Ċirkulari 420/2003 (29 ta’ Jannar 2003)

Nru. 420/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

F’dawn l-aħħar snin, fid-djoċesi tagħna qed jiġi ċċelebrat “Jum il-Ħajja,” fl-ewwel ġranet ta’ Frar kif jiġri wkoll f’xi doċesijiet oħra fid-dinja.

Nistgħu ngħidu li l-iskop ta’ din iċ-ċelebrazzjoni huwa doppjuġ l-ewwelnett sabiex nifhmu sewwa, nassimilaw u niddefendu t-tagħlim dwar il-valur tal-ħajja umana, kif tagħlimulna Ommna l-Knisja  Imqaddsa. Bħala wlied l-Knisja, aħna kommunità li nemmnu u nistqarru li l-ħajja umana mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha hija sagra u invjolabbli. Alla biss huwa s-Sid assolut tagħha u huwa biss li jista’ jiddisponi minnha skond ir-rieda tiegħu. Il-bniedem ma hux sid la ta’ ħajjtu u l-anqas tal-ħajja ta’ ħaddieħor, huwa biss amministratur ta’ ħajtu li ġiet mislufa lilu minn Alla.  Huwa għalhekk għandu jieħu ħsieb ħajjtu u jipproteġiha u għalhekk ma jistax jippreġudika jew bla bżonn ipoġġiha fil-periklu tal-mewt jew ta’ ħsara fiżika.

Dak li ma jistax jagħmel b’ħajjtu, inqas u inqas jista’ jagħmlu b’ħajjiet ħaddieħor.  Għalhekk il-Knisja tqis bħala dnubiet li jistgħu jkunu ukoll gravi ħafna, l-abort, l-ewtanasija, s-suwiċidju u dak li jħedded serjament il-ħajja tal-bniedem.

It-tieni skop li għalih jiġi ċċelebrat “Jum il-Ħajja” huwa sabiex insiru aktar konxji mid-dmirijiet li għandna f’dan il-kamp.  Mhux biżżejjed li nikkundannaw l-abort u neħduha kontra tiegħu, iżda jeħtieġ li b’kull mezz ngħinu lil dawk li jistgħu jkunu fil-periklu li jikkommettu l-abort.  Mhux biżżejjed li ngħidu li l-ewtanasija hija moralment ħażina, iżda jeħtieġ ukoll li bil-kliem u b’għemilna nfarrġu u nagħmlu l-kuraġġ lil dawk li jkunu ttentati li jagħmlu dan il-pass żbaljat.  }gur li jekk noffrulhom is-solidarjetà tagħna, ħafna persuni jsibuha iktar ħafifa li ma jċedux għal ebda azzjoni li thedded il-ħajja tagħhom jew ta’ ħaddieħor.

Fuq kollox niftakru li l-ħajja ta’ kwalunkwe bniedem, hija valur wisq aqwa mid-deheb, il-fidda, l-flus u kull ħaġa oħra materjali u għalhekk ma nistgħu nibdluha ma xejnġ il-ħajja umana la tinbiegħ u l-anqas tinxtara.  Il-ħajja umana għandha l-jedd li tiġi mħarsa u tiġi mmexxija għad-destin li għalih ħalaqha il-Mulejġ cioè biex tilħaq il-perfezzjoni tagħha fil-ħajja ta’ dejjem.

Il-Mulej Sid il-ħajja  jħariskom dejjem u kullimkien.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  29 ta’ Jannar 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex