Archive for August, 2005

Ad Clerum Nru 374 - Awissu 2005

Nru. 374

AWISSU 2005

Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum (num. 25) għandu għalina din it-twissija: “Jeħtieġ li l-kjeriċi kollha u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin ma’ l-Iskrittura permezz tal-qari qaddis ta’ spiss u ta’ studju tajjeb, li ma jsirx “predikatur fieragħ tal-kelma ta’ Alla minn barra, dak li ma jismagħhiex minn ġewwa”, fil-waqt li għandu jqassam lill-insara fdati lilu l-ġid bla tarf tal-kelma ta’ Alla, l-aktar fil-Liturġija Mqaddsa.”

Aħna s-saċerdoti, niġu ta’ spiss f’kuntatt mal-Bibbja, kemm fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija kemm ukoll fil-ħajja personali u privata spiritwali tagħna. Fil-waqt li hija ħaġa tajba li nkunu familjari mal-kotba ispirati, iżda ma għadniex inħallu li ċerta familjarità żejda tnaqqas fina r-rispett li għandu jkollna lejn il-kelma ta’ Alla jew li nikkontentaw biss b’konoxxenza superfiċjali tal-messaġġ tal-Bibbja. Għal kuntrarju, mill-qari tal-Kotba Mqaddsa għandna nfittxu li niksbu l-akbar profitt għall-ħajja spiritwali tagħna u minnhom niksbu wkoll għajnuna biex nitħeġġu iżjed fil-ħidmiet pastorali.

Nistgħu ngħidu li l-aqwa mument li fih aħna nistgħu niġu mdawlin bil-kliem ta’ l-Iskrittura, huwa propju dak tal-Quddiesa, għaliex fil-Liturġija tal-Kelma aħna naqraw jew nisimgħu l-qari ta’ siltiet mill-kotba tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida. Speċjalment, il-qari tal-Vanġelu Mqaddes għandu jsaħħaħna fil-fidi fi Kristu u fl-imħabba tagħna lejh. Bħad-dixxipli ta’ Emmaus, jeħtieġ li aħna wkoll nkunu nistgħu ngħidu “Ma kienitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?“(Lq. 24,32). Għad li mhux l-ewwel darba li qegħdin insemmu l-omelija jixraq li nsemmuha wkoll f’dan il-kontest u nipprovaw nagħrfu dejjem aħjar ir-responsabiltà tagħna, li nippreparawha mill-aħjar li nistgħu, u nipprovaw inwasslu l-messaġġ tal-qari tal-Quddiesa lin-nies b’rispett kbir kemm lejn il-kelma ta’ Alla kif ukoll lejn is-semmiegħa.

Aħna ngħamlu użu mis-Salmi; f’diversi okkażżjonijiet liturġiċi, iżda l-iktar fil-Liturġija tas-Siegħat. Meta nirreċitaw jew inkantaw is-Salmi, m’għandniex ninsew li dawk huma wirt prezzjus li rċevejna mit-Tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, huma talbiet mill-isbaħ li nqeda bihom Kristu stess; huma innu ta’ tifħir, ta’ radd il-ħajr lil Alla li ntennuh mhux biss aħna l-Kattoliċi, iżda wkoll l-Lhud li għadhom josservaw id-drawwiet reliġjużi tagħhom, kif ukoll l-insara ta’ denominazzjonijiet oħra. Is-Salmi għandhom isaħħu fina l-ispirtu u x-xewqa tal-ekumeniżmu u tad-djalogu inter-reliġjuż.

Fir-reċita tal-Brevjar, fil-Liturġija tal-Qari li aħna obbligati ngħidu ta’ kuljum jew privatament jew ma’ l-oħrajn, aħna nsibu siltiet sbieħ mill-kotba Mqaddsa tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida. Jeħtieġ li mhux biss naqrawhom mingħajr għaġġla u bil-ġabra “degne, attente et devote” iżda wkoll li nipprovaw nifhmu l-messaġġ tagħhom. Għalhekk ikun xieraq li inkunu qrajna xi noti ta’ introduzzjoni, dwar il-ktieb li minnu jkunu meħuda dawk is-siltiet, per eżempju, l-ktieb ta’ l-Eżodu, jew tal-profeta Amos, eċċ. Noti bħal dawn kienu dehru fl-Atti tal-Kurja, minn numru 97(1988) san-numru 119(1991).

Il-qari tal-Bibbja, anki dak li ma nsibuhx fil-kotba liturġiċi jeħtieġ li jagħmel parti mill-meditazzjoni u l-lettura spiritwali tagħna. Ta min jirrikmanda ukoll il-Lectio Divina; “Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija” (Ġw.5,39).

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex