Archive for June, 2002

Ċirkulari 413/2002

Nru. 413/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes,Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Naħseb li wasal iż-żmien li bil-għajnuna ta’ Alla inwettaq xewqa li għal ħafna żmien ilha teżisti f’qalbi, cioè li nżur il-Brażil biex niltaqa’ mal-missjunarji tagħna li għal bosta snin, ilhom jgħinu spiritwalment u materjalment lil l-bnedmin ħutna li jgħixu f’dik l-art hekk kbira.  Is-saċerdoti Għawdxin li qegħdin iservu hemmhekk ilhom ħafna jħajjruni li nagħmel dan il-vjaġġ biex nara b’għajnejja x-xogħol siwi li għandhom f’idejhom, u jiena fl-aħħar iddeċidejt li nilqa’ s-suġġeriment tagħhom u mmur narahom.

Skond il-programm taż-żjara tiegħi fil-Brażil, jiena għandi nitlaq minn Malta nhar it-Tnejn 17 ta’ dan ix-xahar u nerġa lura, jekk Alla jrid, fil-5 ta’ Lulju.

Waqt li ninformakom b’dan il-vjaġġ tiegħi fil-kontinent ta’ l-Amerika t’Isfel, jiena ninsisti magħkom sabiex takkumpanjawni bit-talb tagħkom, ħalli l-preżenza tiegħi fil-Brażil tkun ta’ nkoraġġiment għall-missjunarji tagħna, Saċerdoti u Sorijiet li hemm jaħdmu f’dik l-art u anki, kif nispera, tisfa ta’ xi ftit ġid spiritwali lill-komunitajiet kattoliċi ta’ hemmhekk.

Ninqeda b’din l-okkażjoni biex inrodd ħajr lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom sabiex jirnexxu l-attivitajiet tal-Ġublew tad-Deheb tas-saċerdozju tiegħi li għadni kif ċċelebrajt, u mhux inqas inrodd ħajr ukoll lil dawk li kontinwament iwieżnuni bit-talb tagħhom.

Jalla l-Mulej Ġesù Kristu, Feddej tagħna ta’ qalb ħelwa u umli jimliekom bil-barka u s-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex