- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Inħarsu l-kobor tal-maternità u l-għerusija (Santwarju Madonna ta’ Pinu, 22 ta’ Ġunju 2006)

Posted By admin On June 22, 2006 @ 11:32 am In 2006 | Comments Disabled

INĦARSU L-KOBOR TAL-MATERNITÀ U L-GĦERUSIJA

Tifkira tas-Sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima, Santwarju Madonna ta’ Pinu – 22 ta’ Ġunju 2006

Insellem lilkom, għeżież pellegrini li llum inġbartu f’dan is-Santwarju; insellem lilkom, għeżież saċerdoti li llum jew f’dawn il-ġranet qegħdin tiċċelebraw l-anniversarju ta’ l-ordinazzjoni saċerdotali tagħkom. Ilkoll kemm aħna llum weġibna għas-sejha li għamlet Marija lil Karmni Grima snin ilu, sejħa li għadha tidwi fi qlubna u li tmur lil hinn minn xtutna, kif uriet l-esperjenza li kelli x-xorti nagħmel ftit tal-ġimgħat ilu ma’ l-emigranti ġewwa l-Istati Uniti. Kieku l-esperjenza li fuqha hija mibnija d-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna ta’ Pinu hija ħlieqa, kieku żgur li d-devozzjoni ma kienitx tikber kif kibret matul is-snin.

L-eżortazzjoni li għamlilna San Pawl fit-tieni qari hija mibnija fuq kelma waħda: “Intom mhux hekk tgħallimtuh lil Kristu.  Jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skond il-verità li hija f’Ġesù…” Kollox huwa mibni fuq jekk aħna smajniex jew le s-“sejħa” li għamlilna Alla l-Imbierek. It-tweġiba tagħna mhix tweġiba fil-vojt imma tweġiba bis-sens u b’responsabiltà quddiem Alla li sejħilna.

Marija msejħa ‘Omm Ġesù’ u ‘Mara’

U llum nixtieq nagħmel meditazzjoni qasira fuq dak li nħoss li Alla qed isejħilna biex nirriflettu dwaru fid-dawl tal-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna. Fil-Vanġelu tilgħab parti importanti Marija, li llum qegħdin nagħtuha dan il-ġieħ fis-Santwarju ta’ Pinu. Huwa interessanti li l-evanġelista Ġwanni jsejħilha b’żewġ titli: Omm Ġesù u Mara.

L-evangelista jgħinna biex nikkontemplaw lil Marija fil-maternità tagħha – omm Ġesù: dik li semgħet lil Alla li sejħilha permezz ta’ l-anġlu, tagħtu widen u ħalliet il-kelma t’Alla tbejjet fil-qalb tagħha, u għalhekk setgħet tagħtina lil Kristu u hekk tikseb il-maternità divina.

Imma Ġesù lil Marija jsejħilha mara. Jekk irridu nagħmlu traduzzjoni aħjar, il-kelma “mara” tfisser “għarusa”. Interessanti li fil-kuntest tar-rakkont ta’ Kana, Marija hija imsejha l-għarusa! L-għarusa hija dik li tissaħħar wara l-ġmiel ta’ l-għarus, dik li tiftaħ qalbha ma’ l-għarus, dik li tingħata lill-għarus.

Marija figura tal-Knisja

Nistgħu ngħidu li l-Knisja, li tagħha Marija hija figura eċċellenti, tgħix dawn iż-żewġ dimensjonijiet. Il-Knisja hija omm li tnissel lil Kristu fi żminijietna. Ommna l-Knisja lilna tnissilna għall-ħajja tal-grazzja bil-magħmudija. L-għan tagħha huwa li tkattar il-familja ta’ Alla b’ulied ġodda u tieħu ħsieb il-ħajja ta’ dawk li huma ġġenerati għall-ħajja tal-fidi fi Kristu.

Il-Knisja hija wkoll l-għarusa li tidħol f’din ir-relazzjoni ta’ mħabba ma’ l-għarus li huwa Kristu. Il-Knisja hija dik li tissaħħar wara l-ġmiel ta’ Kristu; dik li tiftaħ qalbha biex fiha tbejjet lil Kristu; dik li tingħata għal Kristu u għal Kristu biss.

Sehem f’din il-maternità spiritwali

U dak li jingħad għall-Knisja nistgħu napplikawh għal kull wieħed u waħda minnha. Aħna wkoll nieħdu sehem minn din il-maternità spiritwali ta’ Marija. Kull wieħed minna għandu jħossu msejjaħ biex jagħmel preżenti lil Kristu fid-dinja tal-lum. Jekk Kristu jkun assenti fil-ħajja tal-lum, jien u int irridu nirrispondu dwar jekk ħaddimniex il-paternità u l-maternità tagħna f’dan is-sens spiritwali. Aħna wkoll bħall-Knisja u bħal Marija imsejħin biex nibnu din ir-relazzjoni ta’ mħabba bħalma hemm bejn il-maħbub u l-maħbuba; li nidħlu f’din ir-relazzjoni ta’ namur ma’ Ġesù. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù ma tistax tkun mibnija fuq il-biża’ jew fuq ir-rispett tar-regoli; ir-regoli qegħdin hemm u jagħmlu sens biss jekk aħna l-ewwel u qabel kollox nibnu dan ir-rapport kollhu mħabba, rapport ta’ għerusija ma’ Ġesù.

Jien nixtieq li f’din il-festa li qegħdin nagħmlu f’dan is-Santwarju ta’ Pinu nħallu lil Ommna Marija tgħallimna kif ngħixu l-vokazzjoni kristjana tagħna proprju taħt dawn iż-żewġ aspetti: l-aspett tal-maternità spiritwali u l-aspett ta’ għerusija spiritwali.

Ngħożżu l-maternità

Nixtieq ukoll li r-riflessjoni tagħna napplikawha konkretament billi intom, għeżież ommijiet, fl-eżercizzju tal-vokazzjoni materna tagħkom tapprezzaw aktar dan id-don tal-maternità u tgħożżu din is-sejħa li għamlilkom Alla biex flimkien ma’ żwieġkom tikkoperaw ma’ Alla fil-ġenerazzjoni ta’ wlied ġodda. Il-maternità tinftiehem biss jekk hemm is-sieħeb li huwa l-missier. Ngħid għalija, hija weġgħa ta’ qalb nisma’ li f’pajjiżna wieħed minn kull ħamsa minn dawk li jitwieldu huwa biss minn omm li m’għandiex sieħeb, jiġifieri mhix miżżewga. Quddiem din ir-realtà hemm bżonn li nisimgħu iktar lil Kristu ħalli ngħixu b’responsabiltà l-vokazzjoni tagħna individwali u kollettiva. Meħtieġa riflessjoni iktar impenjattiva, serja u responsabbli dwar il-maternità u l-paternità.

Għerusija bil-għaqal

Imma dan jitlob illi dawk li ser jidħlu għal din il-missjoni tal-ħajja miżżewġa u tal-familja jkollhom għerusija bil-għaqal, għax m’hemmx maternità u paternità barra miż-żwieġ. Jekk tkellimna mir-rapport tagħna ma’ Alla bħala għerusija, dan id-diskors nifhmuh jekk fil-ħajja jkollna esperjenza ta’ għerusija għaqlija, biex ma ngħidx għerusija qaddisa. Imma kemm aħna konxji u attenti minn din l-urġenza li nagħmlu xi ħaġa lkoll flimkien ħalli din il-fażi qabel iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja ngħixuha kif għadna ngħixuha? Ħalli tkun tassew “skola” li tħejji l-koppji għall-ħajja taż-żwieġ? Tkun tassew esperjenza ta’ dixxerniment biex naraw x’irid Alla mill-koppji għarajjes u x’tip ta’ żwieġ qegħdin jikkontemplaw? Sfortunatament anke din l-esperjenza qed tiġi ssagrifikata, u hemm diversi aġenti li huma responsabbli għal dan l-isfreġju!

Nitolbu lill-Madonna ta’ Pinu ħalli tkompli ssejħilna biex niġu f’riġlejn Kristu u f’riġlejha. Minn għandha nkomplu nitgħallmu kif ngħixu din il-maternità u l-għerusija spiritwali, imma fuq kollox kif nistgħu nintervjenu fis-soċjetà ta’ żmienna ħalli l-maternità u l-paternità fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jiġu mħarsa u rrispettati, u x’impenn nistgħu tassew nassumu ħalli l-għerusija tkun tħejjija bil-għaqal għall-istat daqshekk importanti u qaddis li huwa ż-żwieġ u l-familja.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/06/22/inharsu-l-kobor-tal-maternita-u-l-gherusija-santwarju-madonna-ta%e2%80%99-pinu-22-ta%e2%80%99-gunju-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.