Ad Clerum Nru 343 - Jannar 2003

Nru. 343

JANNAR 2003

Dokument li jistħoqqlu mhux biss li jinqara, iżda wkoll li jiġi meditat minn kull saċerdot hija l-istruzzjoni li ppublikat il-Kongregazzjoni tal-Kleru fl-4 ta’ Awissu 2002 taħt it-titlu Is-Saċerdot Ragħaj u Mexxej tal-Komunità Parrokjali u li deher fil-Bullettin ta’ l-Arċidjoċesi. Jixraq ukoll li nagħmlu riferenza għall-istess dokument f’din il-ħarġa u ħarġiet oħra tal-Ad Clerum.

Fl-ewwel parti fin-numru 4 naqraw li “aħna l-qassisin ġejna ikkonsagrati fil-Knisja għal dan il-ministeru speċifiku. Aħna ġejna msejjħin b’modi varji, biex nagħtu s-sehem tagħna, kull fejn tqegħdna l-Providenza, għall-formazzjoni tal-komunità tal-Poplu ta’ Alla. Dmirna hu li nagħmlu dak li qalilna San Pietru: “Jirgħu l-merħla ta’ Alla li hemm fostkom. Ħudu ħsiebha, mhux mġegħlin, imma minn ragħjkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ moqżież, imma bil-ħeġġa tal-qalb; mhux qieskom taħkmu fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi ssiru mera tal-merħla’(I Pt. 5,2-3). Din hija t-triq tagħna tal-qdusija, li twassalna gall-aħħar laqgħa tagħna, mar-Ragħaj il-Kbir li għandu f’idejh ‘il-kuruna tal-glorja.’ Din hija l-missjoni tagħna fis-servizz tal-poplu nisrani.”

Dawn il-kelmiet iħeġġuna biex inżommu ħaj fina ż-żelu apostoliku jiġifieri l-ħeġġa li ngħamlu l-ġid spiritwali lill-oħrajn kull fejn inkunu u b’kull mod li nistgħu. Ifakkarna wkoll li aħna amministraturi, cioè qaddejja u mhux sidien u għalhekk mhux billi naħkmu bl-arja fuq l-oħrajn iżda bl-eżempju tajjeb li nagħtuhom.

Dan id-dokument jgħallimna li għalina s-saċerdoti, mhux biżżejjed li nqaddsu, nippriedkaw, inqarru u namministraw is-sagramenti l-oħra, iżda jeħtieġ ukoll li nikkontribwixxu biex tiġi ffurmata l-komunità. Dan jitlob fuq kollox prudenza u mħabba; prudenza biex ma ngħidux xi kliem li jista’ jġib firdiet u tensjonijiet u l-anqas ngħidu kliem li joħloq suspetti u li jġib xi dubbji li jimminaw il-karità nisranija.

Id-dokument imsemmi, mbgħad jgħaddi biex isemmi t-tliet aspetti tal-identità saċerdotali cioè l-identità pneumatoloġika, identità kristoloġika u ekkleżjoloġika.

Immexxi mill-Ispirtu s-Santu, s-saċerdot iwettaq dmirijietu bħala qaddej ta’ Kristu, permezz ta’ Kristu huwa ministru tal-Knisja, tal-umanità kollha. Huwa ġie ordnat għas-servizz tal-komunità. Permezz taċ-ċelibat huwa jagħti xhiedha u jwettaq l-affidament totali lil Kristu biex ikun jista’ jaqdi aħjar lill-oħrajn.

“Il-Komunità ekkleżjali għandha bżonn assolut tas-saċerdozju ministerjali, sabiex ikollha lil Kristu, Kap u Ragħaj, preżenti fi ħdanha” (n.5).

Id-dokument (n.7) jsemmi wkoll il-perikli li l-lajċi jiġu klerikalizzati, u l-membri tal-kleru jiġu sekolarizzati.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex