WordPress database error: [MySQL server has gone away]
SELECT * FROM wp_users WHERE ID = '1' LIMIT 1
WordPress database error: [MySQL server has gone away]
SELECT * FROM wp_users WHERE ID = '1' LIMIT 1
WordPress database error: [MySQL server has gone away]
SELECT * FROM wp_addressbook ORDER BY surname,first_name
IL-ĦIDMA PASTORALI GĦAS-SALVAZZJONI TA’ L-ERWIEĦ HI RESPONSABILTÀ TAL-KOMUNITÀ NISRANIJA KOLLHA
Żjara fraterna fil-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, Fontana – 6 ta’ Frar 2006
Inwarrbu l-kultura ta’ l-egoiżmu
Li wieħed ikun egoist, per eżempju fejn jidħlu l-flus, naħseb li ma tridx sforz kbir biex tifhimha, hux veru? Per eżempju, li jkollok lira u żżommha għalik; li wieħed ikun egoist u ma jaqsamx il-beni li jista’ jkollu jew ikollha. Meta qed ngħid beni qed nifhem kull tip ta’ possessjoni li jista’ jkollna, anke ħelu. Il-bieraħ kien hemm tifla u kienet qed tiekol borża, u biex niċċajta għidtilha, “Ħa nieħu waħda”. Hi ġibditha lura, għax il-bniedem min-natura tiegħu huwa selfish, egoist.
Imma qatt’x għaddielek minn moħħok illi anke f’dawk l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Alla xi drabi aħna egoisti? F’liema sens? Fis-sens li l-importanti għalija hu li jien inkun sew. L-importanti għalija hu, biex nuża frażi li soltu nużaw, li nsalva jien u naqa’ u nqum minn ħaddieħor. Mentri meta nimmedita l-Kelma t’Alla li tħabbret illum, b’mod partikulari fil-Vanġelu, ninduna kemm il-loġika, il-ħsieb ta’ Alla, ta’ Kristu, huwa differenti. Kristu kellu mitt nagħġa: kellu disgħa u disgħin ċerti, żguri, u waħda ntilfet. Naħseb li kieku jien nirraġuna u ngħid: hemm dawk id-disgħa u disgħin, nieħu ħsieb dawk, għax jiġi l-lupu u jeħodhomli. Issa, la marret waħda, tmur.
Kemm nirraġunaw hekk fil-ħajja tagħna! Per eżempju, fil-familja: ulied għandek tnejn jew tlieta: għandek xi ħadd minnhom miksur miegħek, u tgħid: “Jien għandi tnejn ikellmuni, issa dak affarieh; dak jagħmel hu; mhux hu ħa jitlef?” Jew l-aħwa bejniethom: l-importanti li jien sewwa ma’ ħija, ma’ oħti: l-ieħor jagħmel fattieh.
L-istess fuq ix-xogħol. Per eżempju, qiegħed f’uffiċċju, jew fuq il-bank tax-xogħol: jiena l-importanti huwa li l-kotra mmur sewwa magħha. X’jimpurtani li hemm dak jew l-ieħor ma jkellmunix? Nistgħu nitkellmu fit-triq; aħna nafu ’l xulxin u ngħid: “U iva, jiena rasi mistrieħa, għaliex il-ġâr ta’ din in-naħa, jekk tinqalagħli xi ħaġa bil-lejl jaqdini, imbagħad l-ieħor…!
Infittxu lil min tbiegħed
Il-biċċa hi li anke fil-Knisja – u din tinkwetani lili – ikun hemm mumenti fejn nirraġunaw hekk; nirraġunaw: ifisser li qed ngħid għalija wkoll. Eżempju: illejla ngħidu: “Hawn Knisja mimlija: mur orqod u strieħ, Dun Mario, isqof, kappillan, qassis; ara tinkwieta. Hawn disgħa u disgħin: min ma ġiex ma ġiex.” Imma dak huwa r-raġunament tal-Vanġelu? Dan huwa r-raġunament ta’ Kristu? B’dan il-mod aħna nistgħu nkunu selfish, egoisti. Aħna l-importanti li fir-rigward ta’ Alla qisu għandna garanzija, mingħalina, imbagħad ħallieh ir-riħ ħa jonfoħ.
Kristu mhux hekk irraġuna. U dan qed ngħidu għalija, qed ngħidu għalija l-ewwel wieħed. Kristu ma qalx: “Eh, dawk id-disgħa u disgħin jiena żgur minnhom, ħa niġborhom; min mar mar, jekk irid jiġi hu, tiġi hi.” Le, mhux hekk, imma ħalla dawk id-disgħa u disgħin u mar ifittex in-nagħġa li baqgħet ’il bogħod.
Illum qegħdin intemmu b’din l-Ewkaristija l-esperjenza taż-żjara fraterna li jien għamilt fostkom fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala ragħaj spiritwali tagħkom, ħbieb tiegħi. Ħadt gost ħafna niltaqa’ magħkom. Żorna diversi familji u nirringrazzja lill-kappillan li kien available għal sigħat twal. Iltqajt ma’ diversi kategoriji. Il-bieraħ filgħaxija kellna l-assembleja parrokkjali; dalgħodu ltqajt mal-membri tal-Kunsill (Lokali): insellmilkom.
Iltqajt mat-tfal u llejla qed niċċelebra din l-Ewkaristija magħkom. Pero’ nixtieq – u qiegħed inkellimkom issa bħala wieħed li l-Bambin bagħatni biex nimxi magħkom, biex niggwidakom ftit – , nixtieq li neżaminaw ftit lilna nfusna, u naraw jekk aħniex bħar-Ragħaj it-Tajjeb, jew inkella jekk taħkimniex il-loġika miskina tagħna l-bnedmin: l-importanti li sewwa jien, anke f’dawk l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu m’Alla.
Dan x’ifisser? Ifisser illi, kif għidt il-bieraħ filgħaxija, nitolbu lil Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, biex jagħtina qalb vera ta’ ragħaj. U intom għandkom “vantaġġ” fuq il-komunitajiet l-oħra li għandna f’Għawdex, għax proprju għandkom issaħħarkom il-Qalb ta’ Ġesù, li hija l-qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb; u nitolbuh li jagħtina din il-qalb biex aħna nkunu kapaċi nagħmlu dak li għamel ir-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-Ragħaj it-Tajjeb mhux kuntent b’dawk li hemm fil-merħla, imma r-Ragħaj it-Tajjeb ippreokkupat, imħasseb fuq dawk li m’għandux fil-merħla. Kos, hux kemm nirraġunaw differenti aħna!
Ir-Ragħaj it-Tajjeb huwa dak illi n-nagħġa l-marida, li għandha l-ġerħat, jinfaxxalha l-ġrieħi tagħha, mhux joqgħod jgħid: “imma jien nista’ niċċappas bil-mard, nista’ niġi interpretat ħażin jekk immur fejn dik in-nagħġa.”
Alla jħobb lit-tajbin u lill-ħżiena
Fl-ewwel qari ta’ Eżekjel hemm sentenza li tatni gost immens: “Ir-ragħaj imidd in-nagħġiet tiegħu”. Mhux biss, allura, jiġborhom fil-maqjel u jitfagħlhom l-għalf għall-ikel, imma jmiddhom. Araw x’delikatezza għandu r-Ragħaj. Ikompli jgħid, imbagħad, fit-tieni qari, kif dil-qalb ta’ Alla mhix qalb li tħobb lil dawk li huma tajbin – ma nafx jekk laqtitkomx dil-kelma – , imma Alla miet għal dawk li huma bla Alla. Alla miet għalina, mhux li aħna ġusti, qaddisin, imma aħna midinbin. U dan lili jgħinni nifhem min huma n-nagħaġ ippreferuti minn Alla. Min huma allura dawk li jien irrid inħobbhom aktar minn ħaddieħor? In-nagħaġ li huma bla Alla, in-nagħaġ li huma midinbin.
Qatt’x għaddielek minn moħħok, int? Aħna nħobbu lil min hu tajjeb, lil min jidher li hu qaddis, niġru warajh u rriduh li jkun fil-grupp tagħna. Imma dik mhix il-loġika tar-Ragħaj it-Tajjeb; dik mhix it-taħbita tal-qalb tar-Ragħaj.
Ilkoll għandna sehem mir-responsabiltà ministerjali tal-Knisja
Nistħajjilkom tgħidu: “Imma dan id-diskors japplika għalik” – jiġifieri għalija, l-isqof – “għax int issa r-Ragħaj. Int bil-bastun f’idejk.” Jew forsi tgħiduli: “Dan id-diskors japplika għas-saċerdoti”. Eh, le, mhux hekk. Dan huwa diskors li japplika għall-Knisja kollha kemm hi, u meta qed ngħid Knisja nifhem aħna lkoll, ilkoll flimkien, għax ilkoll flimkien nipparteċipaw fil-missjoni tar-Ragħaj.
Ilkoll għandna nippreokkupaw ruħna jekk hemm mitt nagħġa u waħda minnhom hija mbiegħda, u nippreokkupaw ruħna iktar jekk mhux waħda hemm imbiegħda, imma tnejn, tlieta, erbgħa… Naturalment kulħadd jeżerċita jew jikkontribwixxi skond is-sejħa tiegħu: jiena bħala isqof, ħuti s-saċerdoti bħala saċerdoti, min hu ġenitur bħala ġenitur, min hu għalliem bħala għalliem, min hu katekist bħala katekist; ilkoll kemm aħna, anke intom li intom iddedikati fil-ħidma politika, kulħadd, jekk irridu nkunu nsara. Kulħadd għandu jippreokkupa ruħu minn din ir-realtà; b’mod partikulari aħna s-saċerdoti, u intom, għeżież ġenituri, għeżież familji.
Intom tafu illi proprju bħala żewġ għanijiet importanti li jiena ħassejt li għandi niffissa bħala oġġettiv, għan tal-pastorali, huma s-saċerdoti u l-familja. U f’dil-ħaġa ħalluni nitlobkom biex titolbu għalina, ħalli aħna nħallu lir-Ragħaj it-Tajjeb jiragħna, għax it-tentazzjoni tista’ tkun li aħna nirgħu, imma mhux f’isem Kristu, imma nirgħuhom kif irridu aħna. Itolbu għalina. Imma wkoll nitlobkom: aħdmu magħna, naħdmu flimkien.
Din hija l-istedina li nagħmlilkom fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala isqof tagħkom. Jien napprezza l-preżenza tagħkom tal-bieraħ u tal-lejla, u ninterpreta l-preżenza tagħkom bħala disponibilità biex aħna naħdmu flimkien. U llejla b’din il-meditazzjoni tajtkom ħjiel, indikazzjoni ta’ fejn għandha tkun il-preokkupazzjoni tagħna, illi aħna nikkuraw, li aħna nieħdu ħsieb il-merħla kollha, mhux dawk biss li huma tagħna, altrimenti nkunu qed nagħmlu dnub ta’ egoiżmu.
Il-Qalb ta’ Ġesù tgħinna f’dan kollu.
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.