- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 438/2004 (27 ta’ Settembru 2004)

Posted By admin On September 27, 2004 @ 7:41 am In 2004 | Comments Disabled

Nru. 438/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għalina l-kattoliċi, Ottubru huwa dejjem xahar għażiż għaliex ifakkarna fir-rebħiet tal-Knisja bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, u jħajjarna biex innisslu u nsaħħu fina d-drawwa għażiża tar-Rużarju Mqaddes, li fih nikkontemplaw lil Kristu u l-misteri Tiegħu taħt il-ħarsa kollha ħlewwa ta’ l-Omm Tiegħu u tagħna.

Din is-sena, dan ix-xahar ser joffrilna okkażjoni oħra li għandha tqanqal l-interess tagħna bħala kattoliċi u wlied il-Knisja.  Difatti mit-18 sat-22 tax-xahar għandu jinżamm f’pajjiżna l-Kungress Internazzjonali tas-Saċerdoti, li għandu bħala suġġett “Qassisin għall-formazzjoni tal-Qaddisin għall-Millennju l-Ġdid.”

Kif konna għidnielkom fil-Pastorali tagħna l-Isqfijiet ta’ l-10 t’Awissu ta’ din is-sena: “Huwa ġieħ kbir għal pajjiżna li l-Awtoritajiet tal-Knisja Universali għażlu l-għejjer Maltin, il-Għejjer ta’ Pawlu, biex ilaqqgħu mijiet ta’ saċerdoti mid-dinja kollha.  Imma dan mhux biss unur.  Din hija esperjenza speċjali mill-isbaħ li tfisser ukoll responsabbiltà.  Inħeġġukom, għalhekk, mhux biss biex nilqgħu s-saċerdoti fostna bl-akbar ferħ u ġentilezza, li għalihom aħna magħrufin u mfaħħrin ukoll fl-Iskrittura, imma wkoll biex nagħmlu minn kollox ħalli din  l-okkażjoni tassew straordinarja tħalli f’dawn is-saċerdoti u f’pajjiżna frott spiritwali qawwi.”

Is-saċerdoti li ser jieħdu sehem fil-Kungress ser iżuru wkoll Għawdex, nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru, u fost l-oħrajn, skond il-programm, għandhom jieħdu sehem f’konċelebrazzjoni internazzjonali li ser issir dakinhar fil-għaxija, fuq iz-zuntier tal-knisja ta’ Pinu`u tkun ippreseduta mill-Kardinal Angelo Sodano, Segretarju ta’ l-Istat tal-Vatikan.  Jekk ikun temp ħażin, il-konċelebrazzjoni tinżamm fl-Sports Complex ta’  Triq l’Ewropa, Victoria.  Nhar il-Ġimgħa, fit-22 t’Ottubru, fil-għodu, permezz tal-RTK u ta’ radjijiet komunitarji, jingħata tagħrif fejn tkun ser tinżamm il-konċelebrazzjoni.

Nistedinkom biex tieħdu sehem f’din il-konċelebrazzjoni ħalli flimkien nitolbu għall-qdusija tal-Kleru.  Nirrikmandalkom ukoll li tgħidu t-talba li ġiet imqassma lilkom mal-Bullettin tal-Ħadd u li toffru t-talb tar-Rużarju Mqaddes matul dan ix-xahar għall-istess skop.

Sidna Ġesù Kristu, is-Saċerdot Etern tal-Liġi l-Ġdida jsawwab fuqkom il-grazzja tiegħu u kull ġid tas-sema.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 27 ta’ Settembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2004/09/27/cirkulari-4382004-27-ta%e2%80%99-settembru-2004/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.