Nru. 436/2004
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Sar magħruf illi nhar il-Ħadd li ġej, 5 ta’ Settembru, il-Papa Ġwanni Pawlu II se jagħmel żjara f’Loreto, il-belt fejn hija miżmuma b’qima kbira d-dar tal-Madonna li hija ċentru ta’ pellegrinaġġi sa minn sekli ilu. Huwa ser imexxi ċelebrazzjoni li fiha ser jagħmel tliet beati ġodda. Il-Papa reċentement għadu kif għamel vjaġġ għal Santwarju ieħor Marjan meta fl-14 u l-15 t’Awissu żar is-Santwarju ta’ Lourdes.
Nixtieq li anke aħna ningħaqdu spiritwalment mal-Missier tagħna l-Papa u flimkien miegħu nitolbu għall-familji u għall-paċi fid-dinja.
Nirrikmanda għalhekk illi nhar il-Ħadd 5 ta’ Settembru jew is-Sibt lejlietu, fil-knejjes parrokkjali tinżamm Siegħa Adorazzjoni biex fiha jsir talb għal Papa u skond l-intenzjonijiet tiegħu.
Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, il-Mulej jagħtikom is-sliem tiegħu.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 1 ta’ Settembru 2004
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex