Archive for November, 2004

Ċirkulari 440/2004 (29 ta’ Novembru 2004)

Nru. 440/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fl-innu tat-“Te Deum” l-Knisja tkanta l-glorja t’Alla u tgħidilna: “Lilek ifaħħru l-qtajja tal-martri rebbieħa kollhom bjuda”.  Dawn il-kelmiet insibuhom ukoll fil-ktieb ta’ l-Apokalissiġ “l-ilbies tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf”(7,14), huma l-martri, li msieħba fis-sagrifiċċju tal-Ħaruf Immakulat, ċarċru demmhom biex jistqarru l-fidi tagħhom u mħabbithom lejn Kristu.

Il-martri tal-Knisja insibuhom f’kull żmien sa mill-bidu u anki fi żminijietna. Imma speċjalment fil-persekuzzjonijiet li għaddiet minnhom il-Knisja fl-ewwel tliet sekli, l-għadd tagħhom kien kotran. Waħda minn dawn il-vitmi tal-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu kienet Santa Luċija, li s-sena qiegħed jiġi ċċelebrat is-sbatax il-ċentenarju tal-mewt glorjuża tagħha.

Skond it-tradizzjoni antika, S. Luċija kienet ġejja minn familja nobbli twieledt u għexet f’Sirakuża fi Sqallija, u ġiet imrobbija bħala nisranija minn ommha. Luċija marret ma’ ommha li kienet marida sa Katania biex iżuru l-qabar ta’ Sant Agata Verġni u martri u jitolbu flimkien għall-fejqan ta’ l-omm. Sant Agata tat l-fejqan lill-ommha u qalet lil Luċija li hija wkoll kienet ser tirċievi l-martirju. Wara l-fejqan mirakuluż ta’ ommha, Luċija, qalgħet il-permess tagħha biex tistà tagħmel il-wegħda tal-verġinità u tqassam ġidha lill-foqra.  Din id-deċiżjoni mliet bl-għadab lil dak li miegħu kienet ġiet mgħarrsa kontra qalbha u għalhekk dan xlieha lil Konslu Paskasju, li hi kienet nisranija.  Luċija baqgħet sħiħa fid-deċisjoni tagħha u fi twemminha anke meta ġiet imressqa quddiem it-tribunal u pprovaw iġelgħuha  tbiddel fehemitha. Hija ħabbret il-mewt ta’ l-imperatur u l-paċi li kellha tgawdi l-Knisja. Mietet martri meta rasha ġiet maqtugħa b’daqqa ta’ xabla fis-sena 304, wara Kristu. Hija qaddisa popolari ħafna f’diversi pajjiżi ta’ l-Ewropa.

B’interċessjoni tagħha jitolbu l-fejqan dawk li jbatu b’għajnejhom, telf tad-demm u mard epidemiku, u qalgħu ħafna minnhom il-grazzji li xtaqu. S. Girgor il-Kbir jagħti ħjiel dwarha fil-ktieb tiegħu “Id-Djologi”. Diversi qaddisin fosthom S. Tumas d’Aquino kienu devoti tagħha.

S. Luċija Verġni u Martri li qassmet ġidha lill-foqra, ħarset is-safa tagħha mit-theddid, u ma beżgħetx tistqarr il-fidi tagħha sal-martirju hija xempju mill-isbaħ għall-insara ta’ żminijietna speċjalment iż-żgħażagħ.  Dan għaliex forsi qatt fl-imgħoddi daqs kemm illum ma kienu qawwija l-mewġiet ta’ l-immoralità, u ma kienet tinħass il-vjolenza tat-tentazzjonijiet, bħal ma huma r-rebgħa għall-ġid tad-dinja, il-għatx għall-pjaċiri tal-ġisem bla rażan, iċ-ċaħda tal-fidi u tal-valuri tal-Vanġelu.

Is-sena li qegħdin niċċelebraw iċ-ċentinarju tal-martirju ta’ S. Luċija, nirrikorru għall-patroċinju tagħha sabiex tagħtina d-dawl li neħtieġu ħalli ngħarfu ngħixu kif imiss l-ħajja nisranija u noħorġu rebbieħa fit-taqbidiet spiritwali tagħna.

Alla l-Missier, bl-interċessjoni ta’ Santa Luċija, Verġni u Martri, jħeġġeġ  f’qalbkom imħabba kbira lejn Ibnu Ġesù.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 29 ta’ Novembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 365 - Novembru 2004

Nru. 365

  NOVEMBRU 2004

Hija ħaġa magħrufa li l-ħajja tagħna s-saċerdoti mhix ħajja ħafifa, u li fi żminijietna hi wisq iktar diffiċli milli kienet qabel.

Dawn il-kelmiet, li għidnihom aħna stess u smajniehom elf darba, dan l-aħħar tennihom il-Kardinal Murphy O’Connor, Arċisqof ta’ Westminster li ftit ilu, kien fi gżiritna għall-Kungress Internazzjonali tas-Saċerdoti f’intervista li kellu huwa qal: “Of course, it is not easy to be a priest in to-day’s culture…it is challenging, ‘contro corrente’ as it is for anyone to be a Christian nowadays“ (in Sunday Times - 31st October 2004, 47).

Iżda mhux biżżejjed li nagħrfu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom, jeħtieġ ukoll li nsaħħu l-fidi tagħna fis-setgħa t’Alla li jista’ jgħinna fid-dgħufija tagħna, kif ukoll li nsaħħu tamitna, fl-għajnuna tiegħu li qatt ma tiġi nieqsa.

Ma nistgħux inħallu barra imbagħad jew nittraskuraw dawk il-mezzi, li bihom inkunu nistgħu nirbħu iktar bil-ħeffa d-diffikultajiet ta’ kull għamla li niltaqgħu magħhom.

Hawnhekk ser nipprova insemmilkom xi ftit minn dawn il-mezzi:
1.    Il-formazzjoni kontinwata, li dwarha fl-Ezortazzjoni Apostolika Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis (n.70) jgħidilna li “hija eżiġenza li llum tinħass b’urġenza partikolari, minħabba t-tibdil mgħaġġel tal-kundizzjonijiet soċjali u kulturali tal-bniedmin u tal-popli li fosthom jitwettaq il-ministeru saċerdotali, iżda wkoll biex tkun tista ssir dik ‘l-Evanġelizzazzjoni Ġdida’ li hija wieħed mid-dmirijiet essenzjali u li ma jistgħux jitħallew għal darb’oħra, li għandha l-Knisja.”

2.    Il-fraternità ma’ saċerdoti oħra, li għaliha jirreferixxi il-Konċilju Vatikan II meta jgħid “Il-Presbiteri, mqegħdin fl-orni tal-presbiterat bl-ordinazzjoni, huma marbuta lkoll bejniethom b’rabta ta’ aħwa sagramentali intima; iżda jiffurmaw b’mod speċali Presbiterju wieħed fid-djoċesi li jkunu qegħdin jaqdu taħt l-isqof tagħhom. Għad li jintbagħtu fuq dan jew dak l-uffiċċju, b’danakollu wieħed hu l-ministeru saċerdotali li jkunu qegħdin jaqdu l-bniedmin” (Presbyterorum Ordinis, n.8)

3.    Il-karità pastorali, li dwarha l-Eżortazzjoni Apostolika Pastores Dabo Vobis tgħid: “L-istess, karità pastorali għandha timbotta lis-saċerdot biex jagħraf dejjem aħjar l-aspirazzjonijiet, l-ħtiġijiet, il-problemi u s-sensibilità ta’ dawk li fosthom iwettaq il-ministeru tiegħu: dawn id-destinatarji bis-sitwazzjonijiet konkreti tagħhom, personali, familjari u soċjali.” Is-Saċerdot li josserva dan il-parir, mhux biss jitħeġġeġ dejjem iżjed fil-karità pastorali, iżda wkoll ma jkollux għalfejn jilmenta li m’għandux x’jagħmel jew li jħossu frustrat. Ta’ min iżid ukoll dak li nsibu fil-Presbyterorum Ordinis (n.14), il-Presbiteri “billi jaqdu l-uffiċċju tar-ragħaj it-tajjeb, huma jsibu fl-istess taħriġ tal-karità pastorali r-rabta tal-perfezzjoni saċerdotali li biha jgħaqqdu l-ħajja spiritwali mal-ħidma esterna tagħhom. L-aqwa għajn ta’ din il-karità pastorali huwa s-sagrifiċċju ewkaristiku li għalhekk huwa l-qalba u l-għerq tal-ħajja kollha tal-presbiteru; hekk li r-ruħ saċerdotali għandha tħabrek biex tfassal il-ħajja tagħha fuq dak li jkun qed isir fuq l-altar tas-sagrifiċċju.”

4.    Il-Fiduċja f’Alla. Fis-saċerdot, ma għandha qatt tiġi nieqsa l-perżważjoni li Alla qiegħed miegħu u bħal Missier li jħobbu immensament, jieħu ħsiebu u lest li jagħtih kull għajnuna meħtieġa kemm għall-ispiritwalità personali kif ukoll għall-apostolat saċerdotali. Flimkien ma’ din il-fiduċja, meħtieġ li l-ħajja tas-saċerdot tkun ħajja ta’ talb mhux biss fil-liturġija u fit-talb kommunitarju iżda wkoll fit-talb vokali u mentali li s-saċerdot jagħmel waħdu.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex