Kristu li miet u qam huwa l-prinċipju li jgħaqqadna flimkien (Katidral, 7 ta’ Mejju 2006)

KRISTU LI MIET U QAM HUWA L-PRINĊIPJU LI GĦANDU JGĦAQQADNA FLIMKIEN

Għeluq tal-Kwaranturi Mqaddsa, Katidral – 7 ta’ Mejju 2006

Sinjali inkwetanti ta’ firdiet

Fl-omelija tiegħu dwar il-liturġija tal-kelma tar-Raba’ Ħadd ta’ l-Għid li huwa ukoll il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, Mons Isqof beda l-omelija tiegħu billi tenna kliem Kristu li qal li “il-lupu jagħmel għan-nagħaġ u jxerridhom.”

Jekk nagħtu ħarsa fuq fuq lejn il-ħajja tal-lum għandna indikazzjonijiet biżżejjed biex ngħidu li l-lupu qed jagħmel festa u qed jirnexxilu jferrex, igerrex u jifred il-merħla. Ma rridx nkun negattiv imma irridu naqraw ir-realtà kif inhi, u fl-istess ħin inwasslilkom messaġġ ta’ tama kif jispirawna ċ-ċirkustanzi tal-lejla fil-festa ta’ l-Ewkaristija, bħala konklużjoni tal-Kwaranturi f’din il-parroċċa u l-konklużjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li qed tagħmel din il-komunità biex tfakkar il-preżenza ta’ l-Assunta f’dan il-Katidral.

Sinjali ta’ dispersjoni jien narahom fil-familji tagħna, fid-dinja tax-xogħol tagħna, fil-komunitajiet parrokkjali tagħna u fis-soċjetà tagħna. Imma smajna lil Kristu fil-Vanġelu jgħid li bħala r-Ragħaj it-Tajjeb għandu xewqa kbira jiġbor f’merħla waħda lill-bnedmin. Kristu m’hu qatt kuntent bin-nagħaġ li hemm fil-maqjel, imma hu interessat ukoll fin-nagħaġ li hemm ’il barra mill-maqjel, u lil dawk ukoll irid iwasslilhom il-kelma li tgħaqqadhom miegħu.

Alla jixtieq jiġbor il-poplu tiegħu f’ġemgħa waħda

It-tema tal-merħla mxerrda hija tema kostanti fl-istorja tal-Poplu ta’ Israel, tant li meta kienu qed jiddeliberaw dwar kif ser jikkundannaw lil Kristu, Kajfa – jgħidilna San Ġwann – għamel profezija jew attwalizza profezija meta qal li aħjar “jekk imut wieħed għall-poplu”. U l-evanġelista jinnota li dan intqal għax Ġesù kellu jmut biex “jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin”.

Fl-Antik Testment insibu illi l-poplu Lhudi, għalkemm kien il-poplu magħżul, kien imxerred mhux biss fl-eżilju imma kien imxerred ukoll meta nnammra ma’ reliġjonijiet oħra, u għalkemm kien profess bħala l-poplu ta’ Alla sab ukoll spazju għal allat oħra u kellu idoli oħra.

Kienet xewqa ta’ Alla illi permezz tal-profeti, iktar minn darba ried jiġborhom flimkien u jagħmilhom ħaġa waħda. U kien hemm żewġ fatturi li jispjegaw u jorbtu flimkien din ir-rabta: it-Tempju u Ġerusalemm. Tafu intom illi l-Lhud ma kellhomx tempji kif għandna aħna – wieħed ma’ kull tefgħa ta’ ġebla – imma kellhom tempju wieħed. It-tempju ta’ Ġerusalemm kien prinċipju ta’ unità għaliex il-Lhud kollha, min kien joqgħod fil-qrib u min kien joqgħod fil-bogħod, kienu jmorru f’dan it-tempju biex jagħtu qima lil Alla. U għalhekk naraw fis-salmi dik in-nostolġija li kellhom il-Lhud, anke meta kienu fid-dijaspora, li xtaqu jmorru Ġerusalemm għax kienet għalihom simbolu ta’ l-għaqda.

Ġesù huwa t-tempju ħaj

It-Tempju u Ġerusalemm għadhom magħna illum. It-Tempju huwa Kristu li qal: ‘Ħottu dan it-Tempju u jien nerga nibnih fi tlett’ijiem’. Daħku bih għax ma fehmuhx. Nittama li ma nidħkux bih aħna wkoll illum għax ma nifhmuhx. Kristu li miet u qam huwa l-prinċipju illi suppost jgħaqqadna flimkien, u ngħid ‘suppost’ mhux għax għandi xi dubju mill-qawwa ta’ Kristu, imma għax għandi dubju mill-koperazzjoni tagħna biex inkunu poplu wieħed taħt ragħaj wieħed.

Kristu, speċjalment fl-Ewkaristija, jgħaqqadna flimkien. Aħna li nieklu l-istess ħobż u nixorbu l-istess kalċi nsiru ġisem wieħed, mhux biss mal-Mulej Ġesù imma wkoll bejnietna. U tant hija ħaġa serja din illi San Pawl jgħidilna li min mhux ippreparat ħalli jgħix l-Ewkaristija jaqbillu ma jersaqx lejn l-altar. Kristu huwa t-tempju tal-lum li għandu jiġbor l-imxerrdin ta’ Israel u jagħmilna wlied Alla; Kristu, illi fil-Vanġelu tal-lum esprima x-xewqa li jkun hemm merħla waħda taħt ragħaj wieħed, kemm dawk li huma fil-maqjel u kemm dawk li huma barra mill-maqjel.

Marija, Omm il-Knisja-komunità

Ġerusalemm tal-lum min hi? Is-Santi Padri jaraw f’Ġerusalemm figura ta’ Marija, omm l-imxerrdin kollha jew, jekk irridu frażi oħra, omm il-bnedmin kollha, kif Kristu nnifsu jiddikjaraha fuq s-salib. Marija hija prinċipju illi għandha tgħaqqadna flimkien ma’ binha Ġesù. Marija hija dik l-omm li tiġbor lil ulied tagħha ħalli jkunu ħaġa waħda, poplu wieħed u jegħlbu kull xorta ta’ dispersjoni u firda li jista’ jkun hemm. Altru li Marija qatt ma għandha tkun strument ta’ diviżjoni, kif xi darba ġieli jgħidu fil-kamp ekumeniku; imma mhux biss fil-kamp ta’ l-ekumeniżmu hemm dan ir-riskju!

Imma Marija hija figura oħra ta’ Ġerusalemm tal-lum. Ġerusalemm tal-lum hija l-Knisja li waqqaf Kristu u li hija Knisja li suppost tiġborna flimkien. Hija Knisja waħda, poplu wieħed, illi tagħmilna ħaġa waħda flimkien kemm f’dik li hija fidi u twemmin li aħna nistqarru, kif ukoll f’dik li hija mġieba, il-mod ta’ kif aħna ngħixu. Iva, Ġerusalemm u Marija huma l-prototip tal-Knisja illi suppost tiftaħar li hija ħaġa waħda, il-poplu li huwa mxerred jinġabar u jsir il-poplu ta’ Alla.

Inħabirku għall-għaqda

Dawn ir-riflessjonijiet nixtieq naqsam magħkom fid-dawl tal-Vanġelu li għadu kif thabbrilna fiċ-ċirkustanzi li qed niċċelebraw il-lejla. Jalla l-Ewkaristija, li fl-aħħar mill-aħħar hija ċ-ċentru tal-ħajja tat-tempju, tiġborna flimkien u tistimulana ħalli naħdmu biex inkunu ħobża waħda u kalċi wieħed, u jirnexxilna negħlbu dak kollu li jifridna minn xulxin, f’kull kamp u aspett tal-ħajja reliġjuża u soċjali. Jalla l-Verġni Marija, li għal dawn il-ħamsin sena ilha ssebbaħ mhux biss lil dan it-tempju imma wkoll lill-gżira Għawdxija, tkompli tiġbidna lejha u tispirana bħala omm l-imxerrdin kollha biex aħna wkoll inħossuna wlied vera tagħha, imħeġġin biex nagħmlu li nistgħu ħalli nbiegħdu mill-ħajja tagħna dak kollu li jista’ jtellef l-għaqda ta’ bejnietna, u nsiru tassew merħla waħda taħt ragħaj wieħed.