Il-ministeru tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla (Parroċċa Xewkija, 25 ta’ Ġunju 2006)

IL-MINISTERU TAX-XANDIR TAL-KELMA TA’ ALLA

Festa ta’ San Ġwann Battista, Xewkija – 25 ta’ Ġunju 2006

Xandâr ta’ l-Aħbar it-Tajba

Għaliex nagħmlu festa? Għaliex kif jgħid San Pawl fil-qari li qrajna mill-Atti ta’ l-Appostli, lilna ġiet afdata l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni. Lilna ġiet afdata l-Kelma t’Alla. U jekk illum inġbarna biex f’din il-komunità parrokkjali nagħmlu festa lil San Ġwann il-Battista, San Ġwann huwa kbir u ta’ min jagħmillu festa, ta’ min jiċċelebrah għax kien dak illi laqa’ din il-Bxara t-Tajba, kien dak illi din il-Bxara t-Tajba wassalha lill-bnedmin ta’ żmienu. U jien konvint illi jekk illum irridu nagħtu ġieħ lil San Ġwann Battista għandna nieqfu nirriflettu dwar il-Bxara it-Tajba tas-salvazzjoni illi Ġwanni laqa’ u xandar bħala l-profeta.

Din ir-riflessjoni tagħmel sens iktar f’dawn il-ġranet peress illi kemm fuq livell ta’ djoċesi kif ukoll fuq livell ta’ komunità parrokkjali qegħdin nirriflettu dwar pjan pastorali, jiġifieri dwar pjan ta’ ħidma li għandu jkollha l-komunità nisranija. U wieħed mill-punti essenzjali ta’ kull pjan pastorali huwa proprju kif aħna ser naqsmu flimkien il-Bxara t-Tajba; kif sejrin nimitaw lil San Ġwann l-Għammiedi u nwasslu din il-Bxara li teħles lill-bnedmin ta’ żmienna. Hija riflessjoni dwar il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u l-ħidma ta’ katekeżi li żgur ilkoll kemm aħna għandna bżonnha. Żgur li lkoll kemm aħna għandna nipparteċipaw b’mod attiv biex bħal San Ġwann aħna nxandru l- Bxara t-Tajba, aħna nagħmlu ħidma kateketika illi tassew tiswa għall- bniedem tal-lum.

Ġwanni l-Battista huwa bħal priżma, li tħares minn fejn tħares lejh dejjem tilmaħ xi ħaġa interessanti. U f’din il-meditazzjoni ta’ dalgħodu jiena nixtieq nillimita ruħi biex nikkontemplaw lil Ġwanni l-Battista bħala l-katekista per eċċellenza.

Għaliex hemm min jitbiegħed mill-Knisja?

Meta nirrifletti dwar dan hemm ċerti punti illi jqanqluli kurżità. Per eżempju: San Mark jgħidilna illi San Ġwann meta kien jippriedka kienet tmur għandu Ġerusalemm kollha u l-Lhudija. U jien nistaqsi: imma dan x’ikun illi Ġerusalemm, li suppost hija ċ-ċentru tar-reliġjon, Ġerusalemm li suppost kienet is-sede ta’ dawk illi kellhom f’idejhom il-katekeżi, ma baqgħetx tattirahom lin-nies u kellhom ifittxu għajn oħra, dawl ieħor, u jitilqu mill-ħajja tal-belt u jmorru fid-deżert biex jissodisfaw il-għatx, dak l-għatx li hemm inerenti f’kull persuna?

U min kien imur għand Ġwanni l-Għammiedi? Kull kategorija ta’ nies. Kif ikompli jirrakkontalna San Mattew, kienu jmorru rġiel u nisa, kienu jmorru dawk li jiġbru t-taxxi, kienu jmorru s-suldati, kienu jmorru saħansitra s-saċerdoti ta’ żmienu. U allura anke din il-ħaġa tqanqal fija kurżità, u ngħid: imma għaliex? Għaliex? X’kien hemm speċjali fi Ġwanni biex dawn in-nies iħallu dak li huwa suppost iċ-ċentru li minnu kienet issir il-Bxara t-Tajba, ix-xandir tal- Bxara t-Tajba, u jfittxu lil Ġwanni?

U din id-domanda jiena nagħmilha anki għall-ħajja tagħna llum. Suppost illi l-Knisja hija Ġerusalemm tal-lum. Suppost li l-Knisja tagħna hija t-tempju ta’ Ġerusalemm. Imma ninnutaw illi hemm ċertu numru ta’ nies illi qegħdin jitbiegħdu mill-knisja, qegħdin jitbiegħdu mit-tempju t’Alla u qegħdin ifittxu għejun oħrajn. U nistaqsi – biex nagħmlu eżami ta’ kuxjenza: għaliex dan kollu? Hemm xi ħaġa li mhix taħdem sew? Il-kontenut tal-katekeżi li aħna qegħdin nagħmlu hemm bżonn nirriflettu dwaru u nirreveduh? Il-metodi ta’ katekeżi m’għandhomx bżonn illi jiġu riveduti?

Il-liturġija trid tissarraf f’ħajja ta’ fidi

Inkompli nirrifletti dwar Ġwanni l-Għammiedi. Interessanti li għalkemm missieru kien saċerdot, kien bniedem tal-kult – tant illi t-tħabbira tat-twelid tiegħu saret proprju waqt illi Żakkarija kien qed jaqdi dmiru fit-tempju, – Ġwanni ma jagħżilx il-kult, ma jagħżilx il-liturġija bħala dak il-post privileġġjat biex issir il-katekeżi, imma jitbiegħed mit-tempju, jitbiegħed mill-kult u jmur f’art xagħrija fid-deżert. Għaliex? Meta fl-Iskrittura hemm tant regoli dwar il-ħajja tal-kult, meta l-liturġija hija tant importanti għall-ħajja tal-poplu Lhudi, għaliex Ġwanni jagħmel din l-għażla?

Jien nistaqsi: il-kult ta’ żmienna, il-liturġija li aħna niċċelebraw, din l-istess liturġija li qegħdin nagħmlu dalgħodu, li suppost għandha tkun l-ogħla mument waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tagħna, huma mumenti illi jqanqlu l-qalb tal-bniedem ħalli jiġi katekizzat, ħalli tassew jilqa’ l-Bxara t-Tajba? Il-liturġija li aħna niċċelebraw hija mument privileġġjat għal dawk kollha li jipparteċipaw fiha ħalli jagħmlu minnu mument solenni li fih aħna nisimgħu lil Alla, inkellmu lil Alla u niċċelebraw il-preżenza ta’ Kristu fostna? Jew, bil-maqlub, hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa, għaliex flok ma qegħda tagħti gost, flok ma dak li jkun taħjih, qegħda tgħajjih, qegħda ddejqu, u flok ma sservi ta’ kalamita biex aħna nduru ma’ l-artal, issir okkażjoni biex wieħed jaħrabha?

Jien għandi risposta, għaliex anke l-profeti ta’ qabel Ġwanni l-Battista għamluha ċara lill-poplu Lhudi. Il-poplu Lhudi kien jgħożż ħafna t-tempju, imma l-profeti tennew kemm-il darba: mhux it-tempju li jgħodd, imma li inti tħenn għall-fqir, li inti tħobb lill-iltim, li inti tgħin lill-armla; fi kliem ieħor, illi l-ħajja tat-tempju irid ikollha rifless, trid tkun relevanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ġwanni nnifsu lil-Lhud ta’ żmienu ma joqgħodx jomogħdha, u jgħidilhom: “isserħux raskom li missierkom hu Abraham, għax b’daqshekk m’għandkom l-ebda garanzija illi qegħdin tagħmlu sewwa, li intom ilqajtu din il-bxara t-tajba”. U jien naħseb illi b’responsabbiltà quddiem Alla u quddiemkom irrid nagħmilhom dawn iż-żewġ domandi. Għandna poplu reliġjuż, għandna poplu li jħobb it-tempju, għandna poplu li jiftaħar bit-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna; imma b’daqshekk għandna garanzija li qegħdin nilqgħu il-Bxara t-Tajba? Jew inkella għandna nerġgħu nisimgħu lil Ġwanni jgħidilna li mhux it-tempju li jgħodd, bħalma qalu l-profeta ta’ żmienu, u jtennilna: “isserħux raskom bit-tradizzjonijiet reliġjużi tagħkom”: għax il-fidi trid tgħixha llum, il-fidi rridu ntuha espressjoni ta’ żmienna.

Koerenza mal-verità tal-Kelma t’Alla

Hemm punt ieħor li jqanqanli kurżità meta nħares lejn Ġwanni, il-katekista per eċċellenza. Il-kelma tiegħu kienet tali li kienet tħawwad il-moħħ u l-qalb. Kienet kelma skomda għal dawk li jisimgħuh, tant illi f’mument minnhom sab ruħu arrestat; mhux biss, imma mbagħad ukoll irċieva il-prezz ta’ profeta, irċieva l-martirju.

Kieku l-kelma tiegħu ma kinitx skomda, kieku l-kelma tiegħu kienet kelma li tibqa’ għaddejja, ma kienx iġib din ir-reazzjoni. Kien jibqa’ jitlajja, kienu jħalluh ipaċpaċ fil-vojt. Imma għaliex il-kelma tiegħu hija rifless tal-kelma t’Alla, hija l-Bxara t-Tajba, hija kelma li, kif jgħid San Pawl, taqta’ bħal xabla b’żewġt ixfar, u x-xafra tinfed u tibqa’ dieħla fil-mudullun, u din tikkawża wġigħ, uġigħ li huwa l-ewwel parti mill-proċess tal-fejqan.

Imma jien nistaqsi: il-Bxara t-Tajba li aħna nwasslu, il-Bxara t-Tajba li aħna nilqgħu u niċċelebraw, hija din it-tip ta’ Bxara t-Tajba, jew sibna ċertu kompromessi mal-Kelma t’Alla, jew sibna modus vivendi kif aħna ngħixu minkejja li l-Kelma t’Alla tgħidilna mod jew ieħor? U allura m’għadhiex kelma ħajja, m’għadhiex kelma li lilna tħarrikkna, m’għadhiex kelma illi toħloq skumdità għalina. Jekk huwa dan il-każ, allura hemm xi ħaġa li għandha tinkwetana. Dan qed ngħidu meta aħna qegħdin nirriflettu dwar dik li għandha tkun parti importanti mill-missjoni tagħna, tagħna bħala mgħammdin, iktar u iktar tagħna bħala saċerdoti: il-missjoni tagħna bħala katekisti.

Ħajja morali soda tinbena fuq il-Kelma t’Alla

Niġi issa għal dak li huwa l-kontenut tal-katekeżi li kien jagħmel Ġwanni. Naturalment biex aħna nirriflettu wkoll dwar dak li huwa l-kontenut tal-katekeżi tagħna; u naħseb li hemm bżonn li nagħmlu din ir-riflessjoni.

In-nies kienet tmur għand Ġwanni l-Battista u, kif jirrakkuntalna San Mattew, jagħmlulu domanda: x’għandna nagħmlu? x’għandna nagħmlu? Ifisser li l-Lhud kienu jitolbu lil Ġwanni dawl dwar il-ħajja morali tagħhom. Almenu l-poplu Lhudi ma kellux diżgrazzja li għandu l-poplu ta’ żmienna illi jidhirlu li jista’ jgħaddi mingħajr prinċipji ta’ etika, ta’ morali. Il-poplu Lhudi almenu ma kellux dak l-iżball, bħalma għandna aħna llum, illi naħsbu li sirna l-għajn tat-tajjeb u tas-sewwa u tal-ħażin, li aħna nistgħu nivvintaw x’inhuma dawn r-regoli ta’ x’għandi nagħmel u m’għandix, b’konsegwenza li waqajna f’relattiviżmu qawwi. Imma l-poplu kien imur għand Ġwanni, u kien jirrikonoxxi l-bżonn ta’ xi ħadd illi jiggwidah. Żball ieħor ta’ żminijietna, għax illum naħsbu illi kulħadd jista’ jmexxi lilu nnifsu bl-għerf tiegħu. U meta l-poplu kien jitlob lil Ġwanni, “x’għandna nagħmlu?”, Ġwanni kien iwasslilhom mhux il-kelma tiegħu, imma l-kelma ta’ Alla, li waslet lil Ġwanni meta kien fid-deżert, kif tgħidilna l-Iskrittura.

U għalhekk Ġwanni nsibuh bħala għalliem tal-morali, tal-prinċipji tal-morali. U kien jinsisti fuq il-metanoia, fuq il-konverżjoni. Kien jinsisti ħalli l-bniedem ta’ żmienu ma jidħolx fl-eklissi tad-dnub, jiġifieri jitlef is-sens tad-dnub, kif sfortunatament qed jiġrilna aħna. “Dan hu l-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Id-dnub, jiġifieri dik il-kundizzjoni marbuta man-natura tagħna, natura dgħajfa, imwaqqgħa, imma mbagħad mifdija minn Kristu, li reġa’ abilitana. Id-dnub, illi jekk ma noqogħdux attenti, ħbieb tiegħi, jikkoabita magħna u jsir parti mill-ħajja tagħna, mill-kultura tagħna, biex ma ngħidx mir-reliġjon tagħna.

It-tagħlim tal-Knisja dwar il-ġustizzja soċjali u l-familja

U meta nitkellmu dwar dik li hija morali, u hawnhekk Ġwanni l-Għammiedi kellu kliem iebes, irrid ninnota żewġ aspetti. Ġwanni kien jitkellem dwar dik li llum insejħulha l-ġustizzja soċjali. Kien jitkellem dwar l-etika soċjali, tant li, kif jirrakkontalna San Mattew, jgħidilhom: “Min għandu żewġ ilbiesi jagħti waħda lil min m’għandux, u min għandu daqstant ieħor ikel, jaqsam ma’ min m’għandux”. Lil dawk li jiġbru t-taxxi qalilhom ċar u tond: “Tieħdux taxxi minn fuq in-nies aktar milli suppost tieħdu”. Lil dawk is-suldati li nistgħu inqisuhom il-forza ta’ l-ordni wkoll kellu kelma għalihom ħalli jagħrfu jwettqu il-missjoni tagħhom mingħajr ebda theddid, imma jirrispettaw il-bon ordni. Dan hu t-tagħlim li llum insejħulu t-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, li għandu jagħmel parti anke mill-katekeżi tagħna.

Imm’hemm aspett ieħor fit-tagħlim li kien jagħmel Ġwanni l-Battista li jien narah attwali ħafna: il-morali dwar il-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Ma beżax Ġwanni jgħidlu lil Erodi: “Dik il-mara mhix tiegħek; qed tagħmel adulterju”, anke jekk din il-kelma swietlu prezz għoli ħafna. Imma Ġwanni ma jagħmilx kompromess, quddiem ħadd. Quddiem Alla biss irid jirrispondi.

Kristu fiċ-ċentru ta’ kull katekeżi

Aspett ieħor tal-kontenut tat-tagħlim ta’ Ġwanni l-Għammiedi: Ġwanni ma kienx jgħallem biss il-morali. Anzi, mill-ftit tagħrif li għandna joħroġ ċar illi ma kienx marbut mat-Torah, ma kienx marbut mal-Liġi, imma l-għan tiegħu kien wieħed: li jwassal lill-bnedmin ħalli jagħrfu lil Kristu l-Messija. U nistgħu ngħidu illi fit-tagħlim li għandna hemm tagħlim teoloġiku, ftit, imma essenzjalissimu għat-twemmin tagħna. Per eżempju, meta jitkellem dwar Kristu, jgħid illi “Hu kien qabli; qabel ġejt jien, Hu kien diġà jeżisti”. Dan ifisser illi l-Battista m’għandux dubju dwar id-divinità ta’ Kristu, kif xi ħadd ipprova jinsinwa dan l-aħħar, kif kien suġġett tad-diskussjonijiet ta’ żmienna. Il-Battista jgħid ċar u tond: “Kristu kien jeżisti qabli. Mhux jiena d-dawl. Id-dawl huwa l-Verb” – kif insibu fil-Prologu tal-vanġelu ta’ San Ġwann, “imma jien ġejt biss biex nixhed għad-dawl”: sentenza oħra li tixhed min hu Kristu għal Ġwanni l-Għammiedi.

Fit-tagħlim ta’ San Ġwann insibu referenza ċara għal Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa, illi jissagrifika lilu nnifsu għalina. “Dan hu l-Ħaruf t’Alla”; u aħna nafu xi tfisser dik il-kelma, il-Ħaruf t’Alla. Huwa Kristu l-vittma illi jingħata għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Imma hemm sentenza oħra li tirrifletti verità qawwija, verità trinitarja. Meta kien qiegħed ikellem lid-dixxipli tiegħu, Ġwanni l-Għammiedi jgħidilhom: “Dak li bagħatni qalli illi fuq dak li jinżel l-Ispirtu s-Santu dak Hu. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma qalli li dak li jinżel fuqu l-Ispirtu s-Santu, dak hu l-Messija.” Araw, formula trinitarja. Dak li bagħtni huwa l-Missier, l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqu jiġifieri fuq il-Messija, it-tieni persuna tas-Santissima Trinità. Mela l-katekeżi ta’ Ġwanni l-Għammiedi fiha kontenut teoloġiku profond illi jnissel fina dik l-ammirazzjoni għall-kobor u l-qdusija ta’ Alla. U ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom.

Katekeżi li turi l-ġmiel tal-Knisja, l-għarusa ta’ Kristu

Punt ieħor fil-katekeżi ta’ Ġwanni l-Għammiedi. Jiena nara illi Ġwanni fil-katekeżi tiegħu mhux biss kien jgħallem katekeżi li llum insejħulha ekkleżjali, imma kien ukoll jitkellem dwar il-poplu t’Alla, dwar is-sbuħija tal-Knisja. Kif, meta darba jsaqsuh: “int dak li għandek tiġi?”, u hu jgħidilhom: “meta l-għarus għadu man-nies tiegħu, nagħmlu festa, imma l-ħabib ta’ l-għarus jifraħ bil-preżenza ta’ l-għarus”. Meta qed jirreferi għall-għarus, Ġwanni qed jagħmel referenza ċara għal Kristu. U min hi l-għarusa ta’ Kristu, impliċita f’dan il-passaġġ, jekk mhux ommna l-Knisja? Dan hu t-tip ta’ rapport, ta’ relazzjoni illi għandu jkun hemm bejn Kristu u l-komunità nisranija, anke fid-dawl ta’ dak li jgħidilna Ġwanni l-Għammiedi, dak ir-rapport ta’ mħabba bħalma hemm bejn l-għarus u l-għarusa, kif tispjegah tajjeb l-Għanja ta’ l-Għanjiet. Imma hu dan il-kunċett li aħna għandna tal-knisja?

Katekeżi sagramentali

Imbagħad nista’ ngħid ukoll illi fil-katekeżi ta’ Ġwanni hemm referenza oħra għal dawk li huma s-sagramenti. Naturalment dakinhar ma kienux sagramenti, imma fid-dawl ta’ l-istorja nistgħu ngħidu illi l-magħmudija ta’ Ġwanni hija diġà tħabbira ta’ dik il-magħmudija illi Kristu tana bħala sagrament, li hemm bżonn nivvalorizzawh iktar, u li nħossuh li huwa sagrament mhux biss ta’ l-individwu jew tal-familja, imma tal-komunità kollha kemm hi. Għax meta wieħed jitgħammed, wieħed isir membru ta’ din il-komunità, wieħed isir iben jew bint ta’ Alla.

Hemm referenza oħra impliċita għas-sagrament tal-qrar. Dak il-kliem qawwi li għandu Ġwanni l-Għammiedi għall-konverżjoni, għall-indiema, hija esperjenza li aħna llum nistgħu nagħmlu fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, is-sagrament tal-qrar. U r-referenza għal Kristu bħala l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, jiena naraha referenza impliċita għas-sagrament ta’ l-Ewkaristija. Din il-katekeżi għandha tkun illi tiġbor fiha t-tagħlim dwar il-qawwa u s-sbuħija tas-sagramenti tagħna u nivvalorizzawhom iktar.

Katekeżi effikaċi hija frott esperjenza intima ta’ Alla

Dan huwa ftit mill-kontenut tal-katekeżi li għamel Ġwanni l-katekista per eċċellenza. Imma minn fejn Ġwanni l-Għammiedi kiseb dan l-għerf kollu? Kien għadu fi ħdan ommu meta l-Ispirtu s-Santu qaddsu. Kien għadu fi ħdan ommu, meta Kristu minn ħdan ommu Marija għaddielu l-qawwa tiegħu, tant illi l-evanġelista jgħidilna illi meta Marija ltaqgħet ma’ Eliżabbetta, Ġwanni qabeż bil-ferħ fi ħdan ommu. Imma l-qawwa ta’ l-Ispirtu, il-qawwa ta’ Kristu mhix biżżejjed. Il-ħajja tal-grazzja mhix biżżejjed, jekk ma jkunx hemm koperazzjoni, jekk aħna ma niftħux qalbna għaliha. U hekk jagħmel Ġwanni. Ġwanni jgħaddi snin twal – l-istudjużi jgħidu madwar għoxrin – sena fid-deżert. Għaliex fid-deżert?

Id-deżert għalina jfisser post fejn hemm in-nixfa, post fejn m’hemmx ħajja. Imma għall-poplu Lhudi d-deżert fih ħafna tifsiriet teoloġiċi u spiritwali. Id-deżert huwa dak il-post li l-poplu għamel esperjenza tiegħu biex għadda mill-iskjavitù ta’ l-Eġittu għall-art imwegħda. U l-esperjenza li għamel Ġwanni fid-deżert tgħinu japprezza, jifhem il-qawwa ta’ l-id ta’ Alla illi trid tgħin lill-bniedem jgħaddi mill-iskjavitù tiegħu u jidħol f’art li tnixxi ħalib u għasel. Mhux ta’ b’xejn li Ġwanni għammed fix-xmara Ġordan. Il-kelma Ġordan mhix sempliċi isem, imma anke l-Ġordan fih konnotazzjoni teoloġika u spiritwali kbira. Iva, Ġwanni l-għammiedi jagħmel din l-esperjenza tiegħu fid-deżert. U hemmhekk l-Ispirtu t’Alla jerġa’ jżuru u jimlih bid-dawl, u jgħinu jikber fil-konvinzjoni tiegħu.

Imma mbagħad fid-deżert Ġwanni għamel dak l-eżerċizzju tant importanti anke għall-ħajja tagħna llum. Għamel dik li nsejħulha l-Lectio Divina. San Ġwann kien jaqbad f’idejh il-Kotba Mqaddsa, naturalment l-Antik Testment, l-aktar il-profeti, u kien jixtarrhom, kien jimmeditahom, kien jitlob, kien ifittex kif jista’ japplikahom għall-ħajja tiegħu. Tant hu hekk illi fil-ftit passaġġi li għandna dwar Ġwanni għandna referenza kontinwa għall-profeta Isaija, għall-profeta Malakija u passaġġi oħra fit-testment il-qadim. Dan jirrifletti illi Ġwanni kien il-bniedem li jinnamra mal-Kelma t’Alla, u kienet din il-Lectio Divina illi attrezzatu ħalli mbagħad seta’ jidħol f’dik il-missjoni profetika, missjoni kateketika u jieħu dak l-atteġġjament kuraġġjuż fil-missjoni tiegħu.

Il-Battista mudell għal min ixandar il-Kelma ta’ Alla

U jekk aħna illum għal żminijietna rridu nilqgħu l-Bxara t-Tajba, il-bxara tas-salvazzjoni, aħna m’għandniex triq oħra ħlief li nistinkaw biex nimitaw lil Ġwanni l-Battista. Nimitawh fil-kontenut tat-tagħlim li aħna għandna ngħaddu lil xulxin, li għandna nfakkru lil xulxin; nimitawh f’dik il-qawwa li huwa wera biex ixandar il-Bxara t-Tajba. Imma fuq kollox, infittxu li nimitawh billi nużaw dawk il-mezzi li uża hu biex seta’ jistagħna fil-Kelma t’Alla.

Anke llum huwa possibbli li nsibu mumenti ta’ deżert, mumenti ta’ kwiet, mumenti fejn inkunu aħna u l-Ispirtu ta’ Alla. Fuq kollox nitrawmu fl-eżerċizzju tal-Lectio Divina, jiġifieri nkunu aħna wkoll ħbieb tal-Ktieb Sagru, inkunu aħna wkoll mhux biss dawk li naqraw il-Kelma imma dawk li niċċelebraw il-Kelma, dawk illi ngħixu il-Kelma. B’dan il-mod anke llum din il-komunità u l-Knisja kollha tagħraf mhux biss tilqa’ l-Bxara t-Tajba imma twassalha lill-bnedmin ta’ rieda tajba.