IL-KOMUNITÀ NISRANIJA TISSAĦĦAĦ PERMEZZ TAL-KATEKEŻI
Ħadd il-Għid, Katidral – 16 ta’ April 2006
L-aħbar it-tajba tal-qawmien tal-Mulej mill-mewt
Il-Mulej Ġesù qam mill-mewt, u llum il-Knisja tiċċelebra b’solennità kbira l-Għid tal-Mulej mhux biss biex tipproklama lid-dinja kollha din il-bxara t-tajba, imma biex issaħħaħ ir-rabtiet tal-komunitajiet insara kollha.
Fl-iskrittura tal-lum San Pietru, bħala l-kap tal-appostli, jagħti katekeżi dwar kif għandha tkun il-komunità nisranija: ‘Aħna li kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet’. Fi kliem ieħor, il-komunità nisranija hija dik li tiċċelebra l-misteru paskwali. U dan għandu jwassalna biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex naraw kif għandha tkun il-komunità tagħna u kif qed niċċelebraw aħna l-misteru tal-Għid tal-Mulej.
Fl-Evanġelju San Luqa jiddeskrivi l-ġrajja sabiħa tad-dixxipli ta’ Għemmaws u jurina kif dawn id-dixxipli telqu minn Ġerusalemm, jiġifieri minn ħdan il-komunità ta’ l-appostli. Jgħidilna wkoll l-evangelista li dawn id-dixxipli ħassewhom diżillużi b’dak li kien qed jiġri fil-komunità ta’ l-appostli. X’wassalhom biex jitilqu mill-komunità?
Komunità li tgħix il-kelma ta’ Alla u tiċċelebra l-Ewkaristija
L-evangelista ma jsemmix ir-raġuni li setgħet imbuttathom biex jitilqu l-komunità, imma jgħidilna li meta dawn id-dixxipli ltaqgħu ma’ Kristu wara li kienu ddecidew li jitilqu mill-komunità, huma semgħu kliem Kristu jfisser dak li kienu qalu l-profeti u ħassew qalbhom titħeġġeġ. U għalhekk, wieħed jikkonkludi li għalkemm il-komunità kienet tiltaqa’, forsi ma kienitx qed toffri katekeżi msejsa fuq il-kelma ta’ Alla, u ma kienitx komunità li kienet qed tgħix il-kelma ta’ Alla. Jistax jkun li dan kien wieħed mill-motivi li wassal lil dawn iż-żewġ dixxipli biex jagħżlu li jitilqu minn ħdan il-komunità?
Din il-komunità ta’ l-appostli kienet ukoll komunità li tiċċelebra l-Ewkaristija. U għalhekk wieħed irid jistaqsi għaliex l-għajnejn ta’ dawn id-dixxipli kienu magħluqa u tqal wisq biex jemmnu dak li l-profeti kienu ħabbru, u ma nfetħulhomx qabel ma ltaqgħu mal-Mulej Ġesù fit-triq ta’ Għemmaws.
Kif nistgħu nispjegaw il-fatt li jkollok komunità li tiċċelebra l-Ewkaristija u dawn id-dixxipli jagħżlu li jitilqu minn ħdanha? Forsi ġara dan għaliex minflok ma l-Ewkaristija kienet barka għalihom, kienet kundanna?
Il-ħtieġa ta’ katekeżi fil-komunità nisranija
Il-Vanġelu jgħidilna li fejn qabel dawk id-dixxipli kellhom qalbhom maqtugħa, meta ltaqgħu ma’ Kristu fit-triq ta’ Għemmaws huma qabdu t-triq lura u reġgħu lura lejn il-komunità. Qiegħed ngħid dan għaliex jista’ jkun li din l-esperjenza tista’ tivverifika ruħha fil-komunità tagħna. Jien flimkien magħkom irridu nistaqsu: Il-Knisja qed toffri katekeżi kapillari, jiġifieri katekeżi li tinżel fil-fond tal-qalb tal-bniedem? Il-katekeżi tagħna qegħda verament twassal biex nifhmu x’inhuma tassew is-sagramenti, x’qawwa għandhom fil-ħajja tan-nisrani u kif għandna niċċelebrawhom? L-Ewkaristija li niċċelebraw hija tassew ċelebrazzjoni li tagħmel minna ħaġa waħda ma’ Kristu? Altrimenti jekk aħna ma nitmantnewx b’dak li għandna nitmantnew bih, jista’ jkun li jkun hemm minn jitlaq mill-komunità.
Programm ta’ attivitajiet li jfakkru l-Ħamsin Sena minn meta l-istatwa ta’ Marija Assunta ġiet irregalata lill-Katidral
Forsi ma setax ikun jum iktar propizju biex bih nibdew dawn il-festi. Għaliex ħadd daqs il-Verġni Marija ma jista’ jgħidilna xi tfisser tieħu sehem fil-qawmien ta’ Kristu. Marija li sieħbet it-tbatijiet tagħha flimkien mat-tbatijiet ta’ Kristu, hija wkoll imsieħba ma’ Kristu fil-glorja tal-qawmien.
Talba lill-Verġni Mbierka
Marija Ommna, ħallina f’dawn il-ġrajjiet li ser niċċelebraw nuruk li tassew inħobbuk. Agħmel li din il-komunità tħobbok billi żżommok bħala dik l-Omm li tikkura lil din il-familja. Agħmel li tkun komunità li tassew tieħu b’impenn il-katekeżi, u li tinkwieta meta tara lil xi ħadd jitlaq minn ħdanha. Għinna biex fil-katekeżi nitfgħu għajnejna mhux biss lejn dawk li huma fil-qrib, imma fuq kollox lejn dawk li huma fil-bogħod.