- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-opra ta’ Dun Ġorġ tkompli llum meta aħna nemmnu l-Kelma, ngħixuha u ngħadduha lill-oħrajn (MUSEUM, Blata l-Bajda, 8 ta’ Mejju 2006)

Posted By admin On May 8, 2006 @ 11:02 am In 2006 | Comments Disabled

L-OPRA TA’ DUN ĠORĠ TKOMPLI LLUM META AĦNA NEMMNU L-KELMA TA’ ALLA, NGĦIXUHA U NGĦADDUHA LILL-OĦRAJN

Pellegrinaġġ Djoċesan għal fuq il-qabar tal-Beatu Ġorġ Preca, Dar Ċentrali tal-MUSEUM, Blata l-Bajda – 8 ta’ Mejju 2006

Il-valur tal-kelma

Fost il-pariri li Pawlu jagħti lil Timotju, jgħidlu: “Ħu ħsieb biex ma jkunx hemm kwistjonijiet bejnietkom dwar problemi bla sens.”

Kliem bla sens u kliem vojt għandna kemm trid. Xi darba tkun issegwi diskussjoni li suppost issegwi l-argument, imma jkollok tistaqsi: Dan x’irid jgħid? Biex ma ngħidx li xi darba r-riskju huwa wkoll għalija li, jekk ma noqgħodx attent, il-kliem tiegħi jkun bħall-kliem tad-dinja, kliem vojt. Jiġrilek hekk int? Sfortunatament il-kliem sar irħis ħafna u allura nilagħbu bil-kliem, nittradixxu l-kelma. Imma mhux il-kliem kollu huwa vojt, bla sens u joħloq il-kwistjonijiet, għaliex meta waslet il-milja taż-żminijiet il-Kelma saret laħam: ‘Verbum caro factum est’, kif jgħid San Ġwann fil-Prologu tiegħu.

Kristu, il-Kelma ta’ Alla

Il-Beatu Dun Ġorġ, li aħna llum inġbarna madwar il-fdalijiet tiegħu biex niċċelebraw it-tifkira tiegħu, kien altru persważ illi hemm ħafna kliem vojt u kliem żbaljat, imma hemm ukoll il-Kelma li saret laħam. Ma nafx tafux minn fejn Dun Ġorġ ġabha d-devozzjoni lejn il-‘Verbum Dei’. Kienet xi lettura spiritwali dwar ħajja ta’ soru venerabbli. L-istorja tgħidilna illi meta missieru kien qed imut, Dun Ġorġ poġġa din il-kelma ‘Verbum Dei caro factum est’ fuq sider missieru, u meta missieru miet kellu ħolma li missieru qallu kemm dak il-ġest u dik it-talba swietlu meta wasal quddiem Alla. L-istorja tirrakkontalna xhieda oħra ta’ persuna illi Dun Ġorġ għaddielha din il-kelma li ġabet il-barka ta’ Alla fuqha.

Imma jien naħseb li ma nkunux niżbaljaw kieku bil-preżenza tagħna l-lejla nimpenjaw ruħna biex l-ambjent li qegħdin ngħixu fih, fejn naraw l-inflazzjoni tal-kelma, aħna nippruvaw nemmnu iktar fil-qawwa tal-kelma tal-Verb Ġesù Kristu, fil-kliem ta’ Kristu, u noqogħdu għall-kmand tal-Vanġelu tal-lum biex din il-kelma nxandruha minn fuq il-bjut. Dun Ġorġ innamra mal-Kelma u mal-kliem ta’ Kristu. Meta ngħid innamra mal-Kelma rrid ngħid li huwa innamra ma’ Kristu. Difatti fil-kitbiet tiegħu, meta huwa jirriferri għall-ktieb tal-Vanġelu, isejjaħlu “Kliem il-Maħbub”. Hu mhux biss ħalla l-Kelma tgħammar fih, imma wara li għamilha tiegħu ħass li huwa l-mibgħut u beda jibgħat lil oħrajn biex iwasslu l-Vanġelu.

Ħabbâra tal-Vanġelu

L-opra ta’ Dun Ġorġ nafuha lkoll, anzi ħafna minnha bbenefikaw minnha, irċivew il-kelma. Din l-opra għadha titwettaq billi aħna qabel xejn inkunu iktar midħla tal-kelma ta’ Kristu, inħallu lil Kristu jsaħħarna, u mbagħad inħallu l-kliem ta’ Kristu jgħaddi permezz tagħna f’ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, f’ħidma kateketika lid-dinja ta’ madwarna, u hekk inkunu qegħdin nagħtu kontribut mhux żgħir lil pajjiżna.

Jien nixtieq li naraw x’nistgħu nagħmlu biex inxandru l-vanġelu tal-familja. Għandha bżonn il-familja tisma’ kliem aktar bis-sens biex ma tibqax tisma’ aktar kliem vojt? Nipproponilkom biex anke naħdmu flimkien biex inxandru l-vanġelu tax-xogħol. Il-ħaddiema kienu kategorija preferenzjali fil-pastorali ta’ Dun Ġorġ, u għandha tkun ukoll il-kategorija preferenzjali tal-Knisja tal-lum. M’għandniex bżonn nisimgħu l-kelma ta’ Alla fuq id-dinja tax-xogħol?

Nappellalkom biex flimkien naraw kif ser inxandru l-vanġelu tal-kultura ta’ żmienna. Il-kultura tiġbor fiha ħafna affarijiet, b’mod partikulari fejn isir it-tagħlim tat-tfal, fejn tingħata l-edukazzjoni ta’ wliedna u tal-ġenerazzjonijiet li telgħin. Anke hemmhekk suppost li jingħad ħafna kliem bis-sens, imma dak li ngħidu qiegħed jingħad bis-sens jew għandna bżonn niskopru din il-kelma li hija Alla, u nħallu lil Kristu jagħti t-tifsira tal-kultura ta’ żmienna?

Ministri tal-Kelma

Din is-sena il-Beatu Dun Ġorġ jagħlaq mitt sena saċerdot, u allura f’din l-ewwel żjara tiegħi bħala ragħaj, bħala Isqof fil-preżenza tal-fdalijiet ta’ Dun Ġorġ meqjuma f’dan iċ-Ċentru li huwa opra ħajja tiegħu, jien nixtieq li intom tingħaqdu miegħi biex nitolbuh jinterċedi għalina biex aħna s-saċerdoti nkunu tassew ministri tal-Kelma. U nistedinkom ħalli bl-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ aħna nagħmlu talba lil Alla ħalli jbierek il-knejjes tagħna b’iktar vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u anke minn fost il-lajċi, ħalli huma wkoll ikunu strumentali f’din l-opra qaddisa illi nwasslu kelma bis-sens, kelma li tagħti l-ħajja, kelma li hija l-Kelma ta’ Alla.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/05/08/l-opra-ta%e2%80%99-dun-gorg-tkompli-llum-meta-ahna-nemmnu-l-kelma-ta%e2%80%99-alla-nghixuha-u-nghadduha-lill-ohrajn-blata-l-bajda-8-ta%e2%80%99-mejju-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.