Archive for January, 2005

Ċirkulari 442/2005 (22 ta’ Jannar 2005)

Nru. 442/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

L-għanijiet li għalihom tiġi ċċelebrata l-Quddiesa, huma l-adorazzjoni, ir-radd il-ħajr, t-tpattija għad-dnubiet, u biex naqilgħu l-grazzi minn għand il-Mulej. Il-Knisja tixtieq li aħna li nieħdu sehem fis-Sagrifċċju Ewkaristiku, ningħaqda ma’ Kristu, is-Saċerdot Ewlieni sabiex flimkien miegħu naduraw lil Alla, nirringrazzjawh ta’ dak kollu li jagħmel magħna, nuru ndiema ta’ dnubietna u npattulu għalihom, nitolbuh dak li neħtiegu għar-ruħ u għall-ġisem. Matul din is-sena dedikata għall-Ewkaristija, jeħtieġ li b’ħeġġa akbar mis-soltu nwettqu dawn id-dmirijiet tagħna lejn Kristu fis-Sagrament ta’ mħabbtu u nirriflettu daqxejn iktar fit-tul dwar l-aspetti kollha tal-misteru Ewkaristiku.

Jixraq ukoll li bħala nsara li nemmnu fl-Ewkaristija, ikollna dawn is-sentimenti sbieħ li semmejna, mhux biss waqt il-Quddiesa, iżda wkoll qabel u wara, kif ukoll li nġedduhom u nesprimuhom ta’ spiss matul ħajjitna, speċjalment fil-ħin ta’ l-adorazzjoni Ewkaristika u fiż-żjariet li nagħmlu lil Ġesù Sagramentat.

Ta’ min ifakkar, li fost l-erba’ fehmiet jew intenzjonijiet li semmejna, hija ta’ ħtieġa speċjali l-espjazzjoni jew it-tpattija għad-dnubiet, peress li waqt li Alla huwa l-istess qdusija, aħna midinbin u midjunin miegħu. Tabilħaqq, id-devozzjoni Ewkaristika ma tistax tkun nieqsa mix-xewqa li noffru riparazzjoni jew tpattija għall-ħtijiet ta’ l-umanità. Jekk inħobbu ‘l Kristu verament, għandna nħossu d-dmir u l-ħtieġa li npattulu għad-dnubiet tagħna nfusna u tal-bnedmin l-oħra. Ġesù nnifsu, meta deher lil Santa Margerita Marija Alacoque, ilmenta mill-offiżi li jsirulu u talabha tirripara għalihom billi titlob għall-midinbin u tishar f’riġlejh, quddiem it-tabernaklu mqaddes. Kemm dagħa u ħalf falz, inġustizzi ta’ kull xorta, dnubiet taż-żina, delitti kontra l-ħajja u sagrileġġi jsiru ta’ kuljum joffendu l-Qalb ħanina tal-Feddej tagħna!

Jekk din it-tpattija hija meħtieġa matul is-sena kollha, wisq u wisq iktar hemm postha fil-ġranet tal-Karnival li għal xi wħud huma ġranet ta tbaħrid bla rażan, ikel u xorb żejjed u ħafna abbużi oħra.

Huwa veru li l-bniedem għandu bżonn il-mistrieħ wara l-ħin tax-xogħol tiegħu u bla dubbju ta’ xejn, id-divertiment onest huwa leċitu u l-insara jistgħu joffruh ukoll lil Alla, u jiksbu mertu tiegħu. Difatti San Pawl jgħidilna: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor., 10,31).

Iżda, mill-banda l-oħra, meta l-bniedem ma jżommx il-qies f’dak li jagħmel ikun jiżbalja, jagħmel ħsara f’ruħu u f’ġismu u joffendi l’Alla.  Għalhekk San Pawl wissiena “Ngħixu kif jixraq, mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbaħrid, mhux bil-ġlied u l-għira.  Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallikom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu” (Rom.13,12).

Ħafna drabi meta jsiru l-abbużi li semmejna, jidħlu wkoll l-iskandlu u l-koperazzjoni fid-dnub ta’ l-oħrajn, u min jagħmel hekk irid jagħti kont l-iktar serju lil Alla. Għadhom jgħoddu wkoll għaż-żminijiet moderni tagħna il-kelmiet ta’ Kristu: “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar. Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli! Għax jeħtieg li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli” (Mt., 18,6-7).  Min huwa fid-dmir li ma jippermettix li jsiru abbużi fil-pubbliku għandu jieħu l-prekawzjonijiet u l-passi kollha meħtieġa, biex dawk jiġu evitati. Nixtieq infakkar ukoll lill-ġenituri, li ma għandhomx iħallu lill-uliedhom jmorru f’dawk il-postijiet fejn ikun hemm il-periklu li jistgħu jiskandalizzaw ruħhom.

Waqt li nistieden lill-insara tad-djoċesi tagħna, sabiex isaħħu fihom id-devozzjoni għall-Ewkaristija, fost l-oħrajn billi jagħmlu t-Tqarbina ta’ riparazzjoni ta’ l-ewwel Ġimgħa u l-ewwl Sibt tax-xahar kif ukoll biex jagħmlu talb u għemil ieħor ta’ tpattija, nixtieq li matul il-jiem tal-Karnival fil-knejjes ikun hemm xi ħin għall-adorazzjoni.

Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej, u l-assistenza tiegħu fil-mumenti kollha ta’ ħajjitkom.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 22 ta’ Jannar 2005

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 367 - Jannar 2005

Nru. 367

JANNAR 2005

Il-messaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II għal “Jum il-Paċi” 2005 huwa dokument li fih tagħlim nobbli u profond, li jiswa ħafna għaż-żminijiet imqallba li qegħdin ngħixu fihom.

Jiswa għal kulħadd, anki għal dawk li m’humiex kattoliċi, jiswa għas-sudditi u jiswa għall-mexxejja tan-nazzjonijiet, jiswa għall-insara komuni u jgħodd ukoll għall-membri tal-Kleru. Għad li l-Papa qiegħed jitkellem b’mod ġenerali biex iwassal messaġġ lill-bniedmin tad-dinja kollha, iżda jeħtieġ li anki f’pajjiżna, nagħmlu teżor minnu u ma nħallux dan il-messaġġ hekk sabiħ u siewi jmur mar-riħ. Jeħtieġ nieqfu u nirriflettu fuqu, sabiex imbagħad gradwalment indawlu bih il-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Nixtieq naqsam magħkom dawn il-ftit riflessjonijiet ispirati minn kliem il-Papa, fil-messaġġ li semmejna, li għandu propju bħala titlu tiegħu, silta mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani(12,21): “Għażilt bħala suġġett għal din il-Ġurnata Mondjali tal-Paċi 2005, l-eżortazzjoni ta’ San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani:“Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (12,21). Il-ħażen ma jintrebaħx bil-ħażen; infatti, b’dak il-mod minflok tirbaħ il-ħażen, tħalli lilek innifsek tiġi mirbuħ mill-ħażen”. Dawn l-istess kelmiet ta’ l-Appostlu Missierna, għandna nħossuhom bħala sejħa ħerqana biex infasslu ħajjitna fuq il-valur ta’ l-imħabba, li Kristu għallimna b’mod hekk ċar fl-Evanġelju. Infatti l-ewwel rebħa fuq il-ħażin hija appuntu l-imħabba lejn it-tajjeb. Il-Papa fil-paragrafu 4, jgħidilna “Dak li huwa meħtieġ huwa sforz kbir sabiex jiġu ffurmati l-kuxjenzi u sabiex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tiġi edukata għat-tjubija, filwaqt li tiftħilhom l-orizzont ta’ l-umaneżmu integrali u solidali, li l-Knisja tiproklama u tapprova. Dan huwa l-pedament ta’ ordni soċjali, ekonomiku u politiku li jirrispetta d-dinjità, il-libertà u d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna.”

Sfortunatament ninnotaw li mhux rari niltaqgħu ma’ kuxjenzi li huma konfużi u forsi wkoll f’għama kbir. Dmirna hu li ndawluhom, dan isir mhux billi nispjegawlhom xi teoriji personali tagħna, iżda billi nwasslulhom il-messaġġ ta’ Kristu fl-integrità u l-purezza kollha tiegħu, kif bl-awtorità kollha tagħha, tinterpretah u twasslu lilna, Ommna l-Knisja Mqaddsa. Forsi mhux barra minn loku, anki f’dan il-kuntest infakkarkom, li jista’ jkun ta’ għajnuna kbira għalina u għal min min jitlob il-parir tagħna li nżommu qrib tagħna “Il-Katekiżmu Tal-Knisja Kattolika”.

Il-paragrafu 5 “Jista’ bniedem isib il-milja tiegħu nnifsu, bla ma jagħti każ tan-natura soċjali, jiġifieri li jkun ‘ma’ l-oħrajn’ u ‘għall-oħrajn’?” L-antiki kienu jgħidu “Vae soli”, ħażin għalih min ikun waħdu. Fir-realtà qatt m’aħna weħidna. Alla dejjem magħna, aħna qegħdin fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, u allura imseħbin mal-membri l-oħra ta’ l-istess ġisem. Però xi drabi l-bniedem iċedi għat-tentazzjoni u jaħseb li m’għandux bżonn l-oħrajn u minn jeddu jiddeċiedi li jiżola ruħu. Qiegħed nirreferi għall-iżolament voluntarju, għax xi drabi jiġri li wieħed, isib ruħu iżolat bla ma jrid, u ma jkunx jiddependi minnu, bħal fil-każ ta’ mard jew xjuħija. Imma meta saċerdot jinqata’ mil-laqgħat li jsiru għall-Kleru u ma jieħux sehem fl-atti komunitarji ikun jiżola u jemarġina ruħu għax irid hu u mhux mingħajr detriment għalih innifsu u għall-oħrajn.

Fil-paragrafu 11nsibu sejħa biex inżommu ħajja fina t-tama nisranija “Għad li fid-dinja hawn preżenti u jaġixxi l-‘misteru ta’ l-inikwità’ (2Tess2,7), ma rridu qatt ninsew li l-umanità mifdija għandha l-enerġiji biżżejjed sabiex tiġġilidlu. Kull persuna li temmen, maħluqa fix-xebħ ta’ Alla u mifdija minn Kristu, ‘li minn naħa tiegħu għaqqad lilu nnifsu ma’ kull bniedem’, tista’ tikkopera fit-trijonf tat-tajjeb. Il-ħidma ta’ l-‘Ispirtu tal-Mulej jimla’ lid-dinja (ara Għerf 1,7). L-insara, b’mod speċjali l-fidili lajċi, ‘m’għandhomx, jidfnu t-tama tagħhom fil-fond ta’ qalbhom, iżda juruha fl-istrutturi tal-ħajja sekulari tagħhom f’konverżjoni kontinwa u fit-taqbida ‘kontra l-mexxejja tad-dlamijiet ta’ din id-dinja, kontra l-qawwiet spiritwali ta’ inikwità’(Efes.6,12)”.

Il-messaġġ jagħlaq billi għal darb’oħra jfakkarna li qegħdin fis-Sena ddedikata għall-Ewkaristija u jistedinna għall-ħajja mġeddaġ “Hu minħabba fid-dawl tal-mewt u tal-qawmien ta’ Kristu, magħmul sagramentalment preżenti f’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika, aħna niġu salvati mill-ħażen u mgħejjuna sabiex nagħmlu t-tajjeb. Permezz tal-ħajja ġdida li Kristu sawwab fuqna, aħna nagħrfu lil xulxin bħala aħwa tagħna, minkejja kull differenza ta’ lingwa, nazzjonalità u kultura” (Paragrafu 12).

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex