Għax midlukin, aħna mibgħuta (Katidral, 13 ta’ April 2006)

‘GĦAX MIDLUKIN, AĦNA MIBGĦUTA’

Quddiesa taż-Żjut, Katidral – 13 ta’ April 2006


Għal darb’oħra nixtieq insellmilkom, ħuti fis-saċerdozju. Kieku nixtieq insemmikom wieħed wieħed, mhux f’ismi, imma f’isem il-Knisja. Insellem lilek, Mons Isqof Cauchi, Isqof tagħna. Huwa pjaċir tiegħi li int qiegħed miegħi – jew jien qiegħed miegħek! – biex niċċelebraw din l-Ewkaristija. Insellem lis-saċerdoti morda li naf kemm xtaqu jkunu magħna, imma minħabba l-mard u l-anzjanità tagħhom kellhom jiċċaħdu milli jiċċelebraw din l-Ewkaristija magħna. Insellem lil ħutna s-saċerdoti li qegħdin barra fuq ħidma missjunarja – mhux biss dawk li hemm fil-pajjiżi tal-missjoni, imma kull saċerdot li qed iservi l-Knisja Universali. Insellem lilkom, ħuti fis-saċerdozju li llum qegħdin tiċċelebraw il-ħamsin anniversarju u l-ħamsa u għoxrin anniversarju ta’ l-ordinazzjoni tagħkom. Meta qed ngħid insellmilkom, jien qed niftakarkom b’isimkom biex inressaqkom fit-talb tiegħi lil Alla.

Mibgħutin biex inniedu l-ħelsien

Qegħdin illum niċċelebraw din il-quddiesa magħrufa bħala l-“Quddiesa tal-Griżma”. X’inhi l-griżma? Hija d-dilka. U għalfejn isservi d-dilka? L-ispjega neħduha mill-qari tal-lum. Kemm fl-ewwel qari kif ukoll fil-Vanġelu hemm kelma li tolqotni: ‘L-Ispirtu tal-Mulej ikkonsagrani’ … biex jibgħatni nxandar is-sena tal-grazzja.

Aħna lkoll ircivejna d-dilka tal-konsagrazzjoni fil-magħmudija u fil-griżma. Imma mbagħad hemm l-unzjoni saċerdotali. Nitlobkom illum tippermettuli nirrestringi r-riflessjoni tiegħi fuq is-saċerdozju. Aħna midlukin biex Alla jibgħatna. Aħna l-mibgħuta tiegħu, u mibgħutin mhux biex nikkundannaw jew biex naqtgħu qalb il-bniedem, imma biex inniedu l-ħelsien, is-sena tal-grazzja tal-Mulej.

U jekk nitfgħu ħarsitna lura, fuq l-istorja tal-poplu ta’ Alla fi gżiritna, għandna ħafna indizji li jindikawlna kemm dawk ta’ qabilna ħallew l-unzjoni tħalli l-frott tagħha. Fostna hemm min ħalla d-dilka timlieh b’tant ħeġġa, b’tant enerġija u mħabba għal Kristu li marru f’artijiet imbegħda ħalli anke hemmhekk iwasslu l-qawwa li tifdi ta’ Kristu. Nerġa’ ngħid, l-istorja tal-poplu tagħna hija mimlija b’persuni li aċċettaw din is-sejħa, u ħassewhom mibgħuta biex jikkomunikaw is-sena tal-grazzja lill-umanità.

Filwaqt illi jien u intom, fil-mument li fih inġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħna, nerġgħu nitħeġġu b’dan l-impenn ta’ l-unzjoni li timliena biex mill-ġdid inħossuna mibgħuta fost il-poplu tagħna, ħalluni dalgħodu naqsam ħolma tiegħi.

Oasi ta’ spiritwalità

Noħlom illi aħna għandna nħossuna mibgħuta mhux biss biex inqaddsu l-poplu ta’ Alla f’pajjiżna, imma ħalli lil Għawdex tagħna nagħmluh ‘oasi’ ta’ spiritwalità –nagħmluh ‘hub’ illi jattira mhux biss il-kummerċ u t-turiżmu, imma fuq kollox ikun jattira lill-oħrajn spiritwalment, hekk id-dinja tkun tista’ tilmaħ fil-Knisja f’Għawdex realtà fejn wieħed ikun jista’ jagħmel esperjenza ta’ Kristu. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel din l-istedina f’waħda miż-żjajjar tiegħu fostna, meta qalilna li Malta u Għawdex għandom x’joffru lil Ewropa. Dakinhar konna għadna m’aħniex membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Allura b’iktar qawwa nistgħu ntennuha llum: “Pajjiżna għandu x’joffri, mhux biss lill-kontinent ta’ l-Ewropa imma lid-dinja kollha.”

U x’joffri pajjiżna lid-dinja? Joffri s-sens tas-sagru, li sfortunatament qiegħed jiddgħajjef fid-dinja ta’ llum. Il-bxara t-tajba ta’ Kristu nistgħu noffruha billi nagħmlu mill-esperjenza kristjana u ekkleżjali tagħna xi ħaġa li tqanqal lill-barranin li jiġu fi gżiritna u jagħmlu esperjenza spiritwali.

Ma naħsibx li qed ngħid affarijiet ta’ barra minn hawn, għaliex f’aspetti oħra, kemm bħala gżira kif ukoll f’diversi komunitajiet parrokkjali, hemm ċertu ftuħ għal din ir-realtà li tgħinna nagħtu dimensjoni li tmur lil hinn mix-xtut ta’ gżiritna, bħalma hija l-kultura. Għaliex mela ma nirriflettux ftit flimkien ħalli naraw huwiex il-mument li nagħmlu mill-ħajja nisranija tagħna xi ħaġa li tqanqal u tqajjem kurzità, fejn dak li jkun jgħid: ‘Jien ser immur Għawdex mhux biex nistrieħ fiżikament biss, imma biex nistrieħ fl-Ispirtu.’

Il-ministeri fil-Knisja

Naturalment din l-avventura titlob impenn minna s-saċerdoti u anke minnkom il-lajċi. U għalhekk, jekk aħna jkollna din il-viżjoni rridu nieħdu b’aktar impenn id-diskors dwar il-ministeri fil-Knisja. Dwar din il-ħaġa l-Isqof ta’ qabli qalli li kien qed jaħseb dwar pjan pastorali dwar il-ministerjalità, jiġifieri dwar kif aħna nistgħu niżviluppaw iktar dan is-sens ta’ qadi fil-Knisja. Din hija xi ħaġa li rridu nkomplu nibnu fuqha billi nitgħallmu dwarha u nkomplu nagħmlu għażliet li jirriflettu li aħna tassew nemmnu fil-ministerjalità fil-Knisja.

Fost il-ministeri jisboq il-ministeru tas-saċerdozju, u għalhekk tagħfas partikularment fuqna s-saċerdoti r-responsabiltà li nwasslu l-bxara t-tajba mhux biss lill-Knisja lokali imma wkoll lill-Knisja Universali. Kellna u għandna eżempju ta’ saċerdoti li emmnu bis-sħiħ dwar dan u taw ħajjithom biex iwettqu dan l-ideal. U anke fostkom jien nilmaħ saċerdoti ssagrifikati u ppruvati waqt li qegħdin tgħixu l-ministeru tagħkom biex tniedu s-sena tal-grazzja. Imma lkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa iktar, biex flimkien naraw kif din l-aħbar it-tajba ma nżommuhiex għalina imma nwassluha mad-dinja kollha.

Il-Kelma ta’ Alla u l-liturġija

Anke hawn jien nispira ruħi mill-Vanġelu li smajna llum, fejn San Luqa jgħid li Kristu ħa l-ktieb ta’ Isaija l-profeta u ‘sab il-kelma’ . Jekk jien u intom irridu nkunu saċerdoti tal-millennju l-ġdid ma nistgħux ma naqbdux il-Kelma ta’ Alla f’idejna u ‘nsibu’ dik il-kelma li hemm għalina individwali, għall-Knisja f’Għawdex u għall-Knisja Universali. Dan ifisser li aħna rridu nkomplu nikkuraw l-ispirtu tat-talb, il-meditazzjoni u l-iscrutatio tal-Kelma ta’ Alla.

Kristu mhux biss sab il-kelma imma sabha fil-kuntest tal-liturġija, għax mar fis-sinagoga fil-jum tas-Sibt meta l-poplu kien jinġabar biex jiċċelebra l-liturġija. Irridu nkomplu naħdmu biex il-liturġija għalina u għall-poplu ta’ Alla tkun dik l-esperjenza ta’ Alla, ic-ċelebrazzjoni ta’ Kristu fostna, tkun liturġija li timliena bil-ferħ u bil-ħeġġa, u wara li niċċelebrawha nħossuna mibgħuta.

Kristu sab il-kelma u lissen: ‘din il-kelma seħħet illum’: din il-kelma qed npoġġiha fil-prattika llum. U anke dwar dan nistgħu b’diversi modi ngħinu lil xulxin, anke bħala presbiteri, biex dik il-kelma li aħna nsibu fil-kuntest tal-liturġija ngħixuha kuljum. B’dan il-mod inkunu qegħdin nibnu lilna nfusna, mhux biss bħala saċerdoti imma bħala Knisja u nfittxu illi niskopru dik l-enerġija li għandna bżonn biex dik l-esperjenza ngħadduha lill-oħrajn.

Talb għas-saċerdoti u għall-vokazzjonijiet

Għinuna biex ngħixu dak li jrid minna Kristu. Itolbu għalina ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jikkonsagrana u jibgħatna, u hekk aħna l-mibgħuta ta’ Kristu niġbdu lilkom warajh.
Insellem lilkom kandidati li ser tirċievu l-Griżma u li ser tiġu midluka biż-żejt li qed nikkonsagraw dalgħodu. Fil-Griżma ħossukom li qed tagħżlu mill-ġdid lil Kristu. Komplu stħarrġu x’irid Alla minnkom. U intom is-subien staqsu jekk il-Mulej iridkomx tkunu dixxipli tiegħu fis-saċerdozju. Li kien il-Mulej Alla jkompli jżejjen din il-Knisja b’numru sabiħ ta’ saċerdoti, kif qegħdin taraw dalgħodu, saċerdoti li huma grazzja għal pajjiżna. Li kien il-familji jkomplu jiffavorixxu dak l-ambjent fejn iż-żerriegħa tal-vokazzjoni tkompli tikber u tagħmel il-frott, ħalli mbagħad inkunu tassew Knisja li tagħmel proposta lid-dinja ta’ madwarna. Huwa ħsieb tiegħi li għal li ġej fid-djoċesi jkollna pjan pastorali vokazzjonali.