Ir-Randan: żmien biex nersqu għand Alla (Parroċċa Għajnsielem, 3 ta’ Marzu 2006)

IR-RANDAN: ŻMIEN BIEX NERSQU GĦAND ALLA

Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Randan, Għajnsielem – 3 ta’ Marzu 2006 (Silta mill-omelija)

Sa mill-bidu tal-Knisja, ir-Randan kien magħżul bħala żmien qaddis li fih il-bniedem jirrikorri għand Alla, u dan kemm għall-katekumeni li kienu jħejju ruħhom biex jitgħammdu bħala adulti, u wkoll għal dawk li kienu diġà nsara. Lilna lkoll il-Mulej qiegħed jagħmlilna sejħa biex napprofittaw minn dan iż-żmien ħalli bit-talb, bis-sawm u l-karità aħna nirritornaw għand Alla. U dan hu li qed tgħidilna l-preżenza tagħkom il-lejla.

Talb, sawm u sagrifiċċju

Il-Knisja matul dan iż-żmien tipproponielna diversi għajnuniet biex nersqu għand Alla, bħalma huma s-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla permezz ta’ l-eżerċizzi tar-Randan, u tant okkażjonijiet oħra ta’ talb. Tistedinna wkoll il-Knisja biex insumu. Is-sawm tagħna għandu jwassalna mhux biss biex aħna nagħmlu penitenza, imma biex fuq kollox ngħixu l-Kelma ta’ Alla b’iktar impenn. Flimkien mat-talb u s-sawm hemm ukoll il-karità. Jien naf illi hawn ħafna li jagħmlu karità u sagrifiċċji, u nistedinkom sabiex dan is-sagriffiċċju tagħkom tgħaqqduh ma’ dak ta’ Kristu.

Il-valur u t-tifsira awtentika tas-sawm

Irrid ngħid ukoll li minkejja li aħna nsumu mhux dejjem naslu biex lil Alla nħossuh iktar qrib tagħna. Imma jien ngħidilkom li din mhix esperjenza tagħkom biss. Il-Fariżej lil Ġesù qalulu: “Għaliex aħna u d-dixxipli ta’ Ġwanni nsumu u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” Mela l-Fariżej kienu jsumu, imma għajnejhom ma fetħuhomx, jew aħjar ma nfetħulhomx biex jagħrfuh.

Is-sawm li nagħmel għandu jgħinni biex nikber fl-intimità tiegħi ma’ Ġesù. In-nies ta’ żmien Isaija qalu lil Alla: “Sommna u int ma tajtx każ tagħna; għakkisna ruħna u int ma ntbaħtx.” U l-Profeta jweġibhom f’isem Alla: “ Araw, f’jum is-sawm tagħkom intom tagħmlu li tridu, tgħakksu lill-ħaddiema tagħkom. Araw, issumu imma tibqgħu bil-kwistjonijiet u l-ġlied. Jekk issumu kif qed issumu issa, it-talb tagħkom ma jinstemax. Jaqaw jogħġobni sawm bħal dan?”

Din hija sentenza li lili ġġaħalni nirrifletti. Is-sawm fih nnifsu ma jkun jiswa għal xejn jekk imbagħad ma nimpenjax ruħi biex intejjeb ir-relazzjoni tiegħi ma’ l-oħrajn. Meta Isaija jitkellem dwar kwistjonijiet u ġlied, mhux qed jgħid xi ħaġa ta’ barra minn hawn għax dan jeżisti bejnietna, wieħed ma’ l-ieħor, jeżisti bejn il-familji u bejn gruppi fuq diversi livelli, anke fil-komunitajiet parrokkjali. Alla qiegħed jagħmlilna stedina permezz tal-profeta Isaija, li jkompli jgħidilna: “Jaqaw m’huwiex dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri li tħoll l-irbit tal-ħażen, li tibgħat ħielsa l-maħqurin u tkisser kull madmad? Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min hu għarwien u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?” Kull meta nagħmlu dan aħna nkunu qegħdin verament ngħixu l-ideal nisrani. Għalhekk ixxenqu, ħuti, biex tersqu lejn Alla u hekk tiksbu intimità miegħu u ma’ l-oħrajn.

Isaija l-profeta jagħtina garanzija li jekk aħna nagħmlu dan, imbagħad “ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk. Jekk biss issejjaħlu, jwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek: ‘Hawn jien’.”

Ittra pastorali għar-Randan

Jekk Alla jrid, ser tirċievu l-ewwel ittra pastorali tiegħi, li fiha jien ser naqsam ix-xewqa tiegħi li fil-missjoni tiegħi bħala ragħaj tagħkom jien nuri lilkom il-ġmiel tal-wiċċ ta’ Kristu u l-glorja tal-Mulej, li niċċelebraw fil-lejl qaddis ta’ l-Għid.