Archive for December, 2003

Ad Clerum Nru 354 - Diċembru 2003

 Nru. 354

DIĊEMBRU 2003

Fil-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli (8,26-40) nsibu l-istorja ta’ l-ewwel pagan li kkonverta u ħaddan ir-reliġjon nisranija, uffiċjal għoli tar-Reġina Candace tal-Etjopja. Dan kien qiegħed jivvjaġġja fuq il-karru tiegħu meta laħqu Filippu, wieħed mid-djakni, u sabu jaqra b’leħen għoli silta mill-ktieb ta’ Iżaija kapitlu 53 li jitkellem dwar Kristu, “Il-Qaddej tal-Mulej” u jħabbar minn qabel li kellu jsofri u jkun miċħud mill-poplu ta’ Izrael. Filippu staqsieħ jekk kienx jifhem dak li kien qed jaqra. Difatti il-ministru tal-Etjopja ma kienx qiegħed jifhem il-kliem ta’ Iżaija għaliex staqsa lil Filippu, jekk l-profeta kienx qiegħed jitħadded dwaru nnifsu jew dwar xi ħadd ieħor. Imbagħad stieden lil Filippu biex jirkeb ħdejh fuq il-karru u dan spjegalu li dik kienet profezija dwar Kristu u min irid isir dixxiplu ta’ Kristu jeħtieġlu jirċievi l-Magħmudija. Billi kienu għaddejjin minn ħdejn wied bl-ilma l-ministru qallu “Ara hawn l-ilma, x’inhu jżomni li ma nitgħammidx?” L-istorja spiċċat billi niżlu fl-ilma u Filippu għammed l-uffiċjal għoli ta’ l-Etjopja.

L-istess mistoqsija li għamel Filippu lill-uffiċjal ta’ l-Etjopja nistgħu nagħmluha aħna lilna nfusna: “Qiegħed tifhem dak li qed taqra?”, għax jista’ jiġri li nkunu naqraw bla ma nifhmu sewwa dak li nkunu nlissnu, mhux għaliex nieqsa l-intelliġenza fina, iżda ġħaliex forsi nkunu aljenati jew għajjenin, jew ma ngħamlux ħilitna biex indawwlu moħħna bit-tagħlim li nirċievu. Inġib xi eżempiĠ
(a)    Waqt il-Quddiesa, meta naqraw il-Messal jew il-lezzjonarju, qegħdin nifhmu dak li naqraw? Ma ninsewx li l-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta’ Alla, u għalhekk għandha tinqara bid-devozzjoni, mingħajr għaġġla.

(b)    Fir-reċita tal-Brevjar qegħdin nifhmu dak li naqraw? Qegħdin nosservaw dawk it-tliet avverbi “digne, attente, et devote. ” Il-post u l-ħin li fih ngħidu l-Brevjar huma adattati għalih?

(c)    Il-meditazzjoni u l-qari spiritwali, nifhmu dak li naqraw u nirriflettu fuqu hekk li nitħeġġu f’qalbna bl-imħabba lejn Alla u nagħmlu proponimenti sodi li bihom nimxu ’l quddiem fil-qdusija?

Il-ministru ta’ l-Etjopja kien skolar tajjeb li jisma’ u jitgħallem u aħna sal-mewt dejjem baqgħalna x’nitgħallmu, għalhekk għad li aħna saċerdoti jeħtieġilna nkunu aħna wkoll skolari doċili u diliġenti.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nixtieq lil kull wieħed minnkom “il-Milied it-Tajjeb” u “Sena tajba”mimlija b’risq u barka mill-Mulej.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 429/2003 (1 ta’ Diċembru 2003)

Nru. 429/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nixtieq ngħarrafkom illi n-Nunzju Appostoliku l-ġdid li ġie maħtur mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II għal Malta huwa l-Eċċellenza Tiegħu Mons Felix Del Blanco Prieto Arċisqof Titulari ta’ Vannida. In-Nunzju Appostoliku l-ġdid għandu jagħmel l-ewwel żjara tiegħu fid-Djoċesi ta’ Għawdex nhar il-Ħadd 7 ta’ Diċembru 2003 fil-għaxija.

Għal din l-okkażjoni n-Nunzju Appostoliku l-Eċċellenza Tiegħu Mons Felix Del Blanco Prieto għandu jmexxi Konċelebrazzjoni fil-Kattidral dak inhar fil-5.00p.m. li fiha nagħtuh il-merħba tagħna u nawgurawlu suċċess fil-bidu ta’ din il-missjoni ġdida tiegħu.

Għal din il-Konċelebrazzjoni u għal-laqgħa man-Nunzju Appostoliku, s-Saċerdoti kollha tal-Kleru Djoċesan u Regolari huma mistiedna biex jikkonċelebraw u hekk ukoll l-insara l-oħra tad-Djoċesi biex jieħdu sehem f’din il-funzjoni. B’dan il-mod aħna nistqarru l-komunjoni tagħna mal-Papa, r-Ragħaj Universali tal-Knisja u nesprimu wkoll is-sentimenti ta’ rispett filjali lejh.

Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 1 ta’ Diċembru 2003
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex