ta’ żmienu. U għaliex kien skomdu? Għaliex emmen fi Kristu, għaliex kien konvint mill-valuri tal-Vanġelu, u kien lest illi jħallas b’ħajtu stess biex dawn il-valuri jgħaddihom lis-soċjetà ta’ żmienu. Iva, San Ġorġ ħa l-martirju mhux bi żball, imma b’konsegwenza ta’ l-għażla li għamel ta’ Kristu f’ħajtu. San Ġorġ ħa l-martirju għaliex in-nies ta’ żmienu riedu jeħilsu minnu, riedu jemarġinawh darba għal dejjem. Imma, għalhekk, illum nixtieq nistedinkom, ħbieb tiegħi, ħalli f’din il-festa nagħtu ġieħ xieraq lil San Ġorġ billi nfittxu li aħna wkoll ma nibżgħux inkunu martri għal Kristu.

It-teologu Hans Urs von Balthasar jgħallem illi l-martirju huwa ħaġa serja ħafna fil-ħajja tal-Knisja. U ma nistgħux aħna niffesteġġjawha biss. Il-martirju m’hux esperjenza ta’ l-imgħoddi, imma l-martirju għandu jkun l-esperjenza tagħna ta’ kuljum, l-iktar f’soċjetà sekularizzata bħal ta’ żmienna.

Attakki kontra l-ħajja u l-familja

Għaliex illum inħoss illi iktar minn qabel aħna l-insara għandna naffrontaw id-dinja ta’ madwarna u nwasslu l-valuri tal-Vanġelu? Dawn il-jiem smajna b’wieħed ġej minn Spanja, ġinekologu, li għamlilna proposta! Qalilna illi lil dawk li jridu joqtlu lit-trabi tagħhom qed noffrulhom is-servizz tagħna b’xejn. Ma setax ikun hemm oltraġġ iktar serju lejn in-nazzjon tagħna, lejn il-poplu tagħna, milli nipproponu għajnuna lil min irid jagħmel omiċidju! X’inhi l-pożizzjoni tagħna quddiem ġrajja bħal din? Qisu ma ġara xejn?

Aħbar oħra, ukoll din id-darba ġejja minn Valencia. Għadha kif intemmet il-Laqgħa Mondjali dwar il-Familji. U ntqal tajjeb – ippruvajt insegwi ftit mid-diskorsi – illi l-familja hija l-ewwel vittma reali ta’ l-ideoloġija kontemporanja. Hass, il-president taċ-Ċentru Nazzjonali Kattoliku għall-Bioetika, fisser kif il-familja ġiet ittrasformata f’post fejn qed isseħħ l-akbar aggressjoni kontra l-umanità. Il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Fidi qal li waħda mill-akbar sfidi ta’ żmienna hija l-isforz li qed tagħmel is-soċjetà sekularizzata biex jinbidlu l-liġijiet li għal sekli sħaħ kienu jirrispettaw il-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja, li huma patrimonju komuni għas-soċjeta, liġijiet ibbażati fuq il-liġi naturali. U meta hemm liġijiet b’direzzjoni li jmorru kontra dan it-tagħlim, li jmorru kontra l-kuxjenza ffurmata sewwa, m’għandu jkollna l-ebda dubju jew inċertezza illi liġi bħal dik hija inġusta u allura lanqas tobbliga; u l-bażi ta’ dan qiegħed fil-prinċipju illi lil Alla nagħtuh dak li hu ta’ Alla u lil Ċesri nagħtuh dak li huwa ta’ Ċesri.

Xewqa għal valuri veri

Għaliex għandna bżonn nippropagaw il-valuri? Għaliex għandna bżonn nagħmlu l-festi, bħalma qegħdin nagħmlu llum – għax hawn min ukoll irid joqtol il-festi! – u npoġġu qaddisin, bħalma hu l-qaddis San Ġorġ, bħala mudell għas-soċjetà ta’ żmienna?

Il-Ħadd li għadda f’gazzetta lokali bl-Ingliż kien hemm riċerka dwar il-valuri taż-żgħażagħ tagħna. Aqrawh ħalli jkollkom analiżi ftit jew wisq oġġettiva tas-soċjetà tagħna. Ukoll l-editorjal ta’ l-istess gazzetta jittratta dwar din l-istess tema. Persentaġġ għoli jgħid illi ż-żgħażagħ tagħna għandhom kriżi f’dawk li huma valuri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ispiritwalità, f’dawk li huma valuri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-imħabba, valuri li għandhom x’jaqsmu mas-sens ta’ impenn, valuri li għandhom x’jaqsmu mas-sens ta’ ġenerożità u mħabba. Din hija s-soċjetà tagħna, u jammettuh iż-żgħażagħ infushom! Din hija konfessjoni ġejja miż-żgħażagħ tagħna stess.

Ma nistgħux ma nxandrux il-valuri tal-vanġelu

Quddiem din ir-realtà m’għandniex bżonn, jewwilla, min, bħal San Ġorġ, fuq il-passi ta’ Kristu, idaħħal fi kriżi lis-soċjetà ta’ żmienna? U ndaħħlu fi kriżi f’sens tajjeb, biex inġagħlu lill-bniedem tal-lum jaħseb, biex quddiem il-kultura tal-mewt – bħal min qed jipproponi l-qerda tat-tarbija fil-ġuf, il-ħajja li tibda mill-ewwel mument tal-konċepiment – aħna nippridkaw il-kultura tal-ħajja! U tiġix tgħid li dan huwa diskors konfessjonali! Dan huwa diskors li japplika perfettament għal min għandu għal qalbu d-dinjità tal-persuna umana.

Quddiem il-frakass tal-familji, ma jidhrilkomx li huwa l-mument li aħna, ilkoll kemm aħna, inxandru l-Vanġelu tal-familja? U anki f’din il-ħaġa m’hemmx għalfejn inkunu konfessjonali; għaliex li jkollok familja illi tirnexxi, li jkollok miżżewġin li għandhom garanzija illi ħa jibqgħu ta’ xulxin, u ħadd m’hu ħa jisraqlu lil ħadd, li jkollok ulied li għandhom iċ-ċertezza li għandhom kenn fil-familja tagħhom, mhux biża’ jekk inkampawx jew le: dan huwa diskors purament uman. Imma l-Vanġelu tal-familja jsaħħaħ dawn il-valuri.

M’għandniex bżonn illi liż-żgħażagħ tagħna, li għandhom għatx għall-valuri veri u li ma jkunux vittma tal-kummerċ ta’ żmienna – kif għidtilhom fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, meta ltqajt maż-żgħażagħ tagħkom fil-pjazza, – inwasslulhom il-valuri tal-Vanġelu?

Imma jien nibża’ illi San Ġorġ mhux biss idaħħal fi kriżi lis-soċjetà u lill-istat, imma jdaħħal fi kriżi lill-Knisja: idaħħal fi kriżi lilna. Meta qed ngħid Knisja qed nifhem minni, isqof, sa l-iċken wieħed fostkom. Għax ladarba aħna ltqajna hawn flimkien, iltqajna għax aħna Knisja. Jekk San Ġorġ irċieva l-martirju, għala le jien m’għandix nirċievi l-martirju? Jekk San Ġorġ, għaliex għex il-Vanġelu, għaliex b’wiċċu minn quddiem, kontra kull kurrent, ipproklama l-verità dwar il-bniedem u dwar Alla, ħa l-martirju, għaliex aħna ma tmissniex din ix-xorti? Forsi għax aħna nagħżlu triq oħra? Forsi għax aħna rridu nirtiraw u nibżgħu wisq għal ġildna, u nibżgħu nipprofessaw it-twemmin tagħna? “Min jistħi jistqarrni quddiem il-bnedmin, jien nistħi nistqarr li huwa miegħi”… għadna kif smajna lil Kristu jgħidilna. Għandna sens ta’ mistħija, għandna sens ta’ omertà meta niġu biex nitkellmu dwar valuri. Jew inkella forsi aħna stess, u nerġa’ ngħid, mill-kbir saż-żgħir, m’aħniex konvinti biżżejjed, m’għandniex dik il-konvinzjoni li mexxiet lil San Ġorġ ħalli jmur kontra l-imperatur u jkun jista’ jipproklama d-dritt għal-libertà reliġjuża?

Il-qaddisin jistimulawna biex inxandru l-Vanġelu

Forsi jista’ jkun għax aħna m’aħniex nieħdu bis-serjetà l-formazzjoni kristjana tagħna. Ilkoll kemm aħna għandna kont x’nagħtu lil Alla jekk fil-ħajja Kristjana tagħna, fil-ħajja ekkleżjali tagħna, nintilfu fuq ħafna affarijiet u ninsew dak li huwa essenzjali: il-formazzjoni li ġejja mill-Kelma ta’ Alla. Jistax ikun illi aħna iktar moħħna fl-imgħoddi, aħna iktar attenti biex inħarsu, nissalvagwardaw l-istorja, imbagħad forsi qed nittraskuraw il-preżent, u allura fil-futur għad nibku?

Ħbieb tiegħi, hemm bżonn illi din il-kriżi li ħoloq fina Kristu, kriżi illi kkawża fina San Ġorġ, tkun ħaġa permanenti, fis-sens illi aħna ma norqdux, imma nħossu xi ħaġa x’tistimulana. Jiena nawgura illi l-ferħ ta’ din il-komunità, il-festi li qegħdin nagħmlu f’ġieħ San Ġorġ, jixprunawna ħalli aħna wkoll nagħmlu eżami ta’ kuxjenza u naraw kemm l-imħabba tagħna lejn San Ġorġ hi mħabba awtentika, hi mħabba li għandha tqanqalna, timbuttana, tmexxina ħalli nkunu xandâra tal-valuri tal-Vanġelu li tana Kristu, u hekk nagħtu kontribut tant meħtieġ biex is-soċjetà ta’ żmienna tkun soċjetà illi tassew tirrispetta lil kull bniedem – il-bniedem ħaj huwa l-glorja ta’ Alla! – u allura nagħtu glorja lil Alla l-Imbierek


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/07/16/xhieda-tal-valuri-tal-vangelu-knisja-san-gorg-16-ta%e2%80%99-lulju-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.