Archive for April, 2003

Ċirkulari 422/2003 (22 t’April 2003)

Nru. 422/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Huwa dmir ta’ kull min hu nisrani kif imiss li jagħmel kull ma jista’ biex ikun dejjem imfaħħar l-Isem ta’ Alla u biex jiġi mrażżan il-vizzju tad-dagħa li huwa waħda mill-pjagi koroh ta’ pajjiżna.

Għal dawn l-iskopijiet li semmejna x-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes ta’ t’Alla matul is-sena kollha tistinka u tħabrek biex teduka t-tfal u l-kbar għar-rispett xieraq lejn Alla u l-Qaddisin tiegħu.

Darba fis-sena mbagħad, l-istess Xirka taħseb għall-organizzazzjoni tal-Kungress Djoċesan tax-Xirka f’xi waħda mill-parroċċi tagħna tal-għira, u tistieden għalih l-insara tal-parroċċi kollha biex bi ħġarhom jieħdu sehem f’dan il-Kungress.

Issa hu l-pjaċir tiegħi ninfurmakom li l-40 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla din is-sena ser jinżamm fil-Bażilika u parroċċa ta’ San Ġorġ fil-Belt Vittorja bejn is-27 t’April u l-4 ta’ Mejju, bis-suġġett “Aħna xhieda ta’ Kristu”. Il-konklużjoni ssir nhar il-Ħadd 4 ta’ Mejju fil-5.30 ta’ fil-għaxija fil-pjazza ta’ l-istess knisja.

Huwa mixtieq li fil-knejjes tad-djoċesi jsir talb għas-suċċess ta’ dan il-Kungress u li l-attendenza għalih tkun waħda numeruża.

Il-Paċi ta’ Kristu r-Rxoxt timlà l-qalb tagħkom.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 22 t’April 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 346 - April 2003

Nru. 346

APRIL 2003

Id-dinja kattolika qegħda tistenna bil-ħerqa l-enċiklika l-ġdida dwar l-Ewkaristija, li kif ġie imħabbar, il-Papa Ġwanni Pawlu II għandu jippublika fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka.

Aħna s-saċerdoti, bħal l-insara l-oħra u iżjed minnhom wkoll nistennew din l-enċiklika b’interess kbir u f’dawn il-ftit ġranet li fadal qabel il-publikazzjoni tagħha, nħejju ruħna għaliha. Naħseb li minn issa għandna naraw x’nistgħu nagħmlu aħna biex din l-enċiklika tkun ta’għajnuna mhux biss għalina personalment biex nikbru fid-devozzjoni tagħna lejn l-Ewkaristija, iżda wkoll biex tiggwidana fil-ħidma pastorali tagħna.

Ta’ min josserva qabel xejn li fis-seklu XX il-Papiet kellhom xi enċiklika jew dokument importanti dwar il-misteru ewkaristiku. Biżżejjed insemmu bħala eżempju l-Mirae Charitates ta’ Ljun XIII u l-Mysterium Fidei ta’ Pawlu VI, ninnotaw ukoll li fil-waqt li fis-sostanza, dawn id-dokumenti jtennu l-istess prinċipji, imma f’kull wieħed ftit jew wisq hemm il-marka jew il-libsa tal-epoka, li fiha inkitbu.

L-istess ħaġa nistħajjel li tiġri fl-enċiklika li qegħdin nistennew; jiġi mtenni fiha it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, dwar l-Ewkaristija, dak li t-teologu Hans Urs Von Balthasar jsejħilhom “punti fermi”, imma jkun fiha wkoll xi novità u xi tagħlim ieħor li huwa wisq meħtieġ għall-kattoliċi tat-tielet millenju u ta’ l-era post-konċiljari.

Fiha x’fiha l-enċiklika żgur li jekk naqrawha u nimmeditawha kif imiss għandha tagħmilna iktar konxji mir-responsabiltà tagħna bħala saċerdoti tal-liġi l-Ġdida u mill-kobor tas-Sagrifiċċju li noffru ta’ kuljum lil Alla.

Dawn is-sentimenti huma espressi b’mod hekk sabiħ fil-ktieb ta’ l-Imitazzjoni ta’ Kristu, IV ktieb kapitlu V “Kemm hu kbir l-misteru ta’ l-Ewkaristija, u kemm hu għoli l-ġieh ta’ Saċerdot, li jista’ jagħmel dak li anqas l-Anġli ma jistgħu jagħmlu!”

L-enċiklika l-ġdida bla dubbju għandha tfakkarna fil-ġid spiritwali immens li joħroġ bħala frott tal-Quddiesa biex inkunu iktar rikonoxxenti lejn Alla u nroddulu ħajr, anki f’isem l-insara l-oħra li forsi jinsew dan id-dejn ta’ gratitudni.

Ikompli jgħidilna l-Kempis fi tmiem tal-kapitlu “Waqt il-quddiesa tiegħu, s-Saċerdot ikun qiegħed jagħti ġieh ’l Alla, l-Anġli jifirħu bil-hena, l-Knisja titgħaxxaq bih, iwettaq il-mistrieħ lill-mejtin u jaqla’ għalih innifsu sehem ta’ kull ġid għar-ruħ.”

Nixtieq ninqeda b’din l-okkażjoni biex nissuġerixxi lil ħuti fis-saċerdozju sabiex naqbdu f’idejna l-enċiklika dwar l-ewkaristija, nieħduha biċċa biċċa u għal xi ġranet nagħmlu meditazzjoni fuqha kif ukoll l-eżami tal-kuxjenza biex naraw jekk ahiex nonqsu f’xi ħaġa rigward id-dmirijiet tagħna lejn l-Ewkaristija.

Hemm ċerti punti mbagħad li nixtieq insemmihom u nfakkarhom għaliex fl-opinjoni tiegħi utli ħafna għal qawmien spiritwali tal-insara ta’ pajjiżna. Ninsistu iktar fuqhom, fil-priedki, konferenzi, fil-Qrar u fid-Direzzjoni SpiritwaliĠ
1.    Il-parteċipazzjoni devota u attiva fil-Quddiesa tal-Ħadd u possibilment anki fil-ġranet tax-xogħol.
2.    It-tqarbina iktar frekwenti speċjalment fost l-irġiel.
3.    Il-ħtieġa ta’ kuxjenza bla pis tad-dnub mejjet f’dawk li jqersqu jitqarbnu.
4.    Il-preparazzjoni xierqa tat-tfal għall-Ewwel Qrara u l-Ewwel Tqarbina.
5.    Il-vista lil Ġesù Sagramentat, anki iktar minn darba kuljum.
6.    Il-ġenuflessjoni u l-adorazzjoni b’devozzjoni u b’qima kbira lejn l-Ewkaristija

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex