Nru. 446/2005
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Fl-aħħar Kungress Pastorali Djoċesan, jiġifieri dak li kien sar f’Novembru 2003 kienu ttieħdu xi riżoluzzjonijiet li jixraq li niftakru fihom biex inwettquhom.
Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi għat-twettiq ta’ xi wħud minn dawn ir-riżoluzzjonijiet twaqqfet Kummissjoni Djoċesana oħra, hekk imsejjħa “Kummissjoni għall-Ġustizzja, il-Paċi u l-Ambjent” li għandha taħdem id f’id mal-Karitas Djoċesana u l-Kummissjonijiet Djoċesani l-oħra, fil-waqt li jkollha dan ir-rwol, li:
1. Tħabrek għall-progress soċjali u għat-tisħiħ tal-valuri morali bil-għan li jkun hemm iktar solidarjetà fil-komunitajiet tagħna f’relazzjoni mal-ħajja ekonomika-soċjali ta’ pajjiżna.
2. Tippromovi attivitajiet, favur il-paċi u l-ġustizzja, mhux biss bit-tagħlim, iżda wkoll billi, b’mod konkret, toffri l-appoġġ li tista lil min ikun jeħtieġu.
3. Tieħu ħsieb it-tħejjija u ċ-ċelebrazzjoni ta’ “Jum il-Paċi”, li jiġi ċċelebrat ta’ kull sena fil-bidu ta’ Jannar.
4. Tħeġġeġ lill-insara sabiex f’kull emerġenza tingħata għajnuna lill-immigranti, anki dawk klandestini fil-limiti li tippermetti l-liġi u skond l-possibilitajiet u r-riżorsi ta’ pajjiżna”.
5. Tagħti għajnuna sabiex ikunu magħrufa aħjar u mħarsa l-jeddijiet fundamentali umani ta’ kull persuna.
6. Tipprova tqanqal kuxjenza dwar il-kwistjoni ekoloġika li qed tinħass dejjem iktar il-ħtieġa tagħha.
L-insara tad-Djoċesi, membri tal-Kleru u Lajċi huma mitlubin jikkoperaw ma’ din il-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ġiet imwaqqfa.
Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 18 ta’ Lulju 2005.
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex