Nru. 444/2005
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Ma’ kull rokna tad-dinja, permezz tal-mass media ġiet mxandra b’ħeffa kbira, l-aħbar ta’ niket tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II li ġrat il-bierah bil-lejl, nhar is-Sibt, 2 t’April, lejliet il-festa tal-Ħniena Infinita ta’ Alla.
Nies minn kull nazzjon u ta’ diversi reliġjonijiet stqarrew publikament ir-rispett li kellhom lejn dan il-mexxej qalbieni tal-Knisja Kattolika. Wisq u wisq aktar aħna l-kattoliċi ta’ dawn il-għejjer, kif għamilna matul ħajjtu, hekk ukoll wara mewtu, nħossuħ bħala dmirna li nuru mħabbitna u l-qima tagħna lejn ir-Ragħaj u l-Missier Spiritwali tagħna u tal-Knisja Universali.
Barra milli nfissru s-sogħba tagħna għat-telfa hekk kbira, aħna li nemmnu għandna nfittxu wkoll li ngħinuh bit-talb tagħna u billi noffru s-suffraġi għar-ruħ għażiża tiegħu, biex il-Mulej jagħtih il-premju tal-hena ta’ dejjem.
Nirrikmanda għalhekk li:
1. Fis kemm jista’ jkun, jekk ma ndaqqitx diġa, tindaqq bil-qniepen mota tal-mewt u oħra, fil-jum u fil-ħin li jkun qed isir il-funeral tiegħu ġewwa Ruma.
2. Jiġi osservat il-vistu millum sa jum il-funeral u fit-tliet tijiem ta’ wara.
3. Dawk li għandhom il-kura ta’ l-erwieħ, iħeġġu lill-insara biex jitolbu għar-ruħ il-Papa, li daħlet fl-eternità.
4. Il-membri tal-Kleru huma mitlubin li jiftakru fih fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, li jqaddsu f’dawn il-ġranet.
5. Fit-talba tal-Fidili fil-Quddies tingħad l-invokazzjoni: “Xierek fil-Liturġija tas-Sema lill-Qaddej tiegħek il-Papa Ġwanni Pawlu II, li inti għażiltu biex fuq l-art, ikun Kap tal-Knisja u l-Vigarju ta’ Ibnek il-Għażiż.”
6. Fil-ġranet li ġejjin, meta l-Liturġija tippermetti, fil-knejjes parrokkjali, tiġi ċċelebrata Quddiesa b’suffraġju ta’ ruħ il-Papa, fil-jum u fil-ħin l-iktar adattati biex jattendu n-nies.
7. Nhar is-Sibt 9 t’April, f’għeluq it-tmint ijiem minn mewtu, ser nikkonċelebra fil-Katidral Quddiesa għar-ruħ il-Papa Ġwanni Pawlu II. Nistieden lis-saċerdoti tagħna biex jieħdu sehem f’din il-konċelebrazzjoni li l-ħin tagħha jiġi mħabbar iltar il-quddiem. Anki l-lajċi mistiedna biex jieħdu sehem.
8. Fl-aħħarnett inħeġġeġ lill-insara kollha sabiex noffru t-talb tagħna u l-atti ta’ karità li nagħmlu b’suffraġju għar-ruħ għażiża tal-Papa, biex bihom għal darba oħra, nistqarru imħabbitna u r-rispett tagħna lejh, kif inhu dmirna.
Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 3 t’April 2005.
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex