NIBNU L-KNISJA BĦALA KOMUNITÀ INKLUSSIVA
Żjara fil-Parroċċa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp, Qala – 18 ta’ Marzu 2006
Knisja li teħtieġ tiġġedded
“Ħottu dan it-tempju u jien nerġa nibnih fi tlitt’ijiem”.
Ħalluni nażżarda nagħti interpretazzjoni aktar wiesa’ ta’ dan il-kliem li għadna kemm smajna fil-liturġija tal-kelma llum. “It-tempju tagħkom”, jgħidilna Ġesù, “irrendejtuh suq li fih tagħmlu n-negozju. Għalhekk ħottuh dan it-tempju, għax tilef il-finalità ta’ l-eżistenza tiegħu.
Ġesù, meta jħares lejn il-mod kif aħna nbnejna bħala knisja, forsi wkoll idur fuqna u jgħid ukoll lilna: “Ħottuh dan it-tempju”. Dan il-kliem ma jgħoddx għal xi parroċċa partikulari, imma għall-insara kollha tad-djoċesi.
Ħudu l-eżempju ta’ student li jitgħallem b’mod żbaljat xi teorema. Biex jerġa’ jasal għas-sewwa jrid jgħaddi minn żewġ proċessi:
to unwind: iħassar il-ħażin billi jmur lura fuqu;
to replace: idaħħal il-ġdid tal-Vanġelu.
Jien nistaqsi: Aħna x’irridu? Knisja li tgħix fil-passat? Knisja li tkun biss vetrina tar-relikwi tal-imgħoddi jew Knisja ħajja? Knisja li tiċċelebra l-funzjonijiet li għal ħafna ma jinteresawhomx, jew Knisja ħajja li tgħix dak li tiċċelebra? Knisja li tikkuntenta ruħha bil-gruppett ċkejken, jew Knisja miftuħa għal dawk li jħossuhom imwarrbin? Knisja li tehda bl-attivitajiet ta’ fund raising jew Knisja li temmen u tħaddan il-Vanġelu?
Kristu l-ġebla tax-xewka
Illum qiegħed intemm din iż-żjara pastorali, u nixtieq l-ewwelnett nirringrazzja lilek, Mons. Arċipriet, lilkom, għeżież saċerdoti. F’din iż-żjara ltqajt ma’ diversi gruppi, tfal tal-iskola, żgħażagħ, anzjani, kif ukoll is-sindku u l-kunsilliera lokali. Nirringrazzja u nsellem lilkom ilkoll li lqajtuni.
Nagħmel appell lilkom ilkoll biex nibnu komunità inklussiva fejn Kristu jkun il-ġebla tax-xewka. Intom fissirtuli l-preokkupazzjonijiet tagħkom, u jiena nħoss magħkom fid-diffikultajiet. L-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna, fit-tħassib tagħna. San Ġużepp patrun tagħna jgħinna biex nagħmlu r-rieda t’Alla. Hawn is-saċredoti li minkejja li huma mgħobbijin bl-età qed jagħtu servizz ta’ mħabba u ġenerożità. Ħobbuhom u ħudu ħsiebhom. Dak li tagħmlu magħhom jiena nħoss li qegħdin tagħmluh ukoll miegħi.
Nirringrazzja lil kulħadd u nitlob lill-Mulej jieqaf magħkom lkoll.