- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 437/2004 (9 ta’ Settembru 2004)

Posted By admin On September 9, 2004 @ 7:43 am In 2004 | Comments Disabled

Nru. 437/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

L-edukazzjoni reliġjuża hija qabel xejn u fuq kollox, ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu “l-Imgħallem interjuri” li jdawwal il-moħħ u jqanqal ir-rieda ta’ l-iskulari tiegħu, biex jagħrfu l-verità li tista’ ssalvahom u jgħixu ħajja tajba skond it-tagħlim ta’ Kristu. F’jum l-Għid il-Ħamsin, Hu beda jwettaq fil-beraħ din il-ħidma tiegħu u jibqa’ jwettaqha sa l-aħħar taż-żminijiet.

Il-ħidma bla waqfien ta’ l-Ispirtu s-Santu tilħaq b’mod sħiħ il-għan tagħha meta jkun hemm il-koperazzjoni tal-bniedem, u fil-kas ta’ l-edukazzjoni reliġjuża dawn huma sewwa l-katekisti kif ukoll it-tfal jew l-adolexxenti li jirċievu t-tagħlim mill-ħidma kateketika.

Meta nitkellmu dwar katekisti f’pajjiżna, jixraq li qabel xejn nroddu ħajr lil Alla li ipprovdilna eżerċtu ta’ rġiel u nisa dedikati għal din l-ħidma fejjieda ta’ evanġelizzazzjoni.  Ta’ min isemmi qabel xejn il-membri tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., imwaqqfa mill-Beatu Dun Ġorġ Preca, kif ukoll membri ta’ Għaqdiet kattoliċi oħra u l-voluntari kollha li jagħmlu dan ix-xogħol, anke dawk li ma huma f’ebda għaqda.  Lil dawn kollha, għandna nuruhom rikonoxxenza għaliex qegħdin jagħtu kontribut prezzjuż għall-edukazzjoni reliġjuża tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Iżda meta nitkellmu dwar it-tfal u l-oħrajn li huma mistiedna biex jirċievu l-messaġġ nisrani, ma nistgħux ngħidu li aħna kuntenti bir-rispons tagħhom.

Xi wħud mit-tfal u mill-adolexxenti ma humiex qegħdin jieħdu l-profitt kollu li jistgħu mil-lezzjonijiet u l-laqgħat li jsiru għalihom. Fid-dinja ta’ llum t-tfal għandhom ħafna distrazzjonijiet li jfixkluhom milli jiffrekwentaw iċ-ċirkoli u d-djar tad-duttrina u milli joqogħdu attenti għat-tagħlim. Jiddispjaċini wkoll illi f’xi każijiet, forsi mhux ħafna, jkunu l-ġenituri stess li ma japprezzawx biżżejjed l-edukazzjoni reliġjuża ta’ wliedhom u t-tagħlim kateketiku li jingħatalhom, u itellfuhom l-attenzjoni tagħhom waqt it-tagħlim u ma jinsistux biżżejjed magħhom biex jattendu għal-lezzjonijiet tad-duttrina bla ma jfallu ebda waħda u biex joqogħdu attenti ħalli jagħmlu progress.

Barra minn hekk inkunu nagħmlu żball jekk nikkonkludu li t-tagħlim kateketiku għandhom jieħduh biss it-tfal li jkunu ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina jew li ser jieħdu l-Konfirmazzjoni.  L-anqas ma nistgħu nillimitaw  jew naħsbu li t-tagħlim kateketiku jista jieqaf meta t-tfal jieħdu l-Griżma ta’ l-Isqof,  jew li ż-żgħażagħ u l-kbar ma għandhomx dmir li jirċievuh huma wkoll. Għalhekk irridu nosservaw ir-riżoluzzjoni numru 4 tas-VII Kungress Pastorali Djoċesan li tgħid: “Il-Katekeżi f’kull età mhux biss liż-żgħar imma wkoll lill-kbar hija bżonn urġenti fiż-żminijietna u f’pajjiżna. Il-Knisja lokali toffri is-servizz tagħha għal dan l-iskop, speċjalment bil-klassijiet tad-duttrina u l-laqgħat ta’ tagħlim.”

Sabiex insaħħu dan l-appostolat tat-tagħlim tal-katekiżmu u nħejju għalih mill-aħjar li nistgħu, bħas-snin l-imgħoddija ser tinżamm il-Ġimgħa Kateketika mis-19  sas-26  ta’ Settembru li ser ikollha bħala tema ġenerali:  “Formazzjoni tal-Qalb: Ħidma essenzjali ta’ l-attività Kateketika.”

Nixtieq nixtieden u inħeġġeġ lill-kattoliċi kollha tad-djoċesi, sabiex jieħdu sehem fl-attivitajiet li ser isiru matul din il-ġimgħa, kemm fuq bażi djoċesana, kif ukoll fuq bażi parrokkjali.

B’mod partikolari nixtieq nagħmel appell lill-ġenituri, li għandhom tant għożża ta’ uliedhom u imħabba sinċiera lejhom, sabiex ma jċaħħduhomx minn din l-għajnuna ta’ l-edukazzjoni reliġjuża li hija tant meħtieġa sabiex it-trobbija tagħhom tilħaq il-għan tagħha u meta jikbru jkunu ċittadini li jagħmlu ġieħ lill-art twelidhom, u ulied kif tixtieqhom l-Knisja, l-Omm tagħna lkoll.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, l-Imgħallem Divin tagħna, Sidna Ġesù Kristu, jagħtikom is-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 9 ta’ Settembru 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2004/09/09/cirkulari-4372004-9-ta%e2%80%99-settembru-2004/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.