Archive for April, 2002

Ċirkulari 411/2002 (2 t’ April 2002)

Nru. 411/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Il-Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla f’din id-39 sena tiegħu ser jinżamm fil-parroċċa tan-Nadur nhar il-Ħadd, 14 t’April, 2002 bis-suġġett “Lilek O Alla nfaħħru bil-Liturġija.” Għal dan il-Kungress, huwa mistieden kullħadd, membri tal-Kleru, reliġjużi u lajċi nsara.

Kif għallimna l-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium,(7)ġ il-Liturġija għandha post importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja Kattolika: Difatti l-Liturġija hija “l-ħidma ta’ l-uffiċċju saċerdotali ta’ ĠesÙ Kristu fiha jitfisser u jseħħ, permezz ta’ sinjali sensibbli, it-tqaddis tal-bniedem skond il-mod proprju tiegħuġ f’din il-ħidma l-Ġisem mistiku ta’ Ġesu Kristu, jiġifieri r-Ras u l-membri tiegħu, jagħtu qima pubblika sħiħa.”

Il-Knisja, mwaqqfa minn Sidna Ġesu Kristu għandha bħala għan tagħha dak li tkompli twettaq il-missjoni u l-ħidma minnu mibdija.  Dan ifisser li l-Knisja bħal Kristu trid tħabrek biex ixandar il-glorja t’Alla l-Missier u biex tgħallem u ssalva l-erwieħ.  Din l-ewwel attivita tagħha li tfaħħar lil Alla u tkompli l-glorja tiegħu, il-Knisja twettaqha fuq kollox, permezz tal-Liturġija tagħha.

Kif kien qal il-Papa Pawlu VI fid-diskors ta’ l-għeluq tat-Tieni perjodu tal-Konċilju Vatikan II “Il-Liturġija hija l-ewwel fonti tal-ħajja divina ikkomunikata lilna, l-ewwel skola tal-ħajja tagħna spiritwali, u l-ewwel rigal li aħna (l-Papa u l-Isqfijiet) jistgħu jagħtu lil poplu nisrani, li għandu l-istess twemmin tagħna u jitlob magħna”(4 ta’ Diċembru, 1963).

Dan il-Kungress tax-Xirka, li jiġi ċċelebrat ta’ kull darba għall-ikbar glorja t’Alla, is-sena għandu wkoll dan il-ħsieb qaddis li jħajjarna u jħeġġiġna biex nieħdu sehem attiv u b’ħeġġa ta’ fidi dejjem akbar  għal Quddiesa u għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi l-oħra kollha.

Il-Mulej jagħtikom il-barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  2 t’ April 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex