Nru. 428/2003
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Nixtieq inħabbrilkom li s-Sebà Kungress Pastorali Djoċesan ser jinżamm fil-ġranet, tal-ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd, 14,15 u 16 ta’ Novembru li ġej u jkollu din it-tema “Nibnu komunità awtentikament nisranija.” Il-laqgħat ta’ preparazzjoni ser isiru fuq bażi żonali jew parrokkjali fil-jiem ta’ qabel il-Kungress.
Ma nħossx il-ħtieġa li nfissrilkom fid-dettalji kollha kemm huwa mportanti s-suġġett li ġie magħżul għal dan il-Kungress. Biżżejjed intennilkom dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II fid-digriet li jittratta dwar is-saċerdot fil-Presbyterorum Ordinis (n.6): “Ftit ikunu jiswew iċ-ċermonji, sbieħ kemm ikunu sbieħ, jew l-għaqdiet, ikunu kemm ikunu f’saħħithom, jekk ma jkollhomx l-iskop li l-bnedmin ikunu edukati halli jilħqu l-maturità nisranija.”
Nixtieq għalhekk li dawk kollha li jkunu mistiednin għal-laqgħat ta’ preparazzjoni u għas-seduti tal-Kungress jaċċettaw l-istedina, jattendu u jagħtu l-kontribut tagħhom, ispirati mill-imħabba lejn Ommna l-Knisja Mqaddsa.
Inħeġġeġ ukoll lill-ulied din id-djoċesi li joffru lil Alla, bl-interċessjoni ta’ Sidna Marija, talb imħeġġeġ għas-suċċess ta’ dan il-Kungress Pastorali Djoċesanġ għalhekk, minn mindu tasal din iċ-ċirkulari sakemm jintemm il-Kungress, fil-knejjes fejn tingħata l-Barka Sagramentali, għandha tingħad it-talba li nkitbet apposta u fil-Quddies, fit-talba tal-fidili, tiżdiet ukoll din l-invokazzjoni:
“Biex bil-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, is-Sebà Kungress Pastorali Djoċesan jibda’ u jintemm b’wiċċ il-ġid, u jħalli frott spiritwali fostna, nitolbu. Ismagħna nitolbuk Mulej.
Kristu r-Ragħaj u l-Għalliem waħdieni tagħna jberikkom ilkoll.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 1 t’Ottubru 2003