- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 448/2005 (26 ta’ Ottubru 2005)

Posted By admin On October 26, 2005 @ 10:55 am In 2005 | Comments Disabled

Nru. 448/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

F’diversi djoċesijiet tad-dinja fil-festa tal-Qaddisin kollha li taħbat fl-1 ta’ Novembru, jiġi ċċelebrat il-“Jum tal-Qdusija Universali”. Din iċ-ċelebrazzjoni tfakkarna fir-rigal kbir li tana l-Mulej meta tana l-grazzja li nirċievu l-Magħmudija u nsiru nsara.

Iż-żerriegħa li ntefgħet fir-ruħ, fil-Magħmudija, minn natura tagħha stess jeħtieġ li tikber u timmatura. Is-sagramenti kollha jgħinu f’dan it-trawwim tal-grazzja, iżda b’mod partikolari l-Ewkaristija. F’dan is-sagrament, l-awtur tal-grazzja jingħata bħala ikel u xorb lill-bniedem, Kristu li jagħtina xi ftit mill-qdusija tiegħu u jagħmilna nixbħu lilu.

Imma dan il-Jum tal-Qdusija Universali ma għandhux ikun biss għalina tifkira ta’ l-imgħoddi, iżda wkoll impenn għal li ġej, li nieħdu bis-serjeta s-sejħa nisranija tagħna u ngħixu ta’ kuljum, is-Sagrament tal-Magħmudija li ħadna fi ċkunitna. L-Appostlu Missierna San Pawl (I Tess, 4,3-4) jgħidilna bla tlaqliq: “Din irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żina, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ.” Il-qdusija hija l-frott tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu u iżda meħtieġa wkoll il-koperazzjoni tal-bniedem. Li tkun nisrani, jfisser tkun f’għaqda ma’ Kristu, tingħata lilu u tgħix il-ħajja tiegħu.

Il-Knisja m’għandhiex skop ieħor ħlief li twassal għand Ġesuċ, li tifrex saltnatu u li tipperswadi l-bniedem li jaċċetta l-liġi mqaddsa tal-Mulej. Meħtieġ għalhekk li ma nikkontentawx biss b’suriet esterni tar-reliġjon, iżda li nikkoltivaw il-ħajja interjuri li hija l-ħajja sopranaturali tal-grazzja. “Il-qdusija nisranija - kif insibu fil-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (n 428) - hija l-milja tal-ħajja nisranija u l-perfezzjoni tal-karitaċ, li sseħħ fl-għaqda intima ma’ Kristu, u permezz tiegħu, mas-Santissima Trinitaċ. Il-mixja tat-tqaddis tan-nisrani, wara li tgħaddi mis-salib, tilħaq il-qofol tagħha fil-qawmien finali tal-ġusti, li fih Alla jsir kollox f’kollox.”

Il-għan li għalih ġiet imwaqqfa l-Knisja hija l-qdusija, jiġifieri dak li twassal il-bnedmin għall-għaqda tagħhom ma’ Alla. “L-għemil kollu tal-Knisja għandu bħala għan il-qdusija tal-bniedem fi Kristu u l-glorifikazzjoni ta’ Alla” (Sacrosanctum Concilium, n 10). Permezz tal-Magħmudija l-Knisja lill-uliedha tnissilhom mill-ġdid għall-ħajja divina u tiżviluppaha fihom sa ma tilħaq il-milja tagħha. “Dawk li jimxu wara Kristu - jgħidilna l-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium 40 - msejjħin minn Alla u ġġustifikati f’Ġesu Kristu mhux b’xi ħidma tagħhom iżda skond il-pjan ta’ Alla u bil-grazzja tiegħu, bil-Magħmudija tal-fidi saru tassew ulied Alla u jagħmlu sehem min-natura tiegħu. B’hekk huma saru tassew qaddisin. Jeħtieġ għalhekk li, bl-għajnuna ta’ Alla, huma jħarsu u jipperfezzjonaw fil-ħajja tagħhom din il-qdusija li rċievew.”

San Pawl jgħallimna (Rum.8,29) li l-qaddisin huma dawk li Alla “għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu.” Il-qdusija għalina l-insara tikkonsisti filli wieħed isir xbieha ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, magħmul bniedem. Il-qdusija hija kristoċentrika. Dan ifisser li iktar ma nikbru fix-xebħ tagħna ma’ Kristu, ikbar ikun il-progress tagħna fil-qdusija.

L-obbligu li nħabirku għall-qdusija mhux qiegħed biss għal xi wħud mill-insara bħal ma huma s-saċerdoti u r-reliġjużi iżda għall-insara kollha mingħajr eċċezzjoni. Kollha kemm aħna, wlied Alla, Missier li jħobbna, nafu l-eżistenza tagħna u l-fidi tagħna lill-imħabba tiegħu, aħna wlied l-imħabba, kollha kemm aħna msejħin għall-qdusija, jiġifieri biex inwieġbu għall-imħabba divina, billi nħobbu lilu u l-proxxmu tagħna, li fih hemm ix-xbieha ta’ Alla.

L-imħabba infinita ta’ Alla, tistenna minn għandna tweġiba għall-imħabba u dan ifisser xewqa sinċiera li nilħqu l-perfezzjoni morali, li għaliha jistedinna Kristu “Kunu perfetti bħalma huwa perfett Missierkom li huwa fis-smewwiet” (Mt. 5,48).

Il-qdusija hija frott u konsegwenza ta’ l-imħabba, hija l-aċċettazjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla. Biex nimxu ’l quddiem f’din it-triq, barra mill-għajnuna tal-grazzja tal-Mulej, li żgur ma hix ser tiġi nieqsa, huwa meħtieġ ukoll sforz ġeneruż da parti tagħna, u persważjoni soda li l-qdusija mhix xi lussu, jew xi ħaġa li ngħaddu mingħajrha, iżda hija eżiġenza tal-ħajja tal-grazzja, li hija r-ruħ tal-Kristjaneżmu.

“Dawk kollha li jemmnu fi Kristu, ta’ kull qagħda u ta’ kull kundizzjoni, kull wieħed huwa msejjaħ għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni.” (Lumen Gentium, n 40). Ejjew mela, nagħrfu sewwa l-vokazzjoni nisranija tagħna, inħabirku għall-perfezzjoni li jrid Alla minna, u waqt li nosservaw il-liġi Mqaddsa tal-Mulej u nwettqu d-dmrijiet ta’ l-istat tagħna, nitqaddsu bis-Sagramenti li ħallielna Kristu, u nisaħħu bit-talb li nagħmlu.

Alla li huwa l-istess qdusija, jitfa fuqkom il-barka tiegħu biex tkunu lkoll il-poplu qaddis tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 26 ta’ Ottubru 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2005/10/26/cirkulari-nru-4482005-26-ta%e2%80%99-ottubru-2005/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.