Ċirkulari 423/2003 (2 ta’ Ġunju 2003)

Nru. 423/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Matul ix-xahar ta’ Ġunju fil-Liturġija jiġu ċċelebrati tliet festi magħrufin, li jfakkruna fit-tliet misteri li għandhom importanza kbira kemm għall-ħajja ekkleżjali kif ukoll għall-ħajja spiritwali ta’ kull wieħed u kull waħda mill-kattoliċi.  It-tliet  festi liturġiċi li niċċelebraw dan ix-xahar ta’ Ġunju huma: l-festa ta’ l-Ispirtu s-Santu t-tielet Persuna tas-Santissima Trinità festa, li ssir nhar l-Għid il-Ħamsin fit-8 ta’ Ġunju u “Jum il-Lajċi,” il-festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej fit-22 tax-xahar marbuta mal-misteru ewkaristiku, u l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Kristu, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, nhar il-Ġimgħa 27, meta jinżamm wkoll “Jum il-Qdusija tal-Kleru.”

Nirrikmandalkom, qabel xejn  il-qima lejn l-Ispirtu s-Santu li huwa preżenti  fil-Knisja u fir-ruħ ta’ l-insara, biex ibegħdna mill-ħażen, isaħħaħna biex nagħmlu dak li hu sewwa.

Speċjalment, issa li għandna f’idejna l-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia nieħu l-okkażjoni, fil-festa tal-Corpus Christi, biex għal darb’oħra nħeġġiġkom dwar il-qima u l-imħabba tagħna lejn l-Ewkaristija .

Permezz ta’ din l-enċiklika, l-Papa Ġwanni Pawlu II wera r-rieda tiegħu “li jiġu mxejjna id-dellijiet ta’ tagħlim u d-drawwiet li ma humiex aċċettabli, sabiex l-Ewkaristija tkompli tiddi fid-dija sabiħa tal-misteru tagħha”(n.10). Il-Papa jfakkarna wkoll f’xi tagħlim dwar l-Ewkaristija li jeħtieġ li nemmnuh u nżommuh ħaj, fil-memorja tagħna, per eżempjuġ l-Ewkaristija mhux biss preżenza u ikla , iżda wkoll sagrifiċċju.

Nirrikmandalkom ukoll xi devozzjonijiet, li nixtieq li jaqbdu sewwa fid-djoċesi tagħna bħal ma huma t-tqarbina tax-xewqa u l-Adorazzjoni Ewkaristika.

It-tielet festa msemmija fuq hija dik tal-Qalb ta’ Ġesù. Meta ngħidu l-Qalb ta’ Ġesù nihmu r-rivelazzjoni ta’ Alla u ta’ mħabbtu.  Meta Ġesù ġie fid-dinja permezz ta’ dik l-imħabba li kien hemm  tħeġġeġ fil-Qalb tiegħu, irrivelalna dak li hemm l-iktar profond f’Alla jiġifieri l-imħabba divina u eterna.

Il-Papa Ljuni XIII li din is-sena jagħlaq 100 sena minn mewtu fl-enċiklika tiegħu  Annum Sacrum tal-25 ta’ Marzu 1899 jgħallimna li, ladarba fil-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù hemm is-simboli u x-xbieha sensibbli ta’ l-imħabba infinita ta’ Ġesù Kristu li qanqalna biex inħobbu lil xulxin, hija ħaġa xierqa u tajba li aħna nikkonsagraw lilna nnfusna lil din il-Qalb wisq Qaddisa – dana l-att mhux ħaġa oħra ħlief offerta tagħna nfusna, li biha ninħabbu ma’ Ġesù Kristu, għax nafu li  kull ġieħ, qima u mħabba mogħtija lil din il-Qalb Divina huma tabilħaqq u verament mogħtijin lil Kristu nnifsu.

Il-Paċi ta’ Kristu magħkom.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   2 ta’ Ġunju 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex