Jekk nagħrfu nilqgħu t-tnebbiħ ta’ l-Ispirtu, inkunu nistgħu ngawdu mill-frott ta’ l-Ispirtu (Katidral, 3 ta’ Ġunju 2006)

JEKK NAGĦRFU NILQGĦU T-TNEBBIĦ TA’ L-ISPIRTU, INKUNU NISTGĦU NGAWDU MILL-FROTT TA’ L-ISPIRTU

Velja djoċesana ta’ Pentekoste, Katidral – 3 ta’ Ġunju 2006

“Fl-aħħar jum tal-Ġimgħa, fil-jum l-aktar solenni, Ġesù qam u qal b’leħen għoli; ‘Min għandu l-għatx ħa jiġi għandi u jixrob’.” Hawnekk San Ġwann qed jirreferi għall-festa ta’ l-Għerejjex li l-poplu Lhudi kien jiċċelebra biex jirrikonoxxi u jrodd ħajr lil Alla għat-tjubija tiegħu u għall-ġid tiegħu; kien għalhekk li f’din il-festa, il-Lhud kienu joffru l-frott u l-ħxejjex lil Alla.

Ftit mumenti oħra din il-komunità f’isem il-Knisja f’Għawdex sejra tippreżenta b’radd il-ħajr lil Alla l-frott ta’ l-għelieqi tagħkom u ta’ xogħolkom. Però, jien nixtieq li mal-frott li ser inressqu għall-offerti, nippreżentaw frott ieħor li tassew iżejjen il-Knisja tagħna: dawn huma intom stess. Minn hawn u ftit ieħor jien, flimkien ma’ sħabi s-saċerdoti, nippreżentakom lil Alla; magħkom inressqu l-komunitajiet parrokkjali li intom tirrapreżentaw, kif ukoll il-vokazzjonijiet li jżejnu l-Poplu ta’ Alla f’Għawdex. Fl-istess waqt, inħoss li hemm frott iktar abbundanti. X’inhu dan il-frott?

Għatx għal Alla

Ġesù jgħidilna li “min għandu l-għatx ħa jiġi għandi u jixrob”. Hawnhekk Kristu qiegħed jesprimi bżonn bażiku tal-bniedem. Anke s-Salmi jitkellmu minn dan il-bżonn. Infatti niltaqgħu mas-Salmista li jgħid: “Ruħi għatxana għalik, o Alla; meta ħa nara ’l wiċċek?” U f’salm ieħor jingħad: “Bħal art niexfa, hekk hija qalbi għatxana għalik, o Alla”. Għandna l-frott, imma naħseb ukoll li għandna nies li huma għatxana. U l-lejla nixtieq li tidwi fil-qalb ta’ kull Għawdxi din l-istedina li għamel Kristu: “Min hu bil-għatx ħa jiġi għandi”.

X’għatx jista’ jkollna? Għandna l-għatx ta’ Alla veru. Xi darba r-reliġjożità tagħna taħbilna dan l-għatx, imma xorta tibqa’ ma tissodisfaniex. Għalhekk għandna bżonn intaffu l-għatx billi niskopru tassew lil Alla u nagħmlu mir-reliġjon tagħna kult veru ta’ Alla. Ħafna drabi nintilfu f’affarijiet sekondarji jew bla sens, konvinti li dawn ser jaqtgħulna l-għatx, imma l-għatx ma jinqatax anzi jiżdied. Hemm bżonn nirrikorru għal dak li huwa essenzjali fir-reliġjon tagħna, għax dak biss jissodisfa l-għatx.

Hawn min hu għatxan għal dak kollu li huwa espressjoni tar-‘rieda ta’ Alla’: hawn għatx għall-ġustizzja, għall-verità, għall-imħabbba, għar-rispett veru lejn id-dinjità tal-persuna. Il-bniedem illum huwa għatxan għal Alla u għal dak kollu li Alla joffri lill-bnedmin.

Għandna għatx għal relazzjonijiet inter-personali u inter-komunitarji li jagħmlu tassew sens, li verament iserrħu l-qalb u li jkunu relazzjonijiet umani. Ħarsa ħafifa lejn ir-relazzjonijiet fil-familji tagħna, fil-kamp tax-xogħol u anke fil-Knisja tikxfilna li dawn ir-relazzjonijiet mhux dejjem jissodisfaw, u hawn tassew min huwa għatxan biex ikollna relazzjonijiet mibnija fuq l-imħabba, ir-rispett, it-tolleranza, l-aċċettazzjoni ta’ xulxin u l-maħfra ta’ xulxin.

Għandna l-għatx anke fil-ministeru saċerdotali tagħna, għeżież ħuti fis-saċerdozju. Kif nistgħu nispjegaw ċerta apatija, telqa u nuqqas ta’ ħeġġa għall-ħajja ta’ l-Ispirtu? Dan ngħidu mhux biss għall-ministeru saċerdotali, imma għall-ministeri kollha li jżejnu l-Knisja. Huma ministeri ħajjin jew ministeri ta’ l-isem? Huma ministeri li jagħtu l-frott għax ġejjin minn Alla, jew ministeri li ħloqnihom aħna għall-kapriċċi tagħna, għas-sodisfazzjon tal-proġetti tagħna? Huma ministeri li jservu biex ninqdew bihom għal skopijiet anti-evanġeliċi?

Kristu huwa l-għajn ta’ l-ilma ħaj

“Min hu bil-għatx ħa jiġi għandi. Min jemmen fiha minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ġieri.” Min hu dan li “minnu” joħorġu xmajjar ta’ ilma ġieri? Dawk li jittraduċu l-Iskrittura ma jaqblux bejniethom. Hemm min jgħid li “minnu”, jiġifieri dak li minnu joħroġ ilma ġieri, huwa dak li jixrob minn dan l-ilma li jagħti Kristu, l-ilma li Kristu joffri lis-Samaritana tal-lum, kif jitkellem Ġwanni f’kapitlu 4. Imbagħad hemm oħrajn li jgħidu li “minnu” hija referenza għal Kristu: minn Kristu biss aħna nistgħu nixorbu ilma ġieri, nadif, li ma jweġġax l-istonku u ma jtappanx is-sensi tagħna. Dan hu li nitlob lill-Ispirtu s-Santu l-lejla, ħalli jgħinna nkunu Knisja Kristoċentrika, Knisja li tassew tgħix u ddur madwar Kristu, komunità li tassew tiċċelebra lil Kristu. Kieku nagħmlu dan l-għatx tagħna naqgħtuh.

Il-ministeri ordnati u l-ministeri lajkali fil-Knisja

Anzi huwa meħtieġ li nieħdu kura u nkattru l-ministeri u l-kariżmi li bihom l-Ispirtu s-Santu jagħni lill-Knisja lokali ħalli nagħmluha possibbli li l-kotra jkollhom aċċess għal din l-għajn. Ma jistax ikun li l-Knisja lokali mhix imżejna wkoll b’kariżmi u ministeri li l-għan tagħhom hu li jtaffu l-għatx, li jressqu lill-bniedem għand Kristu.

Meta nitkellmu minn ministeri nitkellem minn ministeri ordnati, jiġifieri l-ministeru saċerdotali u l-ministeru ta’ djakni. Dwar din il-ħaġa nixtieq li nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex iżejjen lill-Knisja tagħna b’iktar presbiteri u biex iqaddes lil dawn ħutna presbiteri. Jien għadni ġej minn New York u Washington, u nistqarr magħkom li dak li bqajt inġorr f’qalbi la hija New York u lanqas Washington bil-mużewijiet u l-bini sabiħ li hemm fiha, imma l-esperjenza li jien għamilt mas-saċerdoti Għawdxin li hemm f’dawn l-ibliet. Dawk huma frott ta’ l-Ispirtu li ħarġu minn din il-komunità. U għandna nkomplu nitolbu biex il-ministeru saċerdotali jkompli jkun preżenti fi ħdan il-poplu tagħna. Anke l-ministeru tad-djakonat jeħtieg li napprezzawh aktar u nirriflettu aktar dwaru. Proprju din is-sena għażilna li niddistingwu l-ordinazzjoni tad-djakonat minn tal-presbiterat, u dan biex aħna nagħmlu riflessjoni iktar wiesgħa dwar il-ministeru tad-djakonat.

Imma mbagħad hemm ministeri oħrajn offruti lilkom, għeżież lajċi. Mhux il-mument li noqgħod nitkellem dwar dawn id-diversi ministeri, imma hemm wieħed partikulari li nixtieq nsemmi il-lejla; il-ministeru tal-Kelma. Ilkoll kemm aħna msejħin biex inxandru lil Kristu, biex nevanġelizzaw u nikkatekizzaw. Jien kont kappillan u naf x’iffiser tfittex katekista. Għaliex m’għandux ikollhna iktar lajċi li jgħinuna f’dan il-ministeru?

Imma biex ikollna ministeri jrid ikollna komunità jew komunitajiet li jitolbu u jitkissru fuq il-Kelma ta’ Alla. Ma jistax ikollna l-għana tal-ministeri jekk dawn ma jkunux frott ta’ meditazzjoni li ġejja mill-Ispirtu, wara li aħna nkunu sirna midħla tal-Kelma ta’ Alla.
Fil-Medju Evu l-Knisja kellha l-grazzja ta’ l-Ispirtu f’dawk li huma l-ordnijiet reliġjużi, u għamlu ħafna ġid. Illum huma l-movimenti u l-għaqdiet u l-komunitajiet li huma l-Pentekoste ta’ llum. Dawn huma r-riserva tat-teoloġija u l-forġa ta’ l-ispiritwalità moderna. Dan qed ngħidu mhux biss għal-lajċi imma wkoll għalina l-presbiteri li rridu nkunu ħbieb tal-Kelma. Il-Kelma ta’ Alla għandha tkun il-ktieb ta’ jdejna. U għalhekk tajjeb nitolbu lill-Ispirtu ħalli jkompli jżejjen lill-Knisja tagħna bil-preżenza ta’ dawn il-movimenti, dawn l-għaqdiet u komunitajiet li jiltaqgħu biex jistudjaw il-Vanġelu u biex jiċċelebraw il-preżenza ta’ Kristu – dejjem fl-ingranaġġ li hemm fl-istruttura tal-Knisja li hija l-parroċċa u d-Djoċesi. Ma jistax ikollna realtajiet mxerrdin u mhumiex ikkoordinati flimkien. M’humiex frott ta’ l-Ispirtu dawk ir-realtajiet illi ma jimxux id f’id ma’ dik li hija l-komunità parrokkjali u djoċesana.

Nilqgħu t-tnebbiħ ta’ l-Ispirtu

Jekk aħna nagħrfu nilqgħu t-tnebbih ta’ l-Ispirtu aħna nistgħu ngawdu mill-frott ta’ l-Ispirtu. Għalhekk, filwaqt li l-lejla ngħollu vuċi waħda lill-Ispirtu s-Santu biex ikompli jinżel fuqna u jżejjinna bil-qdusija, niftħu qalbna għalih biex ikun hu li jissodisfalna l-għatx veru meta jlaqqamna fi Kristu. Ikun l-Ispirtu li jkompli jżejjen lil din il-Knisja sabiħa u għażiża tagħna ta’ Għawdex b’iktar ministeri għas-servizz tal-Poplu ta’ Alla.