- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 427/2003 (29 ta’ Settembru 2003)

Posted By admin On September 29, 2003 @ 9:41 pm In 2003 | Comments Disabled

Nru. 427/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Ir-Rużarju li fih nimmeditaw il-misteri ta’ Kristu u tal-Madonna, huwa għajnuna kbira għalina biex nagħarfu aħjar lil Ġesù u l-Ommu Mqaddsa tiegħu u nħobbuhom aktar speċjalment din is-sena li ġiet imsejħa “Is-Sena tar-Rużarju Mqaddes.” Nixtieq nirrikmanda b’qalbi kollha din it-talba hekk għażiża għal Sidtna Marijaġ jixraq ħafna li r-Rużarju jingħad ta’ kuljum mill-insara  b’mod partikolari, matul dan ix-xahar ta’ Ottubru.

Imqanqal mix-xewqa li d-devozzjoni tar-Rużarju fid-djoċesi tagħna ma tidgħajjifx iżda tissaħħaħ dejjem iżjed, nieħu din l-okkażjoni biex nagħmel dawn is-suġġerimenti:

1.    Li jiġi rreċitat ir-Rużarju fil-familji, għaliex il-familja li l-membri tagħha jinġabru flimkien biex jitolbu tibqa’ maqgħuda fl-imħabba u jkollha kontinwament il-ħarsien tal-Mulej.

2.    It-tfal jiġu mgħallmin fid-dar tagħhom u fl-iskejjel kif jirreċitaw ir-Rużarju sabiex minn ċkunithom jidraw iħobbu lill-Madonna u jagħtuha ġieħ b’din it-talba għażiża.

3.    Din it-talba tista tingħad mhux biss minn min hu f’saħħtu, iżda wkoll mill-morda.  Difatti l-morda, fir-reċità tar-Rużarju speċjalment fil-kontemplazzjoni tal-misteri dolorużi ta’ Kristu, jsibu l-faraġ u l-qawwa fit-tbatijiet tagħhom.

4.    Ir-Rużarju hu talba li tista’ tingħad privatament minn kull nisrani f’kull ħin u f’kull post.  Ir-Rużarju jista’ jingħad ukoll bħala talba kollettiva bħal meta jingħad fid-djar u fil-knejjes.  Meta jingħad minn gruppi ta’nies, f’din it-talba komunitarja  jieħdu sehem flimkien għadd ta’ nsara mħeġġin bl-istess xewqa li jqimu lil Alla u lill-Imqaddsa Verġni Marija.

Hija drawwa sabiħa u jeħtieġ li nħarsuha, anki għal li ġej, li fil-knejjes ta’ kull fil-għaxija jingħad ir-Rużarju Mqaddes qabel ma ssir l-espożizzjoni ta’ l-Ewkaristija u tingħata l-Barka Sagramentali.

Nixtiedinkom fl-aħħarnett sabiex tieħdu sehem fil-Manifestazzjoni tar-Rużarju li għandha ssir nhar is-Sibt, fl-4 ta’ Ottubru 2003 ġewwa ta’ Pinu.  Din il-manifestazzjoni tiftaħ b’korteo fis-7.30p.m. mis-sigra Awrikarja għas-Santwarju. Wara jkun hemm Rużarju animat u fl-aħħar isir diskors minn Mons Isqof u tinghata l-Barka Sagramentali.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka tar-Rużarju, Binha Ġesù jagħtikom il-barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 29 ta’ Settembru 2003


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2003/09/29/cirkulari-4272003-29-ta%e2%80%99-settembru-2003/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.