Archive for August, 2002

Ċirkulari 414/2002 (27 t’ Awissu 2002)

Nru. 414/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nixtieq nerġà nfakkar li din is-sena, 2002, li diġà qbiżna n-nofs tagħha, fid-djoċesi tagħna hija ddedikata għal-Liturġija.  Ngħarrafkom wkoll li s-sena li ġejja 2003 sejra tkun iddedikata għad-djakonija u għall-promozzjoni umana u opri ta’ karità nisranija.

Peress li s-Sagramenti, wara s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa huma parti importanti fil-Liturġija, nixtieq ninsisti fuq iċ-ċelebrazzjoni xierqa tagħhom, kif hu ssuġġerit ħafna drabi fis-Sinodu Djoċesan(n.358ff) u fil-Pjan Pastorali Kwinkwennali 2001-2005 (70).  Barra mill-attenzjoni sabiex iċ-ċelebrazzjoni proprja tas-Sagrament issir skond in-normi liturġiċi, meħtieġa wkoll Pastorali Pre-Sagramentali u Post-Sagramentali. Dan ifisser li trid issir preparazzjoni kateketika xierqa qabel ma jiġi ċċelebrat is-Sagrament u mbagħad jsiru wkoll attivitajiet li jgħinu sabiex kull Sagrament jagħti l-frott tiegħu fil-ħajja nisranija ta’ min jirċievih.

Biex nibdew mill-Magħmudija, li hija l-ewwel Sagrament nixtieq ninsisti fuq tliet punti:

1.    Sa ċertu żmien il-Magħmudija kienet tingħata aktarx fl-istess jum tat-twelid tat-tarbija jew fi ftit jiem waraġ illum bosta drabi titħalla għall-iktar tard.  Din id-drawwa għandha l-vantaġġ tagħha għaliex tagħti ċans ukoll lill-omm li tkun preżenti u tieħu sehem fil-funzjoni tal-Magħmudija.  Iżda ma jixraqx li ċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija titħalla għall-ħafna tard. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (n.1250) jgħidilna “l-ġenituri jkunu jċaħħdu lit-tarbija tagħhom mill-grazzja kbira li tkun iben Alla jekk ma jgħammduhiex ftit wara li titwieled.”
2.    Rigward l-ismijiet f’pajjiżna u f’ħafna pajjiżi oħra – ħaġa li innutajtha wkoll fil-Brażil – hemm  tendenza qawwija li jingħataw lit-tfal, ismijiet li m’humiex ismijiet insara. Il-ġenituri, il-parrinijiet u l-kappillan – kif iwissi l-Kanoni 855 tal-liġi Ekkleżjastika - għandhom jaraw li ma jingħatax xi isem li jkun barrani għat-tifsir nisrani.” Nixtieq nissuġerixxi wkoll li għall-inqas bħala t-tieni isem, tfal subien u bniet jissemmew ukoll “Marija” bħal per eżempju “Vincenzu Marija.”
3.    Dwar l-għażla tal-parrinijiet, is-Sinodu Djoċesan jgħidilna li dawn  għandhom ikunu jafu liema huwa s-sehem tagħhom u jkunu mħejjin kif jixraq biex iwettquhġ sabiex ma jiġrix li jaħsbu li t-twettiq ta’ dan id-dmir li ħadu u li huwa hekk nobbli jikkonsisti biss fiċ-ċerimonja tal-Magħmudija (117.a).  Fuq kollox bl-eżempju tajjeb għandhom ikunu ta’ għajnuna fil-formazzjoni nisranija tal-filjozzi tagħhom.

Il-Mulej li sejħilkom għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb, iseddaqkom fil-grazzji tiegħu u jwassalkom għall-hena ta’ dejjem.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  27 t’ Awissu 2002
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 415/2002 (4 t’ Awissu 2002)

Nru. 415/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Ħamsin sena ilu seħħet ix-xewqa tal-Patrijiet Kapuċċini u tad-devoti ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li jaraw ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja mpittra mill-Pittur Malti Stiefnu Erardi, tiġi nkoronata b’kuruna tad-deheb u ta’ ħaġar prezzjus.  Il-funzjoni ta’ l-inkoronazzjoni twettqet mill-qatt minsi Mons Ġużepp Pace, Isqof ta’ Għawdex mgħejjun mill-Isqof Emmanuel Galea u mill-Isqof ta’ Lipari Salvatore Re, Kappuċċin, fil-Pjazza San Franġisk quddiem folla kbira ta’ nies.

Għad li l-kuruna tal-Madonna u l-Bambin insterqu għal darba, darbtejn u dawn kienu okkażjonijiet ta’ niket għalina, iżda xorta waħda matul dawn il-ħamsin sena, id-devozzjoni tal-Għawdxin lejn il-Madonna tal-Grazzja kompliet tikber u tissaħħaħ.

Jixraq li din il-ġrajja ta’ nofs seklu ilu tiġi mfakkra b’funzjonijiet speċjali, li jkunu xhud ta’ l-imħabba tagħna lejn Sidna Marija.

Il-programm imfassal mill-kumitat organizzativ jinkludi fost l-oħrajn Pellegrinaġġ ta’ Radd il-Ħajr lill-Madonna, nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru fis-7.30, li ser ikun immexxi mill-Vigarju Ġenerali Mons Giovanni B. Gauċi.  Dan il-Pellegrinaġġ jitlaq mill-Pjazza tal-Kattidral u jintemm bil-Barka Sagramentali fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Kappuċċini.

Nistiedinkom biex tieħdu sehem fil-funzjonijiet li ser isiru f’din l-okkażjoni, speċjalment fil-Pelegrinaġġ ta’ Ringrazzjament.

L-Imqaddsa Verġni Marija tressaqkom lejn Binha Ġesù, l-għajn ta’ kull grazzja.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  4 t’ Awissu 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex