Archive for July, 2005

Ċirkulari 446/2005 (18 ta’ Lulju 2005)

Nru. 446/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fl-aħħar Kungress Pastorali Djoċesan, jiġifieri dak li kien sar f’Novembru 2003 kienu ttieħdu xi riżoluzzjonijiet li jixraq li niftakru fihom biex inwettquhom.

Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi għat-twettiq ta’ xi wħud minn dawn ir-riżoluzzjonijiet twaqqfet Kummissjoni Djoċesana oħra, hekk imsejjħa “Kummissjoni għall-Ġustizzja, il-Paċi u l-Ambjent” li għandha taħdem id f’id mal-Karitas Djoċesana u l-Kummissjonijiet Djoċesani l-oħra, fil-waqt li jkollha dan ir-rwol, li:

1.    Tħabrek għall-progress soċjali u għat-tisħiħ tal-valuri morali bil-għan li jkun hemm iktar solidarjetà fil-komunitajiet tagħna f’relazzjoni mal-ħajja ekonomika-soċjali ta’ pajjiżna.

2.    Tippromovi attivitajiet, favur il-paċi u l-ġustizzja, mhux biss bit-tagħlim, iżda wkoll billi, b’mod konkret, toffri l-appoġġ li tista lil min ikun jeħtieġu.

3.    Tieħu ħsieb it-tħejjija u ċ-ċelebrazzjoni ta’ “Jum il-Paċi”, li jiġi ċċelebrat ta’ kull sena fil-bidu ta’ Jannar.

4.    Tħeġġeġ lill-insara sabiex f’kull emerġenza tingħata għajnuna lill-immigranti, anki dawk klandestini fil-limiti li tippermetti l-liġi u skond l-possibilitajiet u r-riżorsi ta’ pajjiżna”.

5.    Tagħti għajnuna sabiex ikunu magħrufa aħjar u mħarsa l-jeddijiet fundamentali umani ta’ kull persuna.

6.    Tipprova tqanqal kuxjenza dwar il-kwistjoni ekoloġika li qed tinħass dejjem iktar il-ħtieġa tagħha.

L-insara tad-Djoċesi, membri tal-Kleru u Lajċi huma mitlubin jikkoperaw ma’ din il-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ġiet imwaqqfa.

Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum  18 ta’ Lulju 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 373 - Lulju 2005

Nru. 373

LULJU 2005

Matul il-ftit ġranet tal-vakanzi tiegħi f’Turin fl-Italja, stajt nagħmel xi riflessjoni dwar il-ħidma pastorali ta’ dik l-Arċidjoċesi, li naħseb li tistà tkun riflessjoni siewja, anki għall-membri tal-Kleru tagħna. Verament li bħal ħafna djoċesijiet oħra tad-dinja, anki f’Turin jinħassu ħafna ċerti problemi bħal dik tal-vokazzjonijiet saċerdotali, u l-għadd ta’ saċerdoti anzjani, fi proporzjon dejjem ikbar mal-Kleru żagħżugħ. Madanakollu, l-inizjattivi ma jonqsux u l-organizzazzjoni pastorali fiha ħafna aspetti tajbin, u ta’ min jimmitahom.

Ħaġa li mpressjonatni kien l-apostolat ma’ l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, skond l-ispirtu ta’ San Ġwann Bosco. Din il-ħidma tinkludi mhux biss postijiet tal-logħob u tar-rikreazzjoni, bħal ma huma l-grounds tal-football, iżda wkoll attivitajiet ta’ villeġġjatura għas-sajf u djar għall-kura tad-drogati.

Anki f’pajjiżna l-problemi taż-żgħażagħ ma humiex neqsin u jidhru li qegħdin jikbru wkoll, nistgħu nagħmlu iżjed għall-ġid spiritwali taż-żgħażagħ. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna niftħu għajnejna għar-realtà tas-sitwazzjoni, u nipprovaw nifhmu xi kwalità ta’ ħajja qegħdin jgħixu ċerti żgħażagħ tagħna, rigward il-moralità u l-fidi tagħhom. Ikollna nammettu, li ħafna minnhom huma litteralment avvelenati minħabba pornografija ta’ kull għamla, promiskwità, permissività sesswali, drogi u l-eżempju ħażin tal-kbar, fostom xi drabi ukoll tal-ġenituri tagħhom. Jekk inħobbu l-Knisja Ommna u l-Art Twelidna ma nistgħux ma nkunux preokkupati b’sitwazzjoni bħal din u xi ħaġa, b’mod jew ieħor, irridu nagħmlu biex insalvaw iż-żgħażagħ tagħna.

Qabel xejn, jeħtieġ, li ma nagħmlu xejn li jista’ jgerrex liż-żgħażagħ mill-knisja u mil-Liturġija tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, il-funzjonijiet twal iżżejjed jistgħu jkunu skuża biex ċerti nies jiddeżertaw il-knejjes. Hekk ukoll l-omelija u l-priedki mingħajr preparazzjoni adegwata u li jaqbżu l-limiti tal-ħin. Minn naħa l-oħra ma għandniex naħsbu li ser inġibu ħafna iktar żgħażagħ fil-knisja jekk noffrulhom il-mużika u s-songs tad-discos jew nipprovaw noħolqu fil-knisja ambjent bħal dak tal-lokali tad-divertiment, għax aħna bħala nies tal-Knisja ma nistgħux nikkompetu magħhom.

Biex inkunu iktar pożittivi, nixtieq nerġa nfakkar fir-rakkomandazzjonijiet li għamilt lis-saċerdoti fil-pastorali “Iż-|għażagħ” tad-9 ta’ Frar 1969, għax naħseb li dawk ir-rakkomandazzjonijiet għadhom validi(ara. Nikol Ġ. Cauchi, Il-Kelma tar-Ragħaj, Vol. I, Gozo 1974, 61-62).

1. Nipprovaw nitgħallmu aħjar il-psikoloġija taż-żgħażagħ, mhux biss b’mod ġeneriku, imma wkoll billi nistudjaw kif jirreaġixxu għal ċerti sitwazzjonijiet skond l-età, it-temperament u l-ambjent soċjali tagħhom.

2. Nieħdu iktar interess fl-inizjattivi li jsiru miż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ, bħalma huma inkjesti u attivitajiet kulturali u rikreattivi.

3. Fil-predikazzjoni tagħna, b’mod partikolari fl-omelija tal-Ħdud, kif ukoll fil-kuntatti personali li jkollna magħhom, infittxu li ngħidu kelma ta’ ġid li tolqot liż-żgħażagħ.

4. Jeħtieġ li nagħtu mportanza kbira lill-Qrar u d-direzzjoni spiritwali taż-żgħażagħ. Però “wieħed m’għandux jinsa li llum, ħafna drabi, l-iżbalji sesswali taż-żgħażagħ ikunu ġejjin minn diffikultajiet morali u fiżiċi, kif ukoll minn ċirkustanzi li tagħhom m’humiex padruni; mhux il-każ għalhekk li wieħed iċanfarhom iebes, imma li wieħed igħinhom b’atteġġjament kollu komprensjoni”(Ittra ta’ l-Isqfijiet Ġermaniżi (8 ta’ Novembru 1964) n.16).

5. Innisslu fihom ix-xewqa tat-Tqarbin magħmul bid-devozzjoni u regolarment, għax min tgħallem igħix bl-Ewkaristija għandu l-ħajja spiritwali garatita.

6. Fl-Ewkaristija flimkien mal-Qima sinċiera lejn il-Madonna, il-Qaddisin Appostli taż-żgħażagħ sabu mezzi l-iktar effikaċi għall-formazzjoni nisranija tagħhom.

7. Nikkultivaw b’mod speċjali dawk li għandhom kwalitajiet ta’ “leadership”, għax dawn jeħtieġ li jkunu appostli fost l-oħrajn.

8. Inpoġġulhom quddiem għajnejhom ideali sbieħ u nnisslu fihom konvinzjonijiet qawwija, hekk li huma jħossu l-kobor u s-sbuħija tal-Fidi mibnija fuq Kristu u l-kelma tiegħu.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex