435/2004
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Fil-Knisja Universali, s-sena qiegħed jiġi ċċelebrat il-mija u ħamsin anniversarju minn mindu l-Beatu l-Papa Piju Disa ipproklama d-domma tat-Tnissil bla tebgħa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija.
Fid-djoċesi tagħna, f’din is-sena wkoll jaħbat il-Ġublew tad-Deheb ta’ l-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Qala, meta l-mibki Mons Ġużeppi Paċe, Isqof t’Għawdex ta’ dak iż-żmien qiegħed kuruna ta’ deheb u ħaġar prezzjuż fuq ir-ras tax-xbieha tal-Imqaddsa Verġni Marija.
Fiċ-ċirkulari li kiteb bid-data tas-16 ta’ Lulju 1954 huwa fisser it-tama u x-xewqat tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Fl-1 ta’ Awissu li ġej, ġrajja straordinarja li aħna xtaqna f’din is-Sena Marjana sabiex tibqa’ tifkira għażiża taċ-ċentinarju tad-Domma ta’ l-Immakolata Kunċizzjoni, l-Inkurunazzjoni cioè tax-Xbieha tal-Verġni bla tebgħa meqjuma fis-Santwarju tal-Qala, sejra toffrilkom okkażjoni oħra l-aktar sabiħa li fiha ttennu b’turijiet speċjali ta’ mħabba d-devozzjoni tagħkom u r-rabta ta’ veri wlied ma’ din l-Omm maħbuba li aħna dejjem sibna f’kull hemm u niket tagħna.”
L-appell li għamel l-E.T. Mons Pace, ġie milqugħ tajjeb ħafna mill-poplu tad-djoċesi u l-ġrajja tant mistenija seħħet nhar il-Ħadd, l ta’Awissu 1954. L-Għawdxin mhux biss marru bi ħġarrhom għall-funzjoni tal-inkurunazzjoni iżda kollha b’xi mod jew ieħor ħadu sehem fil-festi, funzjonijiet u konferenzi li kienu saru dik il-ħabta fil-parroċċi kollha tal-għira.
Matul nofs seklu li għadda l-qima lejn il-Madonna tal-Qala, kompliet tikber u sal-ġurnata ta’ llum dan is-santwarju tagħha għadu ffrekwentat minn bosta devoti tagħha u l-pellegrinaġġi lejn l-istess ċentru marjan, huma numerużi wkoll.
Għall-ġid spiritwali, li nistgħu niksbu minn okkażjoni bħal din u bil-għan li tikber fina l-imħabba u l-venerazzjoni lejn il-Verġni Mbierka jixraq li dan il-Ġublew niċċelebrawh kif imiss u għalhekk ġie mħejji programm ta’ attivitajiet li bih jistgħu jintlaħqu l-kategoriji kollha ta’ nies. Inħeġġiġkom għalhekk li tieħdu sehem attiv fihom. Nistieden b’mod speċjali lill-insara tad-djoċesi biex jieħdu sehem waqt velja ta’ talb għal paċi li fiha ser ikun hemm konċelebrazzjoni u pellegrinaġġ bi xbieha tal-Madonna. Din sejra tinżamm nhar it-Tlieta, 27 ta’ Lulju mis-6.30 p.m. ‘l quddiem fil-pjazza tal-Qala.
Nixtieq permezz ta’ din l-ittra nirrikmandalkom ukoll sabiex matul dan il-Ġublew tad-deheb jiġu organiżżati pellegrinaġġi għas-Santwarju marjan tal-Qala, biex tingħata qima lix-xbieha tal-Verġni Marija nkoronata.
Bix-xewqa li l-Verġni Marija Immakolata, żżomkom dejjem taħt il-ħarsien tagħha.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Vittorja, Għawdex. Illum 1 ta’ Lulju 2004
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex