Ċirkulari 417/2002 (30 ta’ Novembru 2002)

Nru. 417/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Sar magħruf li nhar il-Ħamis li ġej, 5 ta’ Diċembru ser jiġi ċċelebrat “Jum il-Volontarjat.” Ta’ min jinnota b’sodisfazjon illi l-volontarjat ta’ kull għamla huwa wieħed mis-sinjali ta’ żminijietna li huma sbieħ u ta’ min jinkoraġġihom.

Taħt dan l-isem ta’ volontarjat jaqgħu l-bnedmin kollha, irġiel u nisa, żgħażagħ u adulti, li fil-ħajja tagħhom isibu ftit taż-żmien biex jiddedikawh għal ġħid ta’ għajrhom mingħajr ma jistennew rikompens jew ħlas tas-servizz u ta’ l-għemil tagħhom.  Il-ħidma volontarja tista’ tkun ta’ kull għamla u tirrigwarda mhux biss dak li huwa meħtieġ għall-ħajja tal-ġisem imma anke dak li huwa meħtieġ għall-ħajja tar-ruħ.  Għalhekk fil-fehma tagħna qegħdin iwettqu volontarjat siewi mhux biss dawk li jżuru l-morda, jgħinu l-foqra u dawk li jipprovaw isolvu l-problemi tal-familji eċċ., imma wkoll dawk li jgħinu fl-organiżżazzjoni liturġika u li jagħtu tagħlim u fuq kollox it-tagħlim reliġjuż.

Peress li aħna kattoliċi, ta’ min jinsisti li l-volontarjat tagħna jkun volontarjat nisrani.  Dan ifisser li l-volontarjat tagħna u kull ħidma li nwettqu b’risq l-oħrajn ma tkunx motivata minn skopijiet ta’ din id-dinja bħalma hija l-popolarità u xi vantaġġi għal min jagħmel volontarjat iżda tkun imqanqla mill-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, jiġifieri nagħmlu l-ġid lill-oħrajn għaliex inħobbu sinċerament u bil-fatti l-proxxmu tagħna kif iridna Kristu.

Fil-Jum tal-Volontarjat, iktar minn żminijiet oħra, huwa dmir tal-komunità kattolika ta’ għiritna u tal-membri kollha tagħha li wara li jroddu ħajr lill-Ispirtu s-Santu illi qanqal il-moviment volontarju fid-dinja ta’ llum u f’pajjiżna, jitolbu wkoll lil Alla l-Imbierek biex jagħti l-kuraġġ lil dawk li qegħdin iwettqu xi forma ta’ volontarjat, isaffu dejjem l-intenzjoni tagħhom biex ikollhom motivazzjoni nisranija u fl-aħħarnett biex isieħbu membri ġodda fil-volontarjat  u b’mod speċjali mill-kategorija taż-żgħażagħ.

Il-Mulej li beda kull opra tajba fikom iwettaqha sat-tmiem.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  30 ta’ Novembru 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex