NITLOB BIEX DIN L-GĦALQA TAD-DWIELI TAGĦTI FROTT KOTRAN
Pussess ta’ Dun Nazju Borg bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kerċem – 14 ta’ Mejju 2006
“Jiena d-dielja vera”
Għadna kif smajna lil Ġesù jgħidilna: ‘Jiena d-dielja vera’. Għaliex Ġesù ħass il-bżonn li għandu jippreċiża illi din hija l-vera dielja? Għaliex għall-widnejn ta’ dawk li kienu jisimgħuh, jiġifieri l-Lhud, il-kunċett ta’ dielja ma kienx ġdid. Il-Lhud, li kienu jiltaqgħu fis-Sinagoga biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, jaqraw il-kelma tal-Profeti u s-Salmi, kienu jafu li Alla fl-imgħoddi lill-poplu tiegħu pparagunah ma’ dielja. Fis-Salm 80 insibu hekk: “Jien qlajtkek bħal dielja mill-Egittu, u ħawwiltek bħal dielja għammiela”, b’riferenza għal meta Alla għamel għeġubijiet mal-poplu tiegħu, qalagħhom mill-iskjavitù u għamilhom f’art għammiela, l-art imwegħda.
Isaija kif ukoll Eżekjel jitkellmu mill-poplu qisu Alla kellu għalqa tad-dwieli li għamlilha art tajba ħalli tkun tista’ tipproduċi; u bħalma jagħmel il-bidwi anke llum, neħħilha l-blat, il-ġebel mill-ħamrija biex id-dielja tkun tista’ tagħti l-frott, demmilha, bnielha ħitan biex jilqgħala kontra r-riħ li jqaċċat il-frott jew id-dielja… Imma din d-dielja, kif jgħidu Isaija u Eżekjel, ma tatx frott tajjeb imma frott ħażin. Allura x’jagħmel il-Mulej ma’ din id-dielja? Iħalliha jew jerġa’ għal darba oħra jaħdem l-art, jistenna ż-żmien li d-dielja forsi tagħti l-frott? Min-naħa t’Alla hemm din il-paċenzja, imma l-bnedmin ħattew l-ilqugħ li suppost kien iħares l-għalqa tad-dwieli mill-elementi li jeqirdu, u ġara li d-dielja nqerdet.
Il-Knisja hi l-għalqa tad-dwieli
Kristu issa qed jgħidilna: “Jiena d-dielja vera”: jien qed nerġa’ nħawwel din id-dielja, jien qed nerġa’ noħloq l-għalqa tad-dwieli, u l-għalqa tad-dwieli hija l-poplu tal-Patt il-Ġdid, aħna li niffurmaw din id-dielja; dejjem jekk aħna imwaħħdin maz-zokk li hu Kristu. Kristu lilna wkoll tana art tajba, lilna wkoll tana l-ilqugħ biex inkunu nistgħu nilqgħu kontra dak li jista’ jagħmlilna l-ħsara.
Imma x’garanzija aħna għandna li d-dielja tagħna ser tagħti frott tajjeb? X’garanzija aħna nistgħu nagħtu li ser noħorġu ta’ rgiel ma’ Alla, ma’ Kristu, u li din l-għalqa tad-dwieli trodd frott kotran u frott bnin? Jew inkella ser nagħmlu bħal ta’ qabilna, aħna wkoll inħottu jew inħallu lil min iħottilna l-ħitan li jilqgħu kontra l-irwiefen u jistgħu inixxfu u joqtlu lil din id-dielja? Jew aħna wkoll ser imissna dik ix-xorti li messet lill-poplu Lhudi li jmorru ma’ idoli oħra, twemmin ieħor u hekk abbandunaw ir-rieda ta’ Alla u l-kuxjenza tagħhom ma baqgħetx iċċanfarhom?
Kriżi tal-kuxjenzi
Kemm narah f’postu d-diskors li għamel San Ġwann fit-tieni qari ta’ llum: “Jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex aħna nistgħu nserrħu rasna”. Imma jistax ikun illi hemm raġuni oħra għaliex il-kuxjenza tagħna donnha rieqda, illuppjata? Ma taħsbux bħali illi anki fi ħdan din il-għalqa tad-dwieli hemm min hu bla kuxjenza? Ma taħsbux bħali li hawn min għandu kuxjenza mħawda, u dan jew għax ħawwadha hu jew għax ħalla lil ħaddieħor iħawwadielu? Ma taħsbux bħali li hawn min għandu kuxjenza perplessa, u hawn ukoll min għandu kuxjenza żbaljata u jitkellem f’isem il-kuxjenza?
L-għalqa tad-dwieli timmatura u tagħti l-frott permezz tal-Kelma t’Alla
Għażiż Kappillan, fil-bidu ta’ dan il-ministeru tiegħek, mdawwal mill-Kelma ta’ Alla li mmeditajt illum, jiena nafdalek din id-dielja, din l-għalqa tad-dwieli. Il-missjoni tiegħek bħala Kappillan, bħala ministru ta’ Kristu hija dik li tingħata biex proprju din l-għalqa tad-dwieli tagħti frott tajjeb; biex inti tagħti lilek innifsek ħalli tgħinha tilqa’ kontra dak kollu li jista’ jdakkarha fis-sens ħażin, kontra dak kollu li jista’ jtappan il-kuxjenza ta’ din il-komunità. Għaliex fi ħdanha jista’ jkollok min hu bla kuxjenza jew min għandu kuxjenza żbaljata. Aħna nafu li kuxjenza żbaljata m’hemmx agħar minnha, għaliex wieħed jista’ jaħseb li miexi sewwa, imma biex inti tkun ċert li miexi sewwa trid tara li l-kuxjenza tiegħek hija msawra u ffurmata tajjeb. Aħna kuxjenza waħda għandna: kuxjenza kristjana, kuxjenza imdawla minn Kristu, għal min irid joqgħod f’din l-għalqa tad-dwieli. Jekk il-friegħi ma jkunux maqgħuda maz-zokk ma jistgħux jagħtu frott. Jekk il-kuxjenza tagħna ma tkunx imlaqqma fi Kristu, allura nkunu żbaljajna kollox.
Għandek il-kotra ta’ din il-komunità illi tixtieq minn għandek l-għajnuna biex timmatura fil-kuxjenza tagħha. U qed ngħid kemm il-kuxjenza individwali kif ukoll komunitarja. Allura, għażiż kappillan, għadni kif afdajtlek il-Kelma t’Alla, u f’dak il-waqt jien tennejtlek talba li dawn ma’ semgħuhiex: “Il-Mulej ikun f’qalbek u f’fommok ħalli xxandar il-Bxara it-Tajba lil din il-komunità.” Jien hekk nara l-ministeru tiegħek, tiegħi u tagħna s-saċerdoti: ministeru tax-xandir tal-Kelma għall-formazzjoni tal-kuxjenza. Xi drabi l-kuxjenza nħawduha aħna. U hawnhekk ndur fuqkom is-saċerdoti u ngħidilkom li tridu tagħmlu għażla li l-kuxjenza tagħna trid tkun kuxjenza kristjana u kuxjenza fil-Knisja.
Tifhmuni meta ngħid kuxjenza fil-knisja? Jiena ma nistax niġi hawn u nippriedkalkom dak li rrid. La jien bħala Isqof, la l-kappillan u lanqas ebda saċerdot ma jista’ jagħmel dan. Aħna rridu nipriedkawlkom il-Kelma ta’ Alla kif għamel il-professjoni tal-fidi l-kappillan, li aċċetta t-tagħlim tal-Knisja fil-fidi u l-morali kif insibuha fil-kelma ta’ Alla u t-Tradizzjoni, jiġifieri kif dejjem żammet u għallmet il-Knisja. Dan biex aħna ngħinukom biex ikollkom kuxjenza kattolika.
Niffurmaw kuxjenza kristjana
Għalhekk, għażiż Kappillan, jien inkun miegħek għax inti aċċettajt li tkun miegħi ħalli lil dan il-poplu t’Alla afdat f’idejna nagħtuh dak li għandna nagħtuh, mhux dak li jrid hu. Jista’ jkun li jiġrilna kif ġralu San Pawl, li ippriedka b’ħila u ħeġġa l-Vanġelu u sab li kien hemm min ma aċċettahx u kien hemm min qam kontrieh.
Jiena nara li din hija l-missjoni tagħna, li ngħinu lilkom issawwru l-kuxjenza. U dan nistgħu nwettquh fix-xandir tal-Kelma t’Alla, u dak huwa wieħed mill-ministeri l-aktar importanti tiegħek, Kappillan. Din il-ħidma nistgħu nagħmluha wkoll fil-konfessjonarju. Minn hawn u ftit ieħor immorru ħdejn il-konfessjonarju. Jien nixtieq li din ma tkunx kurżità biss. Nitlobkom tinġabru fit-talb. Fil-konfessjonarju aħna s-saċerdoti nistgħu nagħmlu ħafna ġid daqskemm nistgħu nagħmlu wkoll hsara. Fil-konfessjonarju nistgħu nsawru l-kuxjenza skond il-kmandamenti t’Alla, kif jgħidilna San Ġwann fit-tieni qari. Dan nistgħu nagħmluh ukoll fid-diversi esperjenzi tal-gruppi li jiltaqgħu biex jitolbu fuq il-Kelma ta’ Alla, u li huma bħal skejjel ta’ formazzjoni li int u l-presbiteri tiegħek tixtiequ u għandkom twettqu. Gruppi oħra hemm posthom, imma taħlix ħin fuqhom, la int u lanqas ebda qassis ieħor. Il-konfużjoni li hawn fil-kuxjenzi Alla biss jaf, u aħna rridu nagħtu kont lil Alla jekk ma ngħinukomx, għeżież insara, biex tegħlbu din il-konfużjoni. Imma anke fil-liturġija, il-mument tat-talb flimkien huwa mument tajjeb ħafna biex jgħinna nkomplu niffurmaw il-kuxjenza tagħna u ta’ l-oħrajn.
B’dan il-mod aħna jirrnexxilna nibqgħu marbuta mad-dielja vera li huwa Kristu, jirnexxilna nqaċċtu ċerti pożizzjonijiet żbaljati, u jirnexxilna niżradikaw id-dnub li jmermer il-familja, l-individwi u l-komunità. Dan hu li nitlob għalik illum, għażiż ħija fis-saċerdozju. U dan, ħuti, nitlob minnkom komunità parrokjali: biex issostnu lill-Kappillan tagħkom u hekk tassew il-kuxjenza tagħkom ma ċċanfarkomx, u tkunu tistgħu tagħtu frott kotran.