NIBNU SOĊJETÀ MORALMENT B’SAĦĦITHA
Bidu ta’ Kampanja favur ambjent moralment nadif – Knisja tal-Karmnu (ta’ Ħamet) – 13 ta’ Mejju 2006
Min hu magħqud ma’ Kristu jagħmel frott tajjeb
‘Jiena d-dielja vera u intom il-friegħi. Jekk tibqgħu fija tagħmlu l-frott’.
Din hija l-bxara t-tajba li l-Knisja tixtieq twasslilna llum, il-Ħames Ħadd ta’ l-Għid: illi aħna, jekk inżommu sħiħ ma’ Kristu u jekk nieħdu ħsieb biex l-għaqda tagħna ma’ Kristu tkun f’saħħitha u qawwija, aħna għandna l-garanzija li nipproduċu ħafna frott u frott tajjeb. Min-naħa l-oħra, jekk aħna nagħżlu li ninfatmu minn mad-dielja, hemm il-possibiltà li ma nagħtu frott xejn. U intom tafu illi fejn hemm il-vojt, dak il-vacuum jista’ jimtela minn ħaddieħor. Ma għandna l-ebda garanzija li jekk ma nagħtux frott tajjeb aħna, dak il-vojt ser jimtela’ bi frott ieħor tajjeb; anzi l-probabilità hi li min mhux imwaħħad ma’ Kristu u min mhux mimli bl-Ispirtu t’Alla, hemm riskju kbir li jipproduċi frott ħażin. U allura jekk aħna ma magħtux dan il-kontribut, inkunu qegħdin nagħmlu l-wisgħa biex il-frott il-ħażin joktor.
Intejbu l-ambjent morali ta’ pajjiżna
Illum iltqajna hawnhekk biex nagħtu bidu għal kampanja għal ambjent moralment nadif. Fi kliem pożittiv nistgħu ngħidu li ltqajna hawn biex nitħeġġu u nitolbu lil Alla jgħinna biex nagħtu dan il-frott tajjeb; frott illi jkompli jtejjeb moralment l-ambjent ta’ madwarna. U, niżżuħajr ’l Alla, għandna ħafna elementi sbieħ u tajbin li jagħmlulna kuraġġ u li rridu ninkoraġġuhom. Għandna diversi sinjali li jixhdu kemm hawn tajjeb fil-familji, fl-individwi, fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna u f’pajjiżna. Però huwa fatt ukoll illi mhux kollox huwa tajjeb u sabiħ. Hemm il-frott ħażin, u jekk aħna ma nagħmlux lilna nfusna preżenti bit-tajjeb tagħna, allura l-frott ħażin ħa jidher iktar u ħa joktor; u dan ngħiduh anke għal frott ħażin f’dan il-kuntest li qegħdin nitkellmu minnu.
Għandna l-possibiltà li l-ambjent tagħna xejn ma jkun moralment nadif. Nistgħu ngħidu ħafna affarijiet dwar x’tip ta’ moralità aħna nixtiequ, jew x’tip ta’ immoralità aħna nixtiequ nbewġu minna. Jekk tagħmel lista hemm il-periklu li tħalli xi ħaġa barra. Però tajjeb illi nagħmlu ħilitna biex fl-imġieba tagħna u fl-espressjonijiet tagħna aħna nkunu mmexxija minn valuri morali tajbin. Aħna fid-dmir ukoll li nikkumbattu l-frott ħażin, u li fejn hemm id-dnub ngħidu li hemm id-dnub. Filwaqt li għandu jkollna mħabba lejn il-midneb, ma nistgħux li dak li huwa ħażin ngħidulu li huwa tajjeb. U lanqas nistgħu nagħmlu ċerti kompromessi li flok ma jgħinu jkunu jtellfu.
Sejħa għall-konverżjoni
Qegħdin ukoll illum niċċelebraw l-ewwel dehra tal-Madonna ġewwa Fatima. Nittama li ma hawn ħadd minnkom li jaħseb li din hija xi leġġenda, bħalma smajt li jingħad għal ċertu twemmin tagħna bħala Kattoliċi. U kien hemm min anke ried jgħid li d-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna ta’ Pinu hija xi forma ta’ ħrafa oħra. Min jgħid hekk ma jafx x’inhu jgħid, u qed imur kontra twemmin u tradizzjoni li matul is-snin dejjem kienet sħiħa fil-moħħ u l-qalb tal-komunità tagħna. L-esperjenza ta’ Pinu, għalkemm mhix xi domma, imma l-Knisja lokali dejjem approvatha u ħeġġet lill-insara biex jersqu lejn dan is-santwarju marjan tagħna, u hemmhekk nikkontemplaw dak il-misteru profond ta’ Marija u tal-Knisja, jiġifieri l-assunzjoni ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem.
Imma llum qed nagħmlu l-anniversarju ta’ l-ewwel dehra tal-Madonna ta’ Fatima. Nafu li l-Madonna ħeġġet lit-tfal biex jagħmlu penitenza u biex jitolbu. Għalfejn il-Madonna talbithom jagħmlu l-penitenza u biex jitolbu? Kieku llum nistgħu ngħidu li l-Madonna talbet li jsir dan biex ikollna ambjent moralment nadif. Dak iż-żmien il-messaġġ kien: “Għamlu penitenza ħalli d-dinja tikkonverti.”
X’iffisser tikkonverti? Ifisser tegħleb id-dnub u tipprova tgħix skond ir-rieda ta’ Alla. Tikkonverti jfisser illi tinqata’ mir-rabtiet tiegħek fid-dinja ħalli ssaħħaħ ir-rabta tiegħek ma’ Alla. Mhux dan huwa l-messaġġ tal-Vanġelu tal-lum? Jekk il-friegħi ma jkunux marbutin maz-zokk ma jistgħux jagħmlu frott.
It-talb fil-familja jibni soċjetà aħjar
Aħna nilqgħu ukoll il-messaġġ li l-Madonna afdat lit-tfal ta’ Fatima u nimpenjaw irwieħna biex nikkumbattu l-immoralità billi nagħmlu penitenza u billi nitolbu b’mod parikulari fil-familji tagħna. Jiena naf diversi koppji u familji li fid-dar għandhom rokna u jinġabru kuljum biex ifaħħru lill-Madonna u biex jitolbu lil Alla l-Imbierek iqaddes lilhom u lid-dinja ta’ madwarhom. Naturalment dawn ħadd ma jxandarhom fuq il-mezzi tax-xandir. Ara jekk ikun xi skandlu, dak ixandruh; imma għax ma jxandruhx ma jfissirx li m’humiex preżenti.
Għedtilkom fil-bidu illi għandna ħafna sinjali ta’ nies illi jagħtu l-frott u l-frott tajjeb. Għalhekk nitħeġġu biex ma nitraskurawx il-ħajja tat-talb, specjalment it-talba tar-rużarju fil-familja tagħna. Meta nitolbu aħna nkunu mhux biss qegħdin nitwaħħdu ma’ Kristu, imma bit-talb tagħna nistgħu u għandna naqilgħu l-barka ta’ Alla għal ħutna l-bnedmin, u dan ikun jgħin biex ikollna pajjiż u soċjetà li tkun moralment nadifa.