Archive for November, 2005

Ad Clerum Nru 377 - Novembru 2005

Nru. 377

NOVEMBRU 2005

Iċ-ċensiment u l-istatistika ma humiex xi ħaġa li bdejna nisimgħu bihom fi żminijietna biss, iżda kienu jafu bihom anki fi żminijiet l-iktar antiki, anki qabel il-miġja ta’ Kristu. L-Evanġelju ta’ San Luqa isemmilna ċ-ċensiment li kien sar minn Ċesari Awgustu (Lq. 2,1).

Biċ-ċensiment tinġabar l-informazzjoni, li minnha mbagħad toħroġ l-istatistika. Din nistgħu niddeskrivuha bħala xjenza li tesprimi l-fatti, f’termini numeriċi, cioè permezz taċ-ċifri li tagħtina. Il-fatti soċjali kollha, kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-ħajja pubblika tal-poplu, jistgħu jkunu oġġett taċ-ċensiment. L-istatistika hija strument li jintuża f’ħafna oqsma differenti, mhux biss fl-ekonomija, fil-kummerċ u fir-riċerka xjentifika iżda hija utli ħafna wkoll fil-kamp tal-ħidma pastorali. L-istatistika tagħtina tagħrif oġġettiv dwar xi sitwazzjonijiet partikolari li dwarha tkun saret xi indaġni jew ċensiment. Meta wieħed ikollu f’idejh id-dati statistiċI, jkun jista jorganizza aħjar il-ħidma tiegħu u jippjana għal li ġej, u skond l-ħtiġijiet reali tas-soċjetà.

Biex nagħtu xi eżempji, minn żmien għal żmien, anki f’pajjiżna jsiru statistiċi, dwar il-għadd ta’ twelid, u ta’ mwiet, ta’ żwiġijiet, ta’ separazzjonijiet, tal-popolazzjoni studenteska, tan-nies li għandhom ix-xogħol, u dawk qegħda.

Fost l-istatistiċi, li huma konnessi ma’ l-attività pastorali u reliġjuża, nistgħu nsemmu (ara Direttorju) dawk li jirrigwardaw l-għadd ta’ saċerdoti u reliġjużi, is-sitwazzjoni tal-vokazzjonijiet, il-għadd tal-kawżi fit-tribunal ekkleżjastiku eċċ.

F’pajjiżna, kull għaxar snin isir ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddies fil-ġranet ta’ l-obbligu u minnu jinġabru l-istatistiċi relativi, u joħroġ il-persentaġġ ta’ nies li jwettqu dan l-obbligu u ta’ dawk li jittraskurawh. L-aħħar ċensiment ta’ din ix-xorta sar madwar għaxar snin ilu.

Issa, ċensiment ieħor bħal dan, fuq bażi nazzjonali, ser jinżamm f’dan ix-xahar ta’ Novembru. Ikun meħtieġ li jingħaddu dawk kollha li jattendu għall-quddiesa, fil-jum taċ-ċensiment, u f’kull knisja, kappella jew lok ieħor, fejn tiġi ċċelebrata l-Quddiesa bil-parteċipazzjoni tal-fidili, mingħajr ebda eċċezjoni. Għandhom jimlew il-kwestjonarju anki t-tfal, basta jkunu diġa għamlu l-preċett, jiġifieri li huma obbligati għall-quddies tal-Ħdud u l-festi kmandati. Huwa meħtieġ għalhekk, li jkun hemm koperazzjoni sħiħa, mhux biss mill-kappillani u r-retturi tal-knejjes fejn isir il-quddies, Iżda wkoll minn kull saċerdot li jiċċelebra l-quddiesa f’dawk il-jiem.

L-organizzazzjoni taċ-ċensiment diġa ħasbet biex tħejji l-materjal meħtieġ taċ-ċensiment tal-Quddies, u tat-taħriġ lill-operaturi li għandhom jgħinu lil dawk li jkunu preżenti, u jgħidulhom kif għandhom jimlew il-formuli li mbagħad jiġu miġbura u mibgħuta fl-uffiċċju fejn isir l-għadd tagħhom.

Is-sehem tas-saċerdot li jiċċelebra mhux xi wieħed diffiċli jew li jitlob sagrifiċċi kbar, iżda huwa sehem neċessarju u indispensabbli, għax iċ-ċensiment ma jagħtix riżultati realistiċi jekk xi komunitajiet jitħallew barra.

X’għandu jagħmel, allura s-saċerdot li jkun iqaddes ?

Sa mill-bidu tal-Quddiesa, bi ftit kliem, ifakkar fiċ-ċensiment li jkun ser jinżamm. Imbagħad minnflok l-omelija s-Saċerdot jew il-Koordinatur jaqra waħda, waħda, u mingħajr għaġġla l-mistoqsijiet tal-kwestjonarju filwaqt li l-enumeraturi jaraw u jgħinu fil-mili tal-formuli ta’ dawk preżenti u mbagħad jinġabru l-formoli mimlija.

Jien nispera u nitlob il-Mulej sabiex bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd iċ-ċensiment ikun suċċess.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex