Archive for December, 2005

Ċirkulari 449/2007 (27 ta’ Diċembru 2005)

Nru. 449/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Kif jgħid il-qawl Malti “kull mibdi mitmum,” hekk il-missjoni tiegħi bħala Ragħaj ta’ din id-djoċesi dalwaqt tasal fi tmiemha. Fid-data tas-26 ta’ Marzu 1967 ktibtilkom l-ewwel ċirkulari tiegħi, u din hija l-aħħar waħda li ser nikteb bħala isqof djoċesan t’Għawdex.

Fil-waqt li nrodd ħajr lil Alla u lill-Omm Imqaddsa tiegħu għall-kotra ta’ grazzi li rċivejt matul is-snin ta’ l-episkopat tiegħi, nixtieq ukoll nurikhom il-gratitudni tiegħi lejkom għat-talb tagħkom u għall-kooperazzjoni li tajtuni.

Sabiex flimkien nirringrazzjaw lil Alla għall-barkiet u l-għajnuniet li rċivejt, ser immexxi konċelebrazzjoni fil-Kattidral nhar il-Ħadd, 15 ta’ Jannar 2006 fil-għaxija; nistieden biex jieħdu sehem fiha l-membri tal-Kleru u l-poplu nisrani ta’ għiritna.

Wara li lqajna bil-ferħ, l-aħbar tal-għażla ta’ Mons Mario Grech bħala suċċessur tiegħi ngħarrafkom uffiċjalment li l-ordinazzjoni episkopali Tiegħu ser tinżamm fil-Kattidral nhar il-Ħadd, 22 ta’ Jannar 2006, fil-għodu. Huwa dmir tagħna lkoll li noffru talb ħerqan lil Alla, għall-isqof il-ġdid u nwegħduh rispett, lealtaċ u l-kooperazzjoni sinċiera fil-ħidma pastorali tiegħu.

Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II “L-Isqfijiet, b’istituzzjoni divina, huma s-suċċessuri ta’ l-Appostli bħala ragħajja tal-Knisja, li min jisma’ lilhom, jisma’ lil Kristu, min iwarrab lilhom, iwarrab lil Kristu u lil Dak li bagħat lil Kristu” (Lumen Gentium, n.20).

Għal din l-okkażjoni tal-konsagrazzjoni ta’ l-isqof il-ġdid jixraq li lejlietha tindaqq mota ta’ kwarta fl-Ave Marija, u nhar is-Sibt u l-Ħadd jiġu mixgħulin il-faċċati tal-knejjes u l-istituti tad-djoċesi u jiġu mtellgħin il-bnadar fuq il-bjut.

Waqt li nirrikmanda ruħi fit-talb tagħkom, nitlob fuqkom il-barka tar-Ragħaj it-Tajjeb Sidna Ġesu Kristu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 27 ta’ Diċembru 2005 .

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

ITTRA MIFTUĦA LILL-PARROĊĊA TIEGĦI
Ittra lill-parruċċani ta’ Kerċem meta Mons Mario Grech ġie maħtur isqof - 27 ta’ Diċembru 2005

ITTRA MIFTUĦA LILL-PARROĊĊA TIEGĦI

Għeżież,

Temmejna sena flimkien; mhux biss is-sena tal-kalendarju, imma wkoll sena ta’ ħajja ekkleżjali! Kienet sena fejn jien tajt ftit imma rċivejt ħafna. Forsi wieħed mill-isbaħ kumplimenti li għamiltuli f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet stqarrija li għamilli raġel meta kien bil-karozza u waqt li tani lift sar Rabat, qalli: “Inħobbok”! Affermazzjoni bħal din tagħtini konsolazzjoni kbira bħala saċerdot/kappillan, għax kliem bħal dan jixhed li bejni u bejn dan ir-raġel matul din is-sena inħolqot relazzjoni bħal dik li għandu jkun hemm bejn ir-“ragħaj” u n-“nagħaġ” tiegħu! Il-konsolazzjoni tiegħi hija kbira għax konvint li dan ir-raġel mhux l-unika persuna li espremiet dan is-sentiment, imma l-parroċċa kollha b’mod jew ieħor wasslitli dan il-messaġġ!

Da parti tiegħi, matul din is-sena ta’ parrokat għamilt ħilti biex inħobbkom ilkoll, speċjalment lil dawk il-persuni li sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet iebsa tal-ħajja. L-imħabba mbuttatni biex noffrilkom dak li kelli nagħtikom bħala “missier” spiritwali, u għandi sodisfazzjon ngħid li fil-kotra l-kbira ta’ l-okkażjonijiet sibtkom mhux biss lesti li tilqgħu din l-imħabba, imma wkoll pronti biex tirreċiprokawha b’diversi modi, prinċipalment bil-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħkom.

Bħala kappillan ħassejtni fid-dmir li naqsam magħkom in-niket u l-ferħ tagħkom; li noffrilkom gwida spiritwali; li bix-xandir tal-Kelma t’Alla ndawwal il-kuxjenza tagħkom; li biċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti ngħinkom tiltaqgħu ma’ Kristu u timtlew sax-xfar bil-grazzja t’Alla; biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi noffrilkom mumenti ta’ talb u tifħir lil Alla. F’dan iż-żmien qasir li għamilna flimkien wettaqna ftit riformi importanti u l-approvazzjoni tagħkom kienet evidenti. Kelli għal qalbi kull familja fil-parroċċa u bil-preżenza tiegħi fittixt li ngħin fit-tisħiħ ta’ l-għaqda fil-familja u fil-parroċċa. F’din ta’ l-aħħar ma nistax ngħid li jien sodisfatt għal kollox, imma quddiem Alla nistqarr li għamilt dak li fil-kuxjenza ħassejt li kelli nagħmel fir-rispett tal-verità u tal-ġustizzja lejn kulħadd.

Matul din is-sena tgħallimt ħafna minn għandkom! Għintuni nitlob; għintuni nkompli napprezza d-don tas-saċerdozju; għintuni nibni relazzjoni sabiħa ma, diversi kategoriji fil-parroċċa, speċjalment iż-żgħazżagħ u t-tfal; għintuni nsawwar qalb ta’ “ragħaj”. Fuq kollox għintuni nikber fl-imħabba tiegħi lejn il-Madonna, Ommna tas-Sokkors, u lejn il-Papa San Girgor – devozzjoni li għandi bżonn nikkuraha anke issa bħala isqof tagħkom, għax barra li nkompli nitlob il-ħarsien tagħhom, irrid inżommhom bħala mudell biex inkun “missier” u “omm” għal dawk kollha li Alla qed jafdali!

Temmejt din l-esperjenza magħkom, imma mhux ser inħallikom: il-ministeru ġdid ta’ isqof djoċesan afdat lili ser iqegħdni f’rabta oħra magħkom; u jekk sal-lum kont kommess li nħobbkom, issa dan l-impenn nerġa’ nġeddu, għax għalkemm b’mod differenti xorta għandi r-responsabilità li nkun r-ragħaj tagħkom.

Grazzi ta’ kollox lil kulħadd, speċjalment lil ħuti s-saċerdoti li magħhom u bl-għajnuna tagħhom għamilna dak li għamilna matul is-sena li għaddiet.

Dan nirrakkomandalkom: ħobbu lil xuxlin kif Kristu ħabb lilna. Fittxu mingħand il-Knisja dak li l-Knisja hija fid-dmir li tagħtikom. Agħmlu kull ma tistgħu biex tbewġu minn fostkom kull dnub, speċjalment id-dnub tal-firda. Komplu għożżu lil ħuti s-saċerdoti.

Alla tas-sliem iberrikkom.

27 ta’ Diċembru 2005

+ Mario Grech
Isqof/Kappillan għall-qadi tagħkom

________________________________

Stedina:

Kulħadd mistieden jieħu sehem fil-Konsagrazzjoni Episkopali tal-Kappillan tagħna Dun Mario nhar il-Ħadd 22 ta’ Jannar 2006.

Ad Clerum Nru 378 - Diċembru 2005

Nru. 378

  DIĊEMBRU 2005

Nixtieq qabel xejn inrodd ħajr lill-membri tal-Kleru għall-kooperazzjoni tagħhom biex ikun jista’ jsir iċ-ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddies tal-Ħdud. Huwa ttamat, li l-konklużjonijiet li joħorġu minnu jkunu jistgħu jitfgħu xi dawl u jkunu ta’ siwi għall-ħidma pastorali f’pajjiżna.

Nixtieq imbagħad li nrodd ħajr lil Alla u lis-Sede Appostolika, li r-riżenja tiegħi ġiet aċċettata, u li minn hawn u ftit ieħor jitneħħa minn fuq spallejja l-piż tar-responsabbiltà pastorali tad-djoċesi.

Nistedinkom ukoll li tingħaqdu miegħi, sabiex nesprimi s-sentimenti tagħna ta’ gratitudni u ta’ radd il-ħajr, lejn Alla u lejn il-Vigarju ta’ Kristu, il-Papa Benedittu XVI, talli għoġobhom jipprovdu ragħaj spiritwali għad-djoċesi tagħna u bħala suċċessur tiegħi, saċerdot għaqli, żelanti u eżemplari, iben denn ta’ din il-gżira Għawdxija. Huwa dmir tagħna lkoll li nitolbu lil Alla biex jagħnih bil-grazzi tiegħu u jgħinu kontinwament fil-missjoni ġdida li għandu.

Huwa ovvju li din hija l-aħħar “Ad Clerum” li ser niktbilkom u ser tkun ukoll iqsar minn dawk tas-soltu.

Is-sentimenti tiegħi jinġabru fil-ġakolatorja qasira tal-Beatu Dun Ġorġ Preca “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli, Sinjur Alla.” Nirringrazzjah għall-grazzi kollha, kbar u żgħar li tani matul l-episkopat tiegħi. Nitolbu maħfra wkoll għall-ħtijiet u l-omissjonijiet tiegħi.

Ma’ dan, inħoss li għandi nżid ukoll kelma ta’ radd il-ħajr lilkom, għat-talb li offrejtu għalija, ta’ kuljum fil-Quddiesa, u f’diversi okkażjonijiet oħra, kif ukoll għall-kooperazzjoni tagħkom. Jiena nagħraf sewwa l-limitazzjonijiet tiegħi, u jista’ jkun li xi drabi ddiżappuntajt lil xi ħadd; ma jidhirlix li għamilt dan apposta jew b’fehma ħażina, imma xorta waħda nitlobkom taħfruli u tiskużaw nuqqasijieti.

Da parti tiegħi, inħossni obbligat li nibqtà nitlob għalikom u nipprova nkunilkom ta’ xi għajnuna, sa fejn u kif nista’.

Nagħlaq billi minn qalbi nawguralkom Milied Qaddis u Sena Ġdida mimlija bil-barka tal-Mulej.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex