Nru. 415/2002
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Ħamsin sena ilu seħħet ix-xewqa tal-Patrijiet Kapuċċini u tad-devoti ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li jaraw ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja mpittra mill-Pittur Malti Stiefnu Erardi, tiġi nkoronata b’kuruna tad-deheb u ta’ ħaġar prezzjus. Il-funzjoni ta’ l-inkoronazzjoni twettqet mill-qatt minsi Mons Ġużepp Pace, Isqof ta’ Għawdex mgħejjun mill-Isqof Emmanuel Galea u mill-Isqof ta’ Lipari Salvatore Re, Kappuċċin, fil-Pjazza San Franġisk quddiem folla kbira ta’ nies.
Għad li l-kuruna tal-Madonna u l-Bambin insterqu għal darba, darbtejn u dawn kienu okkażjonijiet ta’ niket għalina, iżda xorta waħda matul dawn il-ħamsin sena, id-devozzjoni tal-Għawdxin lejn il-Madonna tal-Grazzja kompliet tikber u tissaħħaħ.
Jixraq li din il-ġrajja ta’ nofs seklu ilu tiġi mfakkra b’funzjonijiet speċjali, li jkunu xhud ta’ l-imħabba tagħna lejn Sidna Marija.
Il-programm imfassal mill-kumitat organizzativ jinkludi fost l-oħrajn Pellegrinaġġ ta’ Radd il-Ħajr lill-Madonna, nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru fis-7.30, li ser ikun immexxi mill-Vigarju Ġenerali Mons Giovanni B. Gauċi. Dan il-Pellegrinaġġ jitlaq mill-Pjazza tal-Kattidral u jintemm bil-Barka Sagramentali fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Kappuċċini.
Nistiedinkom biex tieħdu sehem fil-funzjonijiet li ser isiru f’din l-okkażjoni, speċjalment fil-Pelegrinaġġ ta’ Ringrazzjament.
L-Imqaddsa Verġni Marija tressaqkom lejn Binha Ġesù, l-għajn ta’ kull grazzja.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 4 t’ Awissu 2002
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex