Archive for June, 2005

Ċirkulari 445/2005 (22 ta’ Ġunju 2005)

Nru. 445/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Bħala wieħed mill-frott tal-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali, huwa mistenni li tingħata iktar attenzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u li jkun hemm impenn ikbar sabiex jiġu evitati xi żbalji jew abbużi li forsi hemm periklu li jidħlu fiha. In-normi tal-Liturġija, bħal meta wieħed joqgħod għarkupptejh, bil-wieqfa jew bil-qegħda, għandhom jiġu osservati minn kulħadd ħlief dawk li saħħithom ma tippermettilhomx. Għalhekk ta min ifakkar li:

1. Meta wieħed imur fil-knisja biex jieħu sehem fil-Quddiesa, jixraq li jieħu l-ilma mbierek, u jrodd is-salib bil-qima, wara li jkun għamel ġenuflissjoni.

2. Il-qagħda tan-nisrani, fil-knisja għandha tkun dejjem waħda reverenti, u mhux bħal meta jkun f’xi post tad-divertiment.

3. Wara t-tqarbin, wieħed m’għandux joqgħod bil-qegħda mill-ewwel, jew joħroġ dritt mill-knisja, iżda għandu jinġabar jitlob għal xi ftit tal-ħin.

4. Meta jkun hemm is-Santissimu Sagrament espost, jew tkun għaddejja purċissjoni Ewkaristika, wieħed ma għandux jibqa’ bil-qegħda, iżda, għandu jagħmel ġenuflessjoni jew xi sinjal ieħor ta’ qima.

5. Fil-Quddiesa għandhom jitħallew mitfijin l-mobile phones, biex ma jiddisturbawx il-ġemgħa, x’ħin iċemplu.

6. Fl-okkażjoni ta’ funerali, tiġijiet, l-Ewwel Quddiesa, ċelebrazzjoni ta’ Ġublew tal-Fidda jew okkażjonijiet oħra ġie li jkun hemm min jixtieq, jaqra messaġġi, poeżiji, jew jagħmel diskorsi taċ-ċirkostanza. Fejn u meta ikun jaqbel li jsir dan, l-iskript tagħhom għandu jkun mressaq għall-approvazzjoni tal-Kappillan jew Rettur tal-knisja fejn isir, fi żmien xieraq minn qabel.

Barra minn hekk, dan il-qari jew diskorsi simili m’għandhomx isiru wara l-prietka jew l-omelija, u l-anqas matul iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, iżda biss wara li tintemm il-Quddiesa.

Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 22 ta’ Ġunju 2005.

Kan Edward Xuereb
Għall-Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Ad Clerum Nru 372 - Ġunju 2005

Nru. 372

ĠUNJU 2005

Fil-ktieb ta’ l-Apokalissi naqraw “Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom” (Apok. 7,17), u “Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apok. 21,4). Dan il-kliem jingħad għal dawk li daħlu fil-glorja tas-sema, iżda aħna l-bniedmin li ngħixu f’din l-art, hawn għandna esperjenza għal kollox differenti, għax maħkumin mit-tbatija u n-niket, fil-waqt li l-mewt iżżurna ta’ spiss u taħsad l-għeżież tagħna. Inkunu qegħdin ngħidu l-pura verita, meta nsejħu d-dinja li qegħdin ngħixu fiha: “dan il-wied tad-dmugħ.”

Iżda jekk fid-dinja hemm l’hemm u d-dmugħ, għax hemm ħafna bniedmin qegħdin ibatu, jeħtieġ ikun hemm bniedmin oħra li jtaffu t-tbatija ta’ l-oħrajn, ifarrġu lil min hu mġarrab u jixxotaw id-dmugħ ta’ min hu qalbu miġugħa. Din il-ħidma hija apostolat qaddis u opra ta’ ħniena li jistħoqqilha premju fis-sema. Difatti fost l-għemejjel tal-ħniena, hemm ukoll dawk li wieħed jagħti parir tajjeb lil ħosbenin u jfarraġ lill-imniktin.

Ma humiex nieqsin ċerti lajċi rġiel u nisa li jmiddu jdejjhom biex jagħtu din il-kwalità ta’ għajnuna lill-proxxmu tagħhom iżda mingħajr dubbju, is-saċerdot, fost l-impenji l-oħra li għandu, jiġi msejjaħ ta’ spiss sabiex ikun il-konsolatur ta’ dawk li huma mġarrbin b’xi għamla ta’ niket jew tribulazzjoni.

Bħala eżempju, nistgħa nsemmi xi okkażjonijiet li fihom tkun meħtieġa din l-għajnuna, bħal meta jintebaħ li hemm xi ħadd ħassu qalbu maqtugħa għal kollox jew ikun imnikket minħabba t-telfa ta’ xi ħadd mill-għeżież tiegħu.

Għan-nisrani hija dejjem meħtieġa l-virtù teologali tat-tama nisranija, iżda din hija meħtieġa wisq u wisq iktar meta xi ħadd, ma jkunx qed jara ħlief dalma madwaru. Xi drabi jkun biżżejjed li min hu fit-tribulazzjoni, ikun jaf li hemm xi bniedem ieħor li qiegħed jagħti każ tiegħu, li mhux imbiegħed minnu u li jista jiftaħ qalbu miegħu.

Jekk min ikollu xi sfortuna, ma jkunx nieqes mill-fidi, jista s-saċerdot jikkwotalu u jfissirlu xi sentenzi mill-Bibbja bħas-Salm 34,18-19; “Jgħajjtu l-ġusti għall-għajununa, u l-Mulej jismagħhom; mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija” u Ġwanni (14,1-2); “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu.”

Każ ieħor li fih hija meħtieġa l-opra ta’ konsolazzjoni, hija dik ta’ telfa ta’ xi persuna għażiża. Is-saċerdot jekk ikun possibbli; jieħu sehem fir-rit tal-funeral, u jwiegħed lil nies il-mejjet li huwa jibqa’ jiftakar fih fit-talb tiegħu. Jista jkun utli wkoll żjara lil-familja tal-mejjet biex jurihom li qiegħed jaqsam magħhom in-niket tagħhom. Jista jkun ukoll li xi drabi s-saċerdot, ikun jeħtieġlu jwieġeb għal ċerti domandi li jagħmlulu konessi mal-fidi u mar-Reliġjon nisranija bħal meta jistaqsu għaliex Alla jippermetti li jiġru id-diżgrazzi bħal dawn? Anki wara li jgħaddu xi ġranet mill-mewt, dawk li jkun mitilhom xi ħadd mill-familja, ikun jibqagħlhom bżonn ta’ “l-emotional support”. Mingħajr ma jwiegħed ħwejjeġ, li jaf li ma jistax jagħtihom jew jagħmilhom, is-saċerdot jagħmel ħiltu kollha biex bil-pariri tiegħu u b’kelma ta’ inkoraġġiment li jgħid meta tiġiħ l-okkażjoni, ikun ta’ appoġġ morali għal dawk li jeħtieġu din l-għajnuna.

B’dan il-mod is-saċerdot ikun jieħu sehem ma’ Kristu li ġie biex jaqdi u għadda jfejjaq u jagħmel il-ġid. Dan il-ministeru ta’ konsolazzjoni jiltaħaq ukoll biz-zjarat lill-morda u lix-xjuħ u bl-assistenza li nagħtu lil dawk li waslu bix iħallu din id-dinja.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex