Inwarrbu l-piżijiet żejda li qed itaqqlu s-soċjetà, il-familja u l-Knisja (Parroċċa Munxar, 10 ta’ Frar 2006)

INWARRBU PIŻIJIET ŻEJDA LI QED ITAQQLU S-SOĊJETÀ, IL-KNISJA U L-FAMILJA

Żjara fraterna fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, Munxar – 10 ta’ Frar 2006

Ġrajja tal-Providenza

“O Missier, fil-providenza tiegħek int tmexxi lill-bniedem, inti tajtu triq fil-baħar, u inti turih mnejn jista’ jgħaddi. Għalhekk il-bnedmin, jafdaw ħajjithom fuq daqsxejn ta’ laqxa. Jaqsmu l-imwieġ fuq dagħjsa, u jaslu fil-port tas-sliem.”

Talba li qrajnieha fl-ewwel lezzjoni mill-ktieb ta’ l-Għerf. U mill-Atti ta’ l-Appostli qrajna esperjenza ta’ kif Alla jipprovdi laqxa, jipprovdi dagħjsa, jipprovdi ġifen illi fuqu kienu qed isalpaw ħafna nies, fosthom Pawlu ta’ Tarsu, li mbagħad sar l-Appostlu Missierna. Ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Pawlu nistgħu nagħmlu jiem u ġimgħat nikkontemplawh, però l-lejla nixtieq nagħmel meditazzjoni qasira proprju fuq il-ġifen li kien riekeb fuqu Pawlu.
Il-ġifen skond il-ktieb ta’ l-Għerf huwa l-mezz biex il-bniedem jasal fil-port tas-sliem. Tgħiduli: il-ġifen ta’ Pawlu nkalja! Però oqogħdu attenti: aħjar ngħidu “il-ġifen ta’ Pawlu nkaljawh”: intenzjonalment rieduh jidħol f’dik ix-xtajta. Seta’ l-ġifen tfarrak u niżel fil-fond tal-baħar, imma dawk li kien hemm fuqu ħadu azzjoni. Waqfu meta raw il-mewġ qalil. X’għamlu? Ramew minn fuq il-ġifen it-tagħbija żejda li kien hemm. Ġiehom f’moħħhom illi jħaffu l-piż tal-ġifen biex ikun jista’ jofroq il-mewġ qalil. Imbagħad irnexxielhom jinkaljawh fejn riedu jwaħħluh.

Inneħħu t-tagħbija żejda li tfixkel il-mixja tal-ħajja soċjali ta’ pajjiżna

Issa r-riflessjoni li nixtieq nagħmel illum hi proprju din: l-umanità għaddejja fuq ġifen, ġifen illi xi drabi għandu ħalel kbar jikkumbattuh. Aħniex għaqlin biżżejjed billi f’waqtu – ifisser li ma jkunx tard – aħna nindunaw biex dan il-ġifen ta’ l-umanità nneħħulu dak li huwa piż żejjed, dak illi qiegħed itaqqal il-bastiment fil-mixja tiegħu. Qed nitkellem mill-umanità, jiġifieri mill-ħajja tagħna soċjali. U biex inkun aktar konkret, l-umanità fil-Gżejjer tagħna. Jistax ikun illi aħna rekbin fuq ġifen, imma dan il-ġifen fil-qafas soċjali tiegħu huwa mgħobbi b’ċerti tagħbijiet żejda illi hemm bżonn nirrimedjaw għalihom, hemm bżonn naraw kif neħilsu minnhom.

Eżempji ta’ problemi soċjali

Kieku nieqaf hawn inħossni kuntent għax inħallikom taħsbu intom x’jistgħu jkunu dawn it-tagħbijiet żejda, però, ħa ntikom xi żewġ eżempji. Per eżempju hemm piżijiet illi jeżistu jekk aħna ma nagħmlu xejn, dawk li jgħidulhom nuqqasijiet li ġejjin mill-ommissjoni. Per eżempju, x’qegħdin nagħmlu, kemm qegħdin nippreokkupaw irwieħna biex ikun hawn ħobż għal kulħadd? Biex l-issue tan-nuqqas ta’ xogħol tiġi riżolta? Jew ħafna drabi aħna egoisti, u ngħidu: l-importanti li żejti fil-kus u ħobżi maħbuż. Dak huwa piż, piż fuq individwi, piż fuq familji, illi jista’ jkun illi jekk ma naġixxux f’waqtu, allura l-ġifen jiffonda. U nista’ nsemmi issues oħra soċjali li għandhom ikunu għal qalbna.

Ħa nsemmielkom issa xi ħaġa li qegħdin nagħmluha u forsi hemm bżonn niftħu għajnejna f’waqtna għaliex din it-tip ta’ mġieba qed toħloq piż. Issa huma nuqqasijiet ta’ kommissjoni, jiġifieri dawn nuqqasijiet li nagħmluhom aħna. Per eżempju, il-problema ta’ l-alkoħol, l-alkoliżmu. Il-fatt illi donnu nagħlqu għajnejna u nħallu din il-pjaga – pjaga soċjali – illi tifni l-individwi, tifni lill-familji, tifni s-soċjetà, tibqa’ għaddejja. Ma tħossux illi hemm bżonn niftħu għajnejna, u ma nħallux din il-pjaga tkompli tinfirex, u jekk hemm bżonn nieħdu azzjoni biex nagħrfu nikkontrollaw dan il-piż, biex dan il-piż inwarrbuh minn quddiemna?

Piżijiet fil-Knisja: ħtieġa ta’ eżami tal-kuxjenza

Il-bqija nħallieh għalikom, għax irrid nitfa’ għajnejja fuq ġifen ieħor, il-ġifen tal-Knisja issa. Ħafna drabi l-Knisja nxebbħuha ma’ dgħajsa. F’dan il-kuntest jien nilmaħ fil-ġifen ta’ Pawlu lill-ġifen tal-Knisja tagħna. Kien hemm bżonn għal Pawlu illi jeħilsu minn ċerta tagħbija żejda, bla bżonn biex il-bastiment jimxi. U jien nistaqsi: – u hawnhekk indur lejkom ukoll, ħuti fis-saċerdozju – hemm bżonn illi nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw għaliex dan il-ġifen tal-Knisja mhux miexi b’ċertu ritmu, mhux miexi b’ċertu qawwa. U f’direzzjoni dejjem. Jistax ikun illi maż-żmien kellna tagħbija tajba, li huwa l-Vanġelu, imma mbagħad żidna ċertu piżijiet, żidna ċertu drawwiet? U xi darba d-drawwiet saru iktar importanti mis-sustanza, u d-drawwiet jew tradizzjonijiet qegħdin itaqqlu l-ġifen li ma jistax jimxi?

Jien nistaqsi: għaliex dan il-ġifen tal-Knisja mhux qiegħed jofroq biżżejjed l-imwieġ tas-soċjetà tagħna? Anke Pawlu fil-ħajja ta’ l-appostolat, tal-ministeru apostoliku tiegħu għaraf jagħmel l-eżami tal-kuxjenza, u għaraf fejn kien hemm bżonn jarmi ċerti piżijiet, piżijiet li kienu qegħdin itaqqlu l-mixja tal-komunità nisranija. Però anke f’din il-ħaġa dan ifisser illi rridu nagħmlu rasna flimkien, irridu npoġġu qalbna flimkien, u naraw x’hemm bżonn isir, ħalli t-tagħbija żejda illi hemm fuq il-ġifen tal-Knisja nneħħuha. Jekk ma rridux illi dan il-ġifen jegħreq, jitfarrak, allura aħjar over the board, narmuhom, neħilsu minnhom.

Diffikultajiet fil-ħajja tal-familja

Hemm ġifen ieħor li huwa mgħobbi, il-ġifen li fuqu riekba l-familja. Ma tħossux, ħbieb tiegħi, illi xi drabi dan il-ġifen tal-familja wkoll huwa mgħobbi b’ċerti piżijiet u piżijiet żejda illi ma jħallux il-familja tgħix dak li hi? Ma taħsbux illi aħna stess, aħna stess – għax xi darba ħaddieħor jista’ jgħabbi l-familja – , imma xi drabi aħna stess qegħdin nitgħabbew b’piżijiet illi qegħdin ikunu ta’ xkiel għall-ħajja tal-familja?

Jien biżżejjed għal-lejla ngħid daqshekk. Jiena nirrispetta l-intelliġenza tagħkom u kulma qiegħed nagħmel qiegħed biss nistedinkom għal riflessjoni. Forsi m’għandix raġun, jalla m’għandix raġun, imma li l-iġfna tal-familji tagħna qegħdin jerqgħu, xi darba mhux x’ħin jaslu fil-port, imma jkunu anqas telqu mill-port. Huwa fatt, huwa fatt soċjali, huwa fatt ekkleżjali. Allura ma nistgħux aħna nirraġunaw li għax għandi l-ġifen tiegħi miexi, allura nħallu l-iġfna l-oħra jimxu għal rashom. Anke fuq din il-ħaġa jiena nħoss kemm bħala soċjetà, kemm bħala komunità nisranija, irridu noqogħdu ftit bilqiegħda, u naraw x’azzjoni hemm bżonn tittieħed flimkien. Proprju biex il-ġifen tal-familja ma jsibx id-diżgrazzja u jinżel fil-fond, għax għad infittxu l-familja u ma nsibuhiex.

Inħarsu ’l quddiem bit-tama

Jien ma rridx inkun ta’ trasformatur il-lejla, ma rridx inkun negattiv, imma qiegħed naqra daqsxejn ir-realtà li ngħix jien u tgħixu intom, u nħarsu ’l quddiem bit-tama, minkejja kollox. It-tama li kellu Pawlu. Pawlu kien konvint illi l-ebda persuna li kien hemm fuq il-ġifen ma kienet ser tintilef. Mhux biss kien konvint hu, imma ried jikkonvinċi lill-oħrajn. Qalilhom: aqtgħu dik id-dagħjsa li baqgħalkom, u qatgħuha. Biex għamlu iktar liberu l-ġifen ħalli jasal fil-port.

U mnejn ġabha din it-tama Pawlu? Tgħidulix li mill-ħila personali tiegħu! Pawlu kiseb din it-tama mill-qawwa ta’ Kristu li ġie fid-dinja. Pawlu kien jaf li l-Mulej Ġesù huwa miegħu, u għax il-Mulej Ġesù kien miegħu sab il-kuraġġ illi jgħid lill-oħrajn ħalli jeħilsu minn ċerti piżijiet. U anke aħna, jekk irridu illi dak il-ġifen illi rikkibna fuqu Pawlu meta ġie fostna, meta ġie f’pajjiżna, jibqa ġifen sħiħ, u li fuqu nibqgħu ngħabbu – però ngħabbu tagħbija tajba –, li fuqu jkun hemm post għall-ġenerazzjoni futura tagħna, jien naħseb illi ma rridux inkunu irresponsabbli u ma nagħtux każ issa x’nistgħu nagħmlu ħalli neħilsu mit-tagħbijiet żejda u jkollna dagħjsa, ġifen li jibqa’ jofroq l-imwieġ tal-ħajja u jasal fil-port tas-sliem.
Amen.