- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Xhieda li Kristu qam mill-mewt (Parroċċa Xagħra, 30 ta’April 2006)

Posted By admin On April 30, 2006 @ 10:53 am In 2006 | Comments Disabled

XHIEDA LI KRISTU QAM MILL-MEWT

Kungress tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Alla, Bażilika Marija Bambina, Xagħra – 30 ta’April 2006

Inxandru li Kristu hu ħaj

“Aħna xhieda ta’ Kristu li qam mill-mewt.” Hekk jgħid Pietru f’waħda mill-ewwel laqgħat li kellu man-nies, mal-Lhud ta’ Ġerusalemm. Din għandha tkun l-istqarrija tagħna dejjem, imma b’mod partikulari f’dan iż-żmien ta’ l-Għid. “Aħna xhieda ta’ Kristu li qam mill-mewt”. U kif nuru li aħna tassew xhieda ta’ dan Ġesù l-Iben t’Alla li qam mill-mewt? Billi jkollna l-qawwa u l-kuraġġ illi nxandru ma’ kullimkien l-Isem Imqaddes tiegħu.

Persuna li inti tgħożżha titkellem dwarha, ma tibbastax titkellem ma’ ħaddieħor dwarha. Mhux biss ma titkellimx ħażin dwarha, mhux biss tħossok urtat jekk ħaddieħor jonqos mir-rispett lejha, imma tħossok imbuttat biex taqsam ma’ ħaddieħor dan is-sodisfazzjon. Dan qed jiġri fil-ħajja tagħna, fir-rigward tar-relazzjoni tagħna ma’ Kristu li qam mill-mewt? Għadna kif iċċelebrajna l-Għid il-Kbir. Kemm inħossu qawwija fil-qalb tagħna din l-esperjenza, u lesti li ngħadduha lill-oħrajn?

U x’għamel Pietru? Pietru jgħin lill-miġemgħa tal-Lhud ħalli jagħrfu l-iżball li għamlu: “intom neħħejtu minn fostkom lill-qaddis u lill-ġust, intom għażiltu qattiel biex neħħejtu l-għajn tal-ħajja, imma Alla lil dan qajmu mill-mewt.” Din hija l-Bxara t-Tajba li l-Knisja hija mbuttata li xxandar; din hija l-Bxara t-Tajba illi l-komunitajiet insara tagħna huma mħeġġin biex jaqsmu mad-dinja sekularizzata ta’ żmienna.

“Alla huwa mħabba”

Dan huwa l-messaġġ illi f’dawn il-jiem taċ-ċelebrazzjoni tat-43 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla li qegħdin inżommu f’din il-Parroċċa tax-Xagħra aħna rridu nwasslu lid-dinja ta’ madwarna: “Alla huwa Mħabba”. Hu tant iħobb lid-dinja li ta’ lil Ibnu l-waħdieni. Dan Ibnu l-waħdieni ta lilu innifsu fuq is-salib. Imma Alla tant ħabbu illi qajmu mill-mewt, u jrid li aħna nieħdu sehem mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub. Kien għalhekk li Pietru jgħidilhom: Ikkonvertu – taqtgħux qalbkom ħalli anke intom tgawdu mir-rebħa li għamel Kristu bl-Għid tiegħu.

Niftħu moħħna u qalbna għall-kelma ta’ Alla

Imma Pietru jgħid ħaġa oħra: jgħidilhom: forsi intom stess ma kontux tafu x’qegħdin tagħmlu. Għaliex? Għaliex moħħkom u qalbkom kienu magħluqa għall-kelma ta’ Alla. Fil-Vanġelu għandna l-kontinwazzjoni ta’ l-esperjenza li bdiet mad-dixxipli ta’ Għemmaws, dawk iż-żewġt irġiel li telqu minn Ġerusalemm lejn Għemmaws. Nafu li hemmhekk iltaqgħu ma’ Kristu matul it-triq, u Kristu beda jfissrilhom l-Iskrittura, beda minn Mosè u l-Profeti. Issa din l-esperjenza li qed isseħħ f’Ġerusalemm kif irrakkontahielna San Ġwann fil-Vanġelu, Ġesù jerġa’ jkun preżenti fosthom u din id-darba mhux “jiftħilhom” l-Iskrittura, imma jiftħilhom qalbhom u moħhom ħalli huma jifhmu l-Iskrittura. Allura fl-esperjenza ta’ Għemmaws għandna żewġ azzjonijiet min-naħa ta’ Kristu: mument minnhom jiftħilhom il-“Ktieb” ħalli jkunu jistgħu jaqrawh, u f’mument ieħor jiftħilhom moħħhom u qalbhom biex ikunu jistgħu jifhmu dak li jaqraw fid-dawl tal-Misteru ta’ l-Għid.

Ħafna minna jaħsbu li huma reliġjużi għax jagħmlu ħafna atti reliġjużi, imma jiena għandi d-dubji tiegħi kemm tassew huma xhieda tal-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu! Għandi d-dubji tiegħi kemm tassew jitqabdu kontra l-preżenza tad-dnub fil-ħajja tagħna llum! U allura nitolbu lill-Mulej Ġesù ħalli jiftħilna l-Ktieb ta’ l-Iskrittura, ħalli hemmhekk nindunaw kemm tassew Alla huwa mħabba. Mhux biss, imma nitolbu lil Ġesù ħalli jibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu. Qegħdin f’dan iż-żmien sabiħ, iż-żmien li jippreparana għal Pentekoste. Nafdaw fl-Ispirtu s-Santu ħalli dik il-kelma li min jaf kemm-il darba smajnieha jew qrajnieha, nifhmuha, ħalli dak il-ktieb jinfetaħ għalina wkoll. Imma jekk ma jkollix qalbi u moħħi miftuħin, jien ma nistax nifhem, bħalma ma fehmux id-dixxipli ta’ Għemmaws.

Imħabba lejn l-Isem ta’ Alla

Imma jekk inħallu lill-Mulej Ġesù jaħdem fina bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, ikollna iktar ħeġġa biex inxandru dan il-Misteru ta’ l-Għid; biex nkunu xhieda veri ta’ Kristu li qam mill-mewt; biex aħna nkunu nistgħu ngħinu lil dawk ta’ madwarna jagħrfu d-dnub tagħhom, u d-dnub fid-diversi aspetti tiegħu, b’mod partikolari d-dnub li jmur kontra s-sagralità ta’ l-Isem t’Alla: id-dnub misħut tad-dagħa.

Veru li dak huwa dnub wieħed, imma huwa għerq ta’ ħafna dnubiet oħra. Jekk aħna rridu nkunu tassew xhieda tal-qawmien ta’ Kristu, imdawlin mill-Kelma t’Alla, aħna nsibu l-qawwa biex inkunu preżenza illi tassew tiġġieled il-preżenza tad-dnub, u taħdem ħalli l-Isem Imqaddes ta’ Alla jsaltan dejjem fostna. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/04/30/xhieda-li-kristu-qam-mill-mewt-xaghra-30-ta%e2%80%99april-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.