Archive for April, 2005

Ċirkulari 444/2005 (3 t’April 2005)

Nru. 444/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Ma’ kull rokna tad-dinja, permezz tal-mass media ġiet mxandra b’ħeffa kbira, l-aħbar ta’ niket tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II li ġrat il-bierah bil-lejl, nhar is-Sibt, 2 t’April, lejliet il-festa tal-Ħniena Infinita ta’ Alla.

Nies minn kull nazzjon u ta’ diversi reliġjonijiet stqarrew publikament ir-rispett li kellhom lejn dan il-mexxej qalbieni tal-Knisja Kattolika. Wisq u wisq aktar aħna l-kattoliċi ta’ dawn il-għejjer, kif għamilna matul ħajjtu, hekk ukoll wara mewtu, nħossuħ bħala dmirna li nuru mħabbitna u l-qima tagħna lejn ir-Ragħaj u l-Missier Spiritwali tagħna u tal-Knisja Universali.

Barra milli nfissru s-sogħba tagħna għat-telfa hekk kbira, aħna li nemmnu għandna nfittxu wkoll li ngħinuh bit-talb tagħna u billi noffru s-suffraġi għar-ruħ għażiża tiegħu, biex il-Mulej jagħtih il-premju tal-hena ta’ dejjem.

Nirrikmanda għalhekk li:
1.    Fis kemm jista’ jkun, jekk ma ndaqqitx diġa, tindaqq bil-qniepen mota tal-mewt u oħra, fil-jum u fil-ħin li jkun qed isir il-funeral tiegħu ġewwa Ruma.
2.    Jiġi osservat il-vistu millum sa jum il-funeral u fit-tliet tijiem ta’ wara.
3.    Dawk li għandhom il-kura ta’ l-erwieħ, iħeġġu lill-insara biex jitolbu għar-ruħ il-Papa, li daħlet fl-eternità.
4.    Il-membri tal-Kleru huma mitlubin li jiftakru fih fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, li jqaddsu f’dawn il-ġranet.
5.    Fit-talba tal-Fidili fil-Quddies tingħad l-invokazzjoni: “Xierek fil-Liturġija tas-Sema lill-Qaddej tiegħek il-Papa Ġwanni Pawlu II, li inti għażiltu biex fuq l-art, ikun Kap tal-Knisja u l-Vigarju ta’ Ibnek il-Għażiż.”
6.    Fil-ġranet li ġejjin, meta l-Liturġija tippermetti, fil-knejjes parrokkjali, tiġi ċċelebrata Quddiesa b’suffraġju ta’ ruħ il-Papa, fil-jum u fil-ħin l-iktar adattati biex jattendu n-nies.
7.    Nhar is-Sibt 9 t’April, f’għeluq it-tmint ijiem minn mewtu, ser nikkonċelebra fil-Katidral Quddiesa għar-ruħ il-Papa Ġwanni Pawlu II.  Nistieden lis-saċerdoti tagħna biex jieħdu sehem f’din il-konċelebrazzjoni li l-ħin tagħha jiġi mħabbar iltar il-quddiem.  Anki l-lajċi mistiedna biex jieħdu sehem.
8.    Fl-aħħarnett inħeġġeġ lill-insara kollha sabiex noffru t-talb tagħna u l-atti ta’ karità li nagħmlu b’suffraġju għar-ruħ għażiża tal-Papa, biex bihom għal darba oħra, nistqarru imħabbitna u r-rispett tagħna lejh, kif inhu dmirna.

Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 3 t’April 2005.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 370 - April 2005

Nru. 370

APRIL 2005

Meta jitkellem dwar ir-rispett li għandu jkollna bħala kattoliċi lejn il-Papa, is-Sinodu Djoċesan fl-artiklu 10 jgħid hekk: “Id-Djoċesi Għawdxija għandha mħabba filjali, l-ikbar rispett u ubbidjenza sħiħa kif ukoll titlob ta’ kuljum lil Alla għall-Papa “li mill-uffiċċju tiegħu, għandu setgħa mhux biss fuq il-Knisja Universali, iżda wkoll fuq kull waħda mill-knejjes partikolari” (kan.333 par.1). Għaldaqstant (a) L-insara kollha għandhom ifittxu li jkunu jafu u jwettqu l-kostituzzjonijiet u d-dokumenti l-oħra tal-Papa li jirrigwardaw il-fidi, il-kostumi u t-tmexxija tal-Knisja Universali. (b) Is-saċerdoti għandhom jaqraw u jimmeditaw l-Ittri Enċikliċi u d-dokumenti pontifiċji li jirrigwardaw il-kleru u l-poplu; dawk li għandhom il-kura ta’ l-erwieħ għandhom ifissruhom fil-knejjes b’mod li l-Insara jkunu jistgħu jifhmuhom.”

Issa li l-membri tal-Kleru Għawdxi, għandhom f’idejhom id-dokumenti reċenti li jirrigwardaw l-Ewkaristija, imissi jħossuh bħala dmir tagħhom li jiflu dawn id-dokumenti u josservaw bir-reqqa, id-direttivi li fihom. Hawn taħt qiegħed inressaq għall-attenzjoni tagħkom xi wħud minnhom meħudin mill-Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum, tal-25 ta’ Marzu 2004.

•    Iċ-ċelebrant, jeħtieġ li jkollu moħħu mistrieħ dwar il-ġenwinità tal-materja tal-Ewkaristrija, cioè l-ostja magħmula mill-qamħ u l-inbid mill-għeneb (48).
•    It-talba Ewkaristika għandha tiġi reċitata kollha kemm hi mis-saċerdot waħdu mhux mil-lajċi u għandha tkun waħda minn dawk li jinsabu fil-Missal Ruman jew li hija leġittimament approvata mis-Sede Appstolika (51-52).
•    Għandha titħares t-tradizzjoni antika li fit-talba Ewkaristika jissemma l-Isem tal-Papa u ta’ l-Isqof (56).
•    Meta t-tqarbin isir fl-idejn min jitqarben m’għandux jitħalla jitbiegħed u jġorr f’idu l-ispeċi ewkaristika (n.92). Għandu jinżamm l-użu tal-plattin, waqt it-Tqarbin tal-fidili (93). L-insara m’għandhomx jieħdu l-Ostja Mqaddsa huma stess u inqas jgħadduha lil xulxin.
•    Mhux permess li l-fidili li jitqarbnu, ibillu huma stess l-ostja fil-kalċi u l-anqas li jirċievu f’idejhom l-ostja mbilla (104).
•    Wara l-konsagrazzjoni, id-Demm ta’ Kristu m’għandu     qatt jiġi mferra minn kalċi għall-ieħor (106).
•    Rigward il-vażi sagri, huwa pprojbit l-użu ta’ kontenituri komuni, bħal ċestini sempliċi u tazzi tal-ħġieġ jew materjal fraġli (117).
•    Huwa abbuż li xi ħadd mill-ministri sagri jiċċelebra l-Quddiesa mingħajr l-ilbies sagru kif jippreskrivu l-kotba liturġiċi, jew bl-istola biss fuq it-tunika (126).
•    Ħadd ma jista’ jieħu l-Ewkaristija Mqaddsa, id-dar jew f’xi post ieħor mhux sagru, kontrarjament għan-normi tad-Drittu Kanoniku (132).
•    Fit-tqarbin tal-morda, għandu jiġi evitat in-nuqqas ta’ rispett lejn l-Ewkaristija u jiġi mħares ir-rit ta’ l-amministrazzjoni (133).

Dawn id-direttivi mogħtija bl-approvazzjoni ta’ l-Ogħla Awtorità tal-Knisja għandhom jiġu osservati bl-eżattezza mill-membri kollha tal-Kleru Djoċesan u Regolari.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex