- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Inxandru b’konvinzjoni l-valuri tal-Vanġelu (Parroċċa Xewkija, 9 ta’ Marzu 2006)

Posted By admin On March 9, 2006 @ 10:33 am In 2006 | Comments Disabled

INXANDRU B’KONVINZJONI L-VALURI TAL-VANĠELU

Żjara fraterna fil-parroċċa ta’ San Ġwann Battista, Xewkija – 9 ta’ Marzu 2006

Il-kuraġġ tax-xhieda għall-verità

“Dak li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh intom ukoll lilhom.”

Hekk qalilna l-Vanġelu tal-lum. U jien naħseb illi dan huwa parir li sewwa jsib art tajba fil-qalb tagħna. Għax għandi l-impressjoni illi ħafna drabi rridu lil ħaddieħor jagħmel xi ħaġa għalina; irridu lil ħaddieħor jaqbeż għalina; irridu li ħaddieħor jagħti każ tagħna. Imma aħna, kemm aħna pronti biex nagħtu każ ta’ ħaddieħor? Biex nagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor?

Fl-ewwel qari għandna biċċa mill-istorja tas-sultana Ester. Ara, din ma qagħditx tibża’ għal ġildha, imma titlob lil Alla jgħinha biex tkun tista’ tikseb il-ħelsien għall-poplu Lhudi. Kif? Billi tikkritika s-sistema li kienet qegħda tjassar il-poplu Lhudi. Teħodha kontra s-sultan Assweru. Issemma’ l-vuċi tagħha biex ħutha fi ħdan il-poplu Lhudi jkollhom ħajja iktar tixraq lid-dinjità tagħhom.

San Ġwann il-Battista, li huwa l-patrun maħbub ta’ din il-komunità parrokkjali, li huwa mudell għall-Knisja kollha kemm hi, nistgħu ngħidu li għandu xebħ ma’ Ester, għax hu wkoll ma jaħrabx mir-responsabbiltà tiegħu, ma jingħalaqx fih innifsu, ma jħallix l-egoiżmu jagħlaqlu qalbu u għajnejh għall-ħtiġijiet tal-poplu tiegħu. U x’jagħmel? Jeħodha kontra s-sultan Erodi. Jikkritika s-sistema ta’ żmienu. Anke jekk dan kien jiswielu ġildu; anke jekk dan kien jiswielu l-martirju. U x’ħin ġie l-mument u ra li min kien fuq kien qiegħed jitfa’ taħt riġlejh ċertu valuri, bħal ma huwa l-valur tal-fedeltà fiż-żwieġ, ma beżax lil Erodi jgħidlu: “Isma’, dik il-mara li għandek mhix tiegħek!” Ma qagħadx jgħid, ‘għax dak is-sultan, għax dak għandu l-poter!’ Imma ddefenda s-sewwa u ddefenda mhux biss il-valur taż-żwieġ imma ddefenda lill-poplu tiegħu. Għaliex bl-imġiba tiegħu min kien fuq seta’ jħassar lil dawk ta’ madwaru.

Issa aħna, ħbieb tiegħi, aħna wkoll jista’ jiġrilna illi bħal Ester, bħall-Battista insibu ruħna qegħdin ngħixu f’dinja fejn nistgħu nagħmlu għażla: irridu lil ħaddieħor jiddefendi lilna, l-interessi tagħna, jaqbeż għalina; jew inkunu aħna illi dak li rridu li ħaddieħor jagħmel lilna nagħmluh aħna għall-oħrajn.

Nikkumbattu l-istrutturi tad-dnub fis-soċjetà

Aħna wkoll qed ngħixu f’soċjetà illi, kif ippruvajt ngħidilkom fl-ittra pastorali li bgħattilkom il-ġimgħa li għaddiet, u dil-ġimgħa għandha tasal fid-djar tagħkom – u nistedinkom taqrawha ftit – , qed ngħixu f’soċjetà fejn, flimkien ma’ l-Ispirtu t’Alla, hemm ukoll l-ispirtu ħażin. U rridu nikkumbattu l-ħażin u dawk li jien insejħilhom l-istrutturi tad-dnub li għandna fis-soċjetà tagħna.

Min jaf x’nifhem bl-istrutturi tad-dnub? Huma dawk l-istrutturi illi flok ma jgħinu jfixklu; flok ma jikkontribwixxu biex ikun hemm iktar sens ta’ ġustizzja, ikun hemm inġustizzja; flok ma jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, jirfsu dawn id-drittijiet. U aħna x’inhi l-attitudni tagħna? Sa kemm ma jmissx lilna noqogħdu kuti kuti, jew inkella dak li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel lilna, nagħmluh aħna? Bħalma għamlet Ester, bħalma għamel il-Prekursur ta’ Kristu, illi akkost tal-prezz għoli, it-tnejn li huma u oħrajn bħalhom ħassew li għandhom ikunu vuċi. Vuċi tgħajjat fid-deżert, imma vuċi. U għalhekk f’dik l-ittra pastorali jien ngħid: “ħallu l-Ispirtu t’Alla joħroġna fid-deżert, fit-toroq tagħna”, ħalli aħna nkunu preżenza mimlija bil-Vanġelu, preżenza mdakkra bil-qawwa ta’ l-Ispirtu t’Alla li għaddielna Kristu, u bis-sehem tagħna nkunu, iva, nagħtu s-sehem, il-kontribut, ħalli jkollna smewwiet ġodda u art ġdida, kif jgħid l-Apokalissi. Smewwiet ġodda u art ġdida jfisser ikollna soċjetà mnaddfa mill-preżenza tad-dnub. U d-dnub fid-diversi forom tiegħu.

Inkunu Knisja ħajja

Qegħdin intemmu din il-viżta fraterna li l-Bambin tani l-grazzja nagħmel magħkom, u grazzi lilek, għażiż Arċipriet, grazzi lilkom, ħuti fis-saċerdozju, f’dawn il-jiem stajt inkun qrib ta’ ħafna minnkom, stajt nisma’ l-vuċi tagħkom: fl-assembleja parrokkjali, fil-laqgħat li kelli mal-membri ta’ diversi għaqdiet, fl-iskola, fil-klabb tal-futbol, fil-laqgħa li kelli magħkom is-saċerdoti, fil-Museum. Il-lejla baqagħli mmur nara l-Museum tas-subien. Kelli wkoll żjara mal-ħaddiema f’żewġ lokalitajiet. U ngħidilkom li kull fejn mort, jew kull fejn morna, nirringrazzja ’l Alla li għamluli jew li għamiltuli laqgħa sabiħa ħafna. U ngħidilhom din: jien nieħu gost biha għax mhix biss laqgħa lil Dun Mario imma hija laqgħa lill-isqof. U l-isqof illum jien, għada jista’ jkun ħaddieħor, anzi għada jkun ħaddieħor. U dik il-laqgħa tfisser l-imħabba u r-rispett u l-għarfien tal-missjoni tar-ragħaj spiritwali. U ta’ dan jien nirringrazzjakom.

F’dawn il-mumenti – forsi ħallejt lil xi ħadd barra, – f’dawn il-mumenti rajt ħafna tajjeb – anke l-anzjani dalgħodu – , rajt ħafna elementi sbieħ. U nagħmel kuraġġ għaliex dan ifisser illi l-Knisja ta’ Kristu hi preżenti fostkom. Intom il-Knisja ħajja ta’ Kristu, u l-Ispirtu t’Alla kapaċi jqajjem minnkom Ester ġdida, Battista ġdid, illi għax tkunu konvinti minn ċerti valuri tal-Vanġelu, tkomplu tkunu ħmira fis-soċjetà tagħna, ħmira illi ttella’ l-għaġna ħalli proprju jkollna smewwiet ġodda u art ġdida.

Nitlob lill-Mulej għalikom ħalli dan it-tajjeb li għandkom tikkonservawh u tkattruh mhux biss għall-ġid tagħkom individwali, familjari, imma għall-ġid tal-Knisja u tas-soċjetà tagħna.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/03/09/inxandru-b%e2%80%99konvinzjoni-l-valuri-tal-vangelu-knisja-xewkija-9-ta%e2%80%99-marzu-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.