Ċirkulari 419/2003 (17 ta’ Jannar 2003)

Nru. 419/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX


Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nixtieq qabel xejn nirripeti u nikkonferma dak li ntqal fis-Sinodu Djoċesan, fl-artiklu 192 li “ċ-Ċentru Parrokkja li għadu strument validu li permezz tiegħu, l-parroċċa tkun tista’ twettaq attivitajiet formativi u kulturali, Iżda jeħtieġ li dan ikun aġġornat bla waqfien skond it-tibdil tal-kuntest edukattiv u soċjali.” Is-Sinodu  fil-paragrafu c(iii) ta’ l-istess artiklu jirrikmanda wkoll xi wħud mid-diversi ħidmiet li ċ-Ċentru jista’ jwettaq u fost l-oħrajn isemmi l-formazzjoni kontinwata.  Huwa ovvju li biex iċ-Ċentru Parrokkjali jilħaq l-għanijiet tiegħu, jeħtieġ li jiffunzjona tajjeb u jkun immexxi kif imiss.

Dawn il-postijiet edukattivi fid-djoċesi tagħna, llum insejħulhom “Ċentru Parrokkjali” u ma għadhomx jissejħu kif kienu jissejħu oriġinarjament “Ċentri taż-żgħażagħ,” madankollu, xorta waħda ma għandux jonqos fihom l-interess għaż-żgħażagħ u ż-żelu għall-apostolat fost din il-kategorija ta’ parroċċani, li għandha mportanza hekk kbira.

Il-Pjan Pastorali Kwinkwennali jirrileva dan il-fatt fil-paragrafu 181 fejn jgħid li “ċ-Ċentru Parrokkjali huwa struttura maħsuba għall-kategoriji kollha tal-parroċċa, però jista’ jagħti kontribut importanti f’dik li hija pastorali maż-żgħażagħ.  Miċ-ċentru parrokkjali, iż-żgħażagħ jistennew programm ta’ attivitajiet rikreattivi, kulturali u anki reliġjużi.  Jixtiequ wkoll il-preżenza ta’ saċerdot li jifhimhom u jkun ‘point of reference’ għalihom.”

F’dawn l-aħħar snin, il-parroċċi ġew mitlubin jorganizzaw “Jum iċ-Ċentri Parrokkjali” f’xi jum li jaħbat qrib il-festa ta’ San Ġwann Bosco, 31 ta’ Jannar, u preferibilment fil-Ħadd ta’ qabel.

Nixtieq għalhekk ninsisti sabiex fil-parroċċi kollha fejn jinsabu Ċentri Parrokkjali jew lokali simili, l-insara jiġu mħeġġin joffru t-talb tagħhom għal dawn l-inizjattivi hekk utli fi żminijietna u jgħinuhom wkoll biex jissaħħu dejjem iktar fil-ħidmiet tajba li huma jwettqu.

Ninqeda b’din l-okkażjoni biex infakkar li jeħtieġ li ċ-Ċentru Parrokkjali jkollu l-Kumitat tiegħu u jixraq li dan il-Kumitat jkollu fi ħdanu rappreżentant taż-żgħażagħ.  Hemm bżonn ukoll li fiċ-Ċentru jiġi osservat l-Istatut li kien deher fl-appendiċi tat-Tieni Sinodu Djocesan u b’mod speċjali jiġi evitat dak kollu li ma jaqbilx mal-artikli numru 12 u 13 ta’ dan l-istatut.

Fl-aħħarnett nixtieq li kif għadna fil-bidu tas-sena 2003 nfakkar lil kumitati taċ-Ċentri Parrokkjali li huma mitluba jfasslu programm ta’ ħidmiet li jistgħu jitwettqu fiċ-Ċentru, mqassmin matul is-sena kollha, u kopja ta’ dan il-programm, għandha tintbagħat lill-Uffiċċju ta’ l-Attivita Kulturali tal-Kurja.

Il-Mulej ibierek l-isforzi kollha tagħkom biex tikbru fil-virtujiet insara u fl-imħabba tagħkom lejH.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  17 ta’ Jannar 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex