Nru. 414/2002
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Nixtieq nerġà nfakkar li din is-sena, 2002, li diġà qbiżna n-nofs tagħha, fid-djoċesi tagħna hija ddedikata għal-Liturġija. Ngħarrafkom wkoll li s-sena li ġejja 2003 sejra tkun iddedikata għad-djakonija u għall-promozzjoni umana u opri ta’ karità nisranija.
Peress li s-Sagramenti, wara s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa huma parti importanti fil-Liturġija, nixtieq ninsisti fuq iċ-ċelebrazzjoni xierqa tagħhom, kif hu ssuġġerit ħafna drabi fis-Sinodu Djoċesan(n.358ff) u fil-Pjan Pastorali Kwinkwennali 2001-2005 (70). Barra mill-attenzjoni sabiex iċ-ċelebrazzjoni proprja tas-Sagrament issir skond in-normi liturġiċi, meħtieġa wkoll Pastorali Pre-Sagramentali u Post-Sagramentali. Dan ifisser li trid issir preparazzjoni kateketika xierqa qabel ma jiġi ċċelebrat is-Sagrament u mbagħad jsiru wkoll attivitajiet li jgħinu sabiex kull Sagrament jagħti l-frott tiegħu fil-ħajja nisranija ta’ min jirċievih.
Biex nibdew mill-Magħmudija, li hija l-ewwel Sagrament nixtieq ninsisti fuq tliet punti:
1. Sa ċertu żmien il-Magħmudija kienet tingħata aktarx fl-istess jum tat-twelid tat-tarbija jew fi ftit jiem waraġ illum bosta drabi titħalla għall-iktar tard. Din id-drawwa għandha l-vantaġġ tagħha għaliex tagħti ċans ukoll lill-omm li tkun preżenti u tieħu sehem fil-funzjoni tal-Magħmudija. Iżda ma jixraqx li ċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija titħalla għall-ħafna tard. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (n.1250) jgħidilna “l-ġenituri jkunu jċaħħdu lit-tarbija tagħhom mill-grazzja kbira li tkun iben Alla jekk ma jgħammduhiex ftit wara li titwieled.”
2. Rigward l-ismijiet f’pajjiżna u f’ħafna pajjiżi oħra – ħaġa li innutajtha wkoll fil-Brażil – hemm tendenza qawwija li jingħataw lit-tfal, ismijiet li m’humiex ismijiet insara. Il-ġenituri, il-parrinijiet u l-kappillan – kif iwissi l-Kanoni 855 tal-liġi Ekkleżjastika - għandhom jaraw li ma jingħatax xi isem li jkun barrani għat-tifsir nisrani.” Nixtieq nissuġerixxi wkoll li għall-inqas bħala t-tieni isem, tfal subien u bniet jissemmew ukoll “Marija” bħal per eżempju “Vincenzu Marija.”
3. Dwar l-għażla tal-parrinijiet, is-Sinodu Djoċesan jgħidilna li dawn għandhom ikunu jafu liema huwa s-sehem tagħhom u jkunu mħejjin kif jixraq biex iwettquhġ sabiex ma jiġrix li jaħsbu li t-twettiq ta’ dan id-dmir li ħadu u li huwa hekk nobbli jikkonsisti biss fiċ-ċerimonja tal-Magħmudija (117.a). Fuq kollox bl-eżempju tajjeb għandhom ikunu ta’ għajnuna fil-formazzjoni nisranija tal-filjozzi tagħhom.
Il-Mulej li sejħilkom għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb, iseddaqkom fil-grazzji tiegħu u jwassalkom għall-hena ta’ dejjem.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 27 t’ Awissu 2002
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex