KNISJA LI TAQDI
Żjara Fraterna fil-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur – 14 ta’ Marzu 2006
Ninbnew bħala Knisja
F’dawn il-jiem li jien għamilt magħkom ħassejtni membru tal-Knisja ta’ Kristu. Meta ltqajt mad-diversi realtajiet fi ħdan din il-komunità parrokkjali, u anke ma’ għaqdiet oħrajn f’din il-lokalità li huma ffrekwentati minnkom l-insara, ħassejtni qed nagħmel esperjenza ta’ knisja. U nixtieq inkun naf jekk intom ħassejtux l-istess sentiment, jekk għamiltux din l-istess esperjenza, jekk dawk kienux waqtiet li bnewna u għaqqduna iktar bħala komunità nisranija. Imma ta’ liema knisja qegħdin nagħmlu esperjenza aħna?
Knisja li tilbes il-fardal
Għeżież ġenituri li l-lejla qegħdin tippreżentaw lil uliedkom biex jirċievu l-magħmudija, u permezz tal-magħmudija jidħlu fil-Knisja ta’ Kristu, ħalluni nistaqsikom: liema hi dik il-knisja li intom tant tħobbu, u x’wassalkom biex tagħmlu għażla daqshekk importanti għal uliedkom? Uliedkom, jekk Alla jrid, għad jibdew jitfarfru, u għad jistaqsukom: “Mà, pà, għaliex fil-15 ta’ April għammidtuni?” X’risposta ħa tagħtuhom, jekk jistaqsukom din xi knisja hi?
Nista’ ngħid ħafna affarijiet dwar dan, imma mnebbaħ mill-kelma t’Alla fil-Vanġelu tal-lejla, jien nara lil Kristu jagħtina risposta dwar xi knisja għandna nsaħħu fostna. Kristu jgħidilna: “Min hu kbir fostkom għandu jkun lest jaqdi lill-oħrajn. U għalhekk jiena ġejt, biex naqdikom.” U mhux biss jgħidilna x’inhi din il-kwalità li tispeċifika komunità nisranija, imma jagħtina eżempju ta’ kif għandu jkun il-qadi. Hu u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù lill-appostli beda jtarrfilhom xi ħaġa dwar sa fejn iwassal l-ispirtu ta’ qadi li huwa kellu, jiġifieri illi jkun mixli, imsallab u hekk jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
Nixtieqkom il-lejla tikkontemplaw miegħi l-qaddej sofferenti ta’ Jaħweh, kif isejjaħ Isaija lil Kristu l-qaddej ta’ l-umanità. Mhux biss ġie biex jaqdi lill-bniedem, imma lis-segwaċi tiegħu għamlilhom din l-istedina, u meta mbagħad fl-aħħar ċena ħaslilhom riġlejhom, reġa’ tennilhom din il-verità: “Kif għamiltilkom jien, hekk għandkom tagħmlu lil xulxin, u taslu biex is-sens ta’ qadi jwassalkom biex taħslu riġlejn xulxin.” Dalwaqt, jekk Alla jrid, tasal Ħamis ix-Xirka, u jkollna jew spettaklu li m’għandux ikun jew azzjoni profonda fit-tifsir tagħha: il-ħasil tar-riġlejn. Imma minkejja dan kollu, taħsbu illi aħna tgħallimna biżżejjed li l-Knisja li aħna ngħidu li nħobbu, il-Knisja li nagħmlu parti minnha, hija l-Knisja tal-fardal, jiġifieri Knisja li bħal Kristu taqbad il-fardal biex taqdi lill-bniedem?
U din hija domanda li dwarha għandi nagħmel eżami tal-kuxjenza jien, bħala l-ewwel qaddej tagħkom, għandhom jagħmluha ħuti fis-saċerdozju li l-Mulej sejħilna biex naqdu l-merħla – u mhux il-merħla taqdi lilna, u għandkom tagħmlu intom ukoll, għeżież lajċi mgħammdin, illi skond is-sejħat partikulari tagħkom, jekk aħna nindunaw bihom għandhom iwassluna biex ningħataw għas-servizz, għall-qadi ta’ l-oħrajn.
Il-kwalità tal-qadi nisrani
“Min hu l-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej ta’ l-oħrajn,” jgħidilna Ġesù. U x’tip ta’ qadi aħna mistennija nagħtu? Hemm diversi spazji fejn aħna nistgħu naqdu, però jrid ikollna wkoll ġerarkija ta’ valuri. L-ewwel u qabel kollox aħna, bħala ministri, imsejħa biex naqdu lill-poplu t’Alla bix-xandir tal-Kelma, speċjalment fit-talb liturġiku, u naqdukom ħalli tagħmlu esperjenza ta’ Alla.
Hemm żoni oħra fejn huwa meħtieġ il-qadi, imma rridu noqogħdu attenti, maħbubin ħuti. Meta l-Appostli ġew f’dilemma u raw li minħabba t-tqassim ta’ l-ikel lill-foqra ma kienx fadlilhom ħin biex jitolbu u jippridkaw, ħassew il-bżonn li l-ħtiġijiet materjali ma jtellfux lil dawk spiritwali. Allura nagħżlu d-djakni, “biex aħna ningħataw għat-talb u għall-ministeru tal-kelma.” U d-djakni ntgħażlu biex jaqdu l-imwejjed, biex jaqdu lill-bniedem fil-ħtiġijiet l-oħra tiegħu.
Ilkoll qaddejja
Ħbieb tiegħi, ippermettuli l-lejla, f’dan il-mument partikulari ta’ Knisja li qed nagħmel, nagħmel din il-mistoqsija: għaliex ma npoġġux daqsxejn rasna flimkien u naraw x’inhuma l-ħtiġijiet tal-bniedem tal-lum, anke l-bniedem tal-lum f’din il-parroċċa? Ma nikkuntentawx biss ruħna b’dak li nirċievu, bis-servizzi li nistennew li ħaddieħor jagħtina, imma jekk irridu nkunu Knisja tal-fardal, Knisja li taqdi, ilkoll kemm aħna fid-dmir li wara li nagħrfu x’inhuma l-ħtiġijiet imbagħad naraw kif se naqdu dawn id-dmirijiet.
Nista’ ngħidilkom li f’dawn il-jiem li jien kont fostkom smajt min faħħar ċertu qadi li hawn fil-parroċċa. U hawn irrid nerġa’ ndur fuqkom, ħuti fis-saċerdozju u għażiż arċipriet, u f’isem il-poplu nirringrazzjakom għall-qadi ġeneruż li intom toffru, forsi anke mingħajr rikonoxximent, b’sagrifiċċju personali. Imma qaluli li hawn min japprezza s-servizz ta’ qassis personali tagħkom. Qaluli wkoll li hemm lajċi fostkom li huma ġenerużi u li lesti jingħataw biex jaqdu. Rajt familji illi m’għandix kliem biex bih infaħħar is-sens ta’ qadi tagħhom lejn il-ħajja, u naf li hawn aktar bħal dawn moħbijin. U jien dan irrid nirrikonoxxih u nirringrazzja lil Alla li l-komunità tagħkom għandha dan il-ġawhar.
Imma mbagħad smajt ukoll li hemm min qed jistenna qadi ieħor. Forsi tgħiduli: dik jew l-ieħor għandhom raġun f’dak li qed jitolbu li jirċievu. Jien naħseb li dik hija kwistjoni oħra, imma naf li jekk irridu Knisja li bħall-Imgħallem Ġesù taqdi u ma tkunx mod ieħor, għandna lkoll kemm aħna naraw kif nistgħu nagħtu dan is-servizz ta’ mħabba lil ħutna, anke jekk jiswielna ċertu sagrifiċċju. Inkella, ħbieb tiegħi, jekk ma nagħmlux dan, ma nkunux Knisja kredibbli, Knisja relevanti għas-soċjetà tagħna.
Is-servizz ġeneruż tal-missjunarji u tal-morda
U ġaladarba qiegħed nitkellem dwar il-qadi, nixtieq illi l-lejla nsemmu żewġ kategoriji ta’nies partikulari. Insellem lil dawk ħutna saċerdoti u reliġjużi li qed jaqdu lill-Knisja fil-missjoni. Anzi, hawn madwari hawn min qeda lill-knisja fil-missjoni, u dak rigal li l-Knisja tatna. Dalgħodu tkellimt bit-telefon ma ħija fl-episkopat Mons. Silvestru Magro li, kif tafu, daħlu fil-knisja tiegħu u ħarqu s-sagristija u l-appartamenti. Għidtlu li jien qiegħed in-Nadur nagħmel viżta fraterna għas-saċerdoti u l-poplu. Huwa qalli: “Sellili għalihom”, u jien wegħidtu t-talb tagħna. Imma ma’ Mons. Silvestru Magro jien nixtieq insellem lil dawk ħutna mill-parroċċa tagħkom li qed iservu l-Knisja fil-missjoni.
Irrid insellem ukoll lil ħutna morda, li forsi wkoll qed isegwuna permezz ta’din it-trażmissjoni. Jien ċert li huma joffru t-tbatijiet tagħhom għall-Knisja, u kelli ċans ngħid dan fl-ittra pastorali (tar-Randan): “Iltqajt ma’ morda li joffru t-tbatijiet tagħhom għall-vokazzjonijiet u għall-missjoni. Iltqajt ma’ morda illi jgħallmuna kif ngħixu dawn il-mumenti tqal, u li jekk ma ngħixuhomx bil-fidi jistgħu jfarrkuna.”
Għalhekk, għeżież ħuti, inħallu lil Pietru u lil Pawlu, tnejn mill-akbar qaddejja tal-Mulej u tal-Knisja, jispiraw lilna lkoll skond il-vokazzjoni tagħna ħalli, filwaqt li nagħrfu x’inhuma l-ħtiġijiet tal-bniedem tal-lum, aħna b’mod spiritwali ngħinu lil xulxin biex inxiddu l-fardal u naqdu bl-imħabba lill-proxxmu tagħna.