- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ad Clerum Nru 369 - Marzu 2005

Posted By admin On March 1, 2005 @ 2:25 pm In 2005 | Comments Disabled

Nru. 369

MARZU 2005

Hija drawwa lodevoli f’pajjiżna li fil-ġranet tar-Randan, speċjalment wara li jkunu semgħu l-priedki ta’ l-eżerċizzi mqaddsa, ħafna nies, jersqu għas-Sagrament tal-Qrar, biex jeħilsu mit-toqol ta’ dnubiethom u jħossuhom iktar qrib lejn Alla u fil-paċi tal-kuxjenza tagħhom.

Dan ifisser li ħafna saċerdoti forsi wisq iktar mill-ġranet l-oħra tas-sena jkunu mpenjati, fl-amministrazzjoni ta’ dan is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Din hija ħidma pastorali li tistà tħalli ħafna frott fil-ħajja spiritwali ta’ l-insara, u żgur li meta ssir kif imiss hija meritorja ħafna quddiem Alla.

Ikun żball però jekk il-konfessuri iwettqu dan l-appostolat ta’ konverżjoni ta’ l-erwieħ, b’mod mekkaniku, bħala rutina, u bla ma jiftakru li l-maħfra tad-dnubiet hija opra divina, u li aħna s-saċerdoti għandna din is-setgħa li ġejja minn għand Kristu u li rridu nagħtuh kont ta’ kif ħaddimniha. L-amministrazzjoni tas-Sagrament tal-penitenza, hija għalina s-saċerdoti fl-istess ħin dinjità u responsabbiltà mhux żgħira.

Is-setgħa tal-maħfra tad-dnubiet li Kristu kien iwettaq matul ħajtu, huwa taha wkoll lill-ministri tiegħu u dawn jeżerċitawha ta’ kuljum fis-Sagrament tal-Qrar.

Barra milli jkollna stima kbira għas-Sagrament tal-Qrar li tiegħu aħna ministri, jeħtieġ li jkollna ċar quddiem għajnejna d-dmirijiet li jġib miegħu għall-konfessuri. Huwa meħtieġ ukoll li kultant u tant, neżaminaw il-kuxjenza tagħna biex naraw jekk aħna nwettquhomx sewwa.

Il-kotba tal-morali, ifissrulna fid-dettalji kollha, mhux biss x’għandu jagħmel il-penitent, iżda wkoll x’għandu jagħmel il-Konfessur qabel il-qrar, waqt li qiegħed iqarar u wara l-qrar. Fil-qosor nistgħu niġbruhom fit-tliet aspetti ta’ l-uffiċċju tal-Konfessur, li huwa fl-istess waqt, Missier, tabib u għalliem, li jilqa’ l-penitenti bil-karità, jgħallimhom u jipprova jfejjaqhom mill-mard spiritwali tagħhom.

M’għandiex tonqos għalhekk il-preparazzjoni remota u prossima qabel ma s-saċerdot jibda jisma’ l-Qrar tal-penitenti li jersqu għandu. Huwa meħtieġ li jaġġorna ruħu fit-tagħlim tal-Knisja dwar il-problemi morali ta’ żminijietna; u għalhekk huma utli ħafna l-laqgħat ta’ l-aġġornament tal-Kleru, bħal ma huma dawk hekk imsejħa “tal-każijiet tal-kuxjenza” u ta’ l-ewwel Sibt tax-xahar.

Ħadd m’għandu jażżarda jqarar jekk ma jkollux il-fakoltà li jagħmel hekk, b’osservanza tal-kanoni 966 u 969. Għalhekk fid-djoċesi tagħna kull sentejn, jiġu mġedda u jinġabru mill-Kurja l-paġelli tal-Qrar.

Waqt li jkun iqarar is-Saċerdot għandu juża l-prudenza fi kliemu, s-sabar, karità kbira u żelu għall-konverżjoni tal-midinbin.

Kemm qabel, kif ukoll wara li jqarar, meħtieġ li jitlob, biex l-Ispirtu s-Santu jagħtih id-dawl meħtieġ għat-twettieq ta’ dmiru, u jitlob ukoll biex il-penitenti jkomplu miexjin dejjem fit-triq it-tajba.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2005/03/01/ad-clerum-nru-369-marzu-2005/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.