Archive for May, 2004

Ċirkulari 434/2004 (20 ta’ Mejju 2004)

Nru. 434/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Hija drawwa sabiħa li fix-xahar ta’ Mejju, ddedikat lill-Imqaddsa Verġni Marija, issir il-konsagrazzjoni lill-Qalb Immakolata tagħha.

Iktar minn tletin sena ilu, fiċ-ċirkulari tat-13 ta’ Mejju 1971 (53ċ71) kont irrikmandajt li “fil-knejjes parrokkjali, fil-funzjoni tal-għeluq tad-devozzjonijiet tax-xahar ta’ Mejju, jsir b’mod solenni l-att tal-konsagrazzjoni tal-parroċċa lill-Qalb Immakolata ta’ Marija, wara li l-insara jkunu ġew imħejjija b’mod xieraq biex jifhmu sewwa xi tfisser din il-konsagrazzjoni.”

Għal darb’oħra għalhekk nerġa nirrikmanda li nhar it-Tnejn 31 ta’ Mejju, issir din il-konsagrazzjoni f’kull parroċċa tad-djoċesi tagħna. B’dan il-att aħna nqegħdu uffiċċjalment taħt il-ħarsien tal-Madonna, lilna nfusna u l-familji tagħna, waqt li nipproponu li ngħixu dejjem aħjar il-ħajja nisranija tagħna.

“Hekk fil-waqt li nkunu żgur li qegħdin nagħmlu xi ħaġa li togħġob lill-Madonna, niġbdu l-barka tagħha fuq il-ħidma pastorali tagħna u jkollna garanzija  biex nittamaw li fil-parroċċi tagħna ssaltan il-karità nisranija u l-paċi ta’ Kristu.”

Il Verġni Mbierka Marija tidħol quddiem Binha Ġesù biex jagħtina l-Barka u s-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   20 ta’ Mejju 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 359 - Mejju 2004

Nru. 359

MEJJU 2004

Issa li d-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea huwa fatt kompjut, jixraq li anke aħna, bħal bqija taċ-ċittadini l-oħra, nagħmlu r-riflessjonijiet tagħna, sewwa min kien ottimista dwar dan il-pass deċiżiv fl-istorja ta’ Art Twelidna, kif ukoll minn kellu riservi serji dwaru.

Ħadd ma jista’ jlumna jekk nieqfu għal ftit ħin sabiex naħsbu u nipprovaw nifhmu aħjar liema huma l-opportunitajiet u r-responsabbiltajiet ġodda tagħna bħala membri tal-Kleru u tal-Knisja fid-dawl ta’ l-aħħar ġrajjiet li għadda minnhom il-poplu tagħna.

Din mhix l-ewwel darba li qegħdin nagħmlu riflessjoni bħal din, għaliex anki fl-aħħar Kungress Pastorali Djoċesan tas-sena 2003, isemmew wkoll il-problemi u l-possibiltajiet li huma marbuta mar-relazzjoni tagħna ma’ l-Ewropa.

Għalhekk ta’ min jerġtà jiftakar, f’ċerti riżoluzzjonijiet li ħarġu minn dak il-Kungress fosthom:
“Il-kontribut li qegħda tagħti d-djoċesi żgħira tagħna lill-pajjiżi tal-kontinent Ewropew, hu dak li tibgħat xi saċerdoti li għall-inqas għal żmien limitat iwettqu l-ministeru tagħhom f’xi artijiet Ewropej, bħalma huma l-Italja, l-Ingilterra, l-Albanija eċċ. Lil dawn il-Qassisin jeħtieġ li nagħtuhom l-appoġġ tagħna u għal dan il-għan twaqqaf fid-Djoċesi Kumitat biex isegwihom u joffrilhom xi għajnuna fejn tkun meħtieġa.”

Sal-lum il-ġurnata nistgħu ngħidu li l-konnessjonijiet li bħala saċerdoti kellna ma’ pajjiżi ewropej kienu l-iktar ma’ l-Italja u l-Ingilterra, fejn xi wħud minn ħutna qagħdu għal xi żmien jew għadhom jinsabu hemm għall-raġunijiet ta’ studju jew ta’ ħidma pastorali. Iżda issa jeħtieġ li nwessgħu l-orizzonti tagħna u nifirxu ħarsitna iktar ’il bogħod miż-żewġ pajjiżi li semmejna.

Nibdew qabel xejn billi ninteressaw ruħna iktar biex niksbu nformazzjoni, mhux biss dwar l-istorja tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll dwar is-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom u fuq kollox dwar ir-reliġjożità tal-popli ewropej u l-attivitajiet li twettaq fihom il-Knisja Kattolika.

Jeħtieġ li nkunu nafu iktar dwar il-komunitajiet kattoliċi li hemm f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, anke fejn huma minoranza żgħira, kif ukoll dwar l-organizzazzjoni tal-

ħidma pastorali li għandhom. Bla dubju ta’ xejn, anki aħna nistgħu nitgħallmu ħafna minnhom għaliex f’ċerti aspetti, xi wħud minnhom huma organizzati aħjar minnha u forsi wkoll b’riżorsi ikbar minn tagħna.

Żgur li anki f’dawk il-pajjiżi l-problemi pastorali ma humiex neqsin, bħal ma huma l-isfidi għall-ħajja tal-familja, d-diżorjentament taż-żgħażagħ, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi eċċ. Dawn il-problemi, għada pitgħada, nsibuhom ma’ wiċċna wkoll f’pajjiżna.

Madanakollu ma għandniex ninsew l-aspetti pożittivi u l-opportunitajiet li jista’ joffrielna l-ġejjieni. Insemmu biss xi ftit minnhom. Naħseb li fil-futur, s-saċerdoti ġodda jkunu jistgħu jieħdu korsijiet ta’ perfezzjonament f’xi wħud mill-universitajiet ewropej, barra minn dawk ta’ Ruma kif kienu jagħmlu s’issa.

Fl-ewwel snin wara l-ordinazzjoni jkunu jistgħu jagħżlu xi pajjiż minn dawk li huma membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex għal xi żmien iwettqu hemm il-ministeru saċerdotali tagħhom, jew imorru bħala “supply priests” fil-vaganzi.

Nistħajjel li għad jespandi wkoll it-turiżmu reliġjuż fl-Ewropa f’żewġ direzzjonijiet, jiġifieri, kemm rigward it-turisti li jiġu pajjiżna, kif ukoll in-nies tagħna li jżuru postijiet ta’ interess reliġjuż, fil-kontinent Ewropew.

Matul Mejju, x-xahar tal-Madonna, niftakru biex insaħħu fina u nħeġġu fl-insara, l-imħabba u d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija. Fost l-oħrajn ta’ min jinsisti dwar ir-reċita tar-Rużarju ta’ kuljum, l-erbat ta’ qabel Santa Marija u l-konsagrazzjoni lill- Qalb ta’ Marija, fil-konklużjoni tax-xahar.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex