- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 447/2005 (28 ta’ Settembru 2005)

Posted By admin On September 28, 2005 @ 10:58 am In 2005 | Comments Disabled

Nru. 447/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

It-talba tar-Rużarju Mqaddes, hija drawwa għażiża fil-Knisja Kattolika li ġiet imfaħħra u rrikmandata ħafna drabi mill-Papiet u mir-Ragħajja Spiritwali tal-Poplu ta’ Alla. Hija talba li biha nagħrfu aħjar lill-Imqaddsa Verġni Marija, nikbru fl-imħabbitna lejjha u nersqu iktar qrib tagħha, għaliex tħajjarna biex nimitaw l-Omm Imqaddsa ta’ Ġesuċ.

Marija hija t-triq li twassal għand Kristu, l-Iben ta’ Alla u Binha, kif ukoll il-Feddej waħdieni tagħna. Ir-Rużarju ta’ Marija bil-kontemplazzjoni tal-misteri tiegħu huwa għalhekk mezz qawwi li jsaħħaħ fina l-fidi tagħna fi Kristu, jagħmel aktar soda t-tama tagħna fil-wegħdiet tiegħu, u jkebbes f’qalbna imħabbitna lejh.

Marija u Kristu, dejjem ma’ xulxin fil-provi tal-ħajja tagħhom fuq l-art u fil-glorja tagħhom fis-sema, meta naħsbu fuqhom u nikkontemplawhom fir-Rużarju Mqaddes, nilmħuhom fil-kobor ta’ qdusithom u fis-sbuħija spiritwali tagħhom. Huma għalina l-mudell li fuqu għandna nfasslu ħajjitna bħala nsara hawn fuq l-art, kif ukoll il-pedament sod li fuqu nibnu tamietna għall-ħajja li tibqa’ għal dejjem.

Bħala Omm ta’ Kristu,Marija tista tissejjaħ l-oriġini jew il-bidu tal-Knisja, għaliex nisslet u ġabet fid-dinja l-Kristu, ir-Ras tal-Ġisem Mistiku; bħala membru ta’ dan il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, Marija hija l-qalb tal-Knisja; bħala sieħba ta’ Kristu, hija x-xempju għall-Knisja u għall-membri tagħha. Marija hija bħalna bint il-Knisja, iżda hija l-uniku membru tal-Knisja li jirrapreżentaha perfettament, li fiha l-ideal tal-Knisja seħħ fil-milja kollha tiegħu.

Il-Konċilju Vatikan II li għandu tagħlim mill-isbaħ dwar il-Madonna, fil-Kostituzzjoni “Lumen Gentium” waqt li jinsisti li l-ulied kollha tal-Knisja għandhom iġibu ’l quddiem il-qima lejn il-Verġni Mbierka, jħeġġiġhom ukoll “biex igħożżu ħafna d-drawwiet ta’ devozzjoni lejjha, li l-Maġisteru tal-Knisja inkoraġġixxa matul is-sekli li għaddew” (n.46). Bla dubju ta’ xejn, fost dawn id-drawwiet ta’ devozzjoni, lejn il-Madonna, li kellhom tifħir u appoġġ mir-Ragħajja spiritwali tal-Knisja, għandna ngħoddu r-Rużarju Mqaddes, u nagħtuh post minn ta’ quddiem.

Biżżejjed insemmu xi ftit mill-istediniet li għamlulna il-Papiet ta’ żmienna u ta’ sekli ta’ qabel. Hekk per eżempju l-Beatu Papa Piju IX jgħidilna li “r-Rużarju għandu jingħadd flimkien kull fil-għaxija fi djarkom; il-missier, l-omm u l-ulied, kulħadd għandu jieħu sehem f’din it-talba sempliċi u sabiħa”. San Piju X itenni: “Ħobbu r-Rużarju u għiduh kuljum bid-devozzjoni. Dan hu t-testment li nħallilkom, biex tiftakruni bih.” Il-Papa Ljun XIII fl-1898, tkellem hekk dwar ir-Rużarju: “Aħna ilna ħafna nixtiequ li nġibu il-quddiem l-ġid tal-ġens uman permezz tat-tisħiħ tad-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka…u qatt ma waqafna li ninkoraġġixxu fost l-insara l-użu kostanti tar-Rużarju, billi nippubblikaw ta’ kull sena sa mill-1 ta’ Settembru 1883, ittra enċiklika fuq dan is-suġġett, barra mid-digrieti, frekwenti li tajna.” Il-mibki Papa Ġwanni Pawlu II fl-ittra appostolika “Rosarium Virginis Mariae” tas-16 t’Ottubru 2002 kiteb: “Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien. Bi tradizzjoni antika, ir-Rużarju Mqaddes wera li hu effettiv biex jiġbor il-familji flimkien. Il-membri kollha tal-familja, waqt li jdawwru ħarsithom lejn Ġesu, jiksbu mill-ġdid il-ħila biex Iħarsu lejn xulxin, jikkomunikaw, juru solidarjeta, jaħfru lil xulxin u jaraw il-patt ta’ l-imħabba tagħhom imġedded bl-Ispirtu ta’ Alla” (n.41).

F’kull dar fejn tgħix familja nisranija, m’għandux jonqos it-talb ta’ kuljum u fost dan it-talb għandu jkun minn ta’ quddiem ir-Rużarju Mqaddes. Tkun ħasra kbira jekk it-televiżjoni, il-computer jew xi mezzi oħra moderni ma jħalluniex ħin biżżejjed biex niftakru f’ruħna u nwettqu d-dmirijiet reliġjużi tagħna. Anzi b’dak li toffrilna t-teknoloġija moderna għandna ninqdew ukoll biex ngħixu aktar ta’ nsara u nagħtu xhieda ta’ twemmienna. Illum, fuq diversi stazzjonijiet tar-radju, jiġi reċitat ir-Rużarju, l-ulied spiritwali tagħna għandhom iqisu din ix-xandira bħala mument għażiż u stedina ħelwa sabiex ma jħallux tgħaddi l-ġurnata mingħajr ma jagħtu qima xierqa lis-Sultana tal-Familja.

Meta r-Rużarju jingħad fl-iskejjel, fl-għaqdiet u f’komunitajiet żgħar, jistgħu jintużaw il-mezzi awdjoviżivi bħal video-tapes, DVD, eċċ, li jista jkunu ta’ għajnuna biex il-moħħ jikkonċentra fuq il-misteru li jkun qed jiġi kontemplat waqt ir-reċita tar-Rużarju.

B’fiduċja kbira, fl-għajnuna tal-Verġni Mbierka, nerġgħu naqbdu f’idejjna il-kuruna tar-Rużarju ta’ Marija. Ngħożżu din it-talba sempliċi, iżda b’messaġġ ta’ tagħlim hekk profond u siewi għall-ħajja spiritwali tagħna. Taħt il-ħarsa ħanina ta’ l-Omm setgħana, li għandna fis-sema, nistgħu nħarsu b’qalbna qawwija lejn il-ġejjieni, u nistennew żminijiet isbaħ u aħjar għall-Knisja Mqaddsa u għall-umanitaċ.

Nitlob fuqkom, bl-interċessjoni ta’ l-Omm tagħna tas-sema, il-barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 28 ta’ Settembru 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2005/09/28/cirkulari-nru-4472005-28-ta%e2%80%99-settembru-2005/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.